Il-karattru
tagħna l-Maltin huwa wieħed Mediteranju, u nafu x’ jiġifieri karattru bħal dan;
bnedmin li kultant ma jaħsbuhiex darbtejn biex jgħidu dak li jaħsbu, anke jekk
dak li jkunu qegħdin jaħsbu ikun żbaljat, imma l-aqwa li jisparaw il-kliem.
Għażla ta’ Arċisqof ġdid

Mal-għażla ta’
Monsinjur Scicluna kien hemm min reġa’ semma’ l-kliem li sar f’ Diċembru li
għadda. Ħalli niftakru fuq fuq x’ kien intqal. Il-President ta’ Malta fid-diskors
tagħha f’ Jum ir-Repubblika kienet qalet li l-Knisja ma għadiex ċentrali
fil-ħajja Maltija. Ħaġa li ma tkunx ċentrali ma jfissirx li ma hijiex
importanti, imma jfisser li mhux kollox idur magħha. Jien qatt ma għaddieli
minn moħħi li s-Sinjura Coleiro Preca xi darba ddubbitat mill-importanza
tal-Knisja Maltija, imma qalet kif tara l-qagħda tal-Knisja f’ Malta. Dan ma
jinnegax li l-Knisja f’ Malta kienet pijuniera f’ kull qasam tal-ħajja ta’
pajjiżna, dan ma jħassarx il-fatt li l-Knisja ta’ Malta dejjem wettqet politika
soċjali qabel kull gvern. Tkellem sewwa ħafna l-Amministratur Appostoliku, l-Isqof
Charles J. Scicluna fi żmien il-festi
tal-Milied u l-ewwel tas-sena meta qal li d-dawl mhux bilfors ikun f’ nofs
il-kamra biex idawwalha, bozza tista’ tkun f’ rokna u ddawwal il-kamra xorta
waħda. Miż-żewġ naħat kien hemm min ħassu offiż. Kien hemm dawk li qalu li
l-President ma kienx messha tkellmet hekk u kien hemm min qal li Monsinjur
Scicluna ma kienx imissu jwieġeb d’ dak il-mod.
Kemm qegħdin sew
ukoll! Niftaħru li ngħixu f’ pajjiż demokratiku u mbagħad nieħdu fastidju jekk
bniedem jgħid dak li jħoss jew jaħseb.
Personalment kemm fid-diskors tal-President kif ukoll fil-kliem
tal-Monsinjur Scicluna nara l-verità sħiħa, nara l-verità minn żewġ angoli differenti,
imma hija dejjem l-istess verità.
Mhux l-awtorità biss
Ħaġa bħal din ma
ssirx biss meta jitkellemu l-awtoritajiet. Fuq il-mezzi tal-midja soċjali ġieli
jqumu argumenti sħan dwar xi ħaġa żgħira. Dawn l-argumenti ġieli jaqbżu kull
limitu u joħorġu mill-kuntest oriġinali u jispiċċaw jingħadu ħafna ħmerijiet.
Kollu ta’ xejn li
ppruvana ngħidu li kien hemm prodotti oħra fl-istess snin li kienu jssir Malta
wkoll u kienu tajba. Tiskanta kif hawn min kollox jara mil-lenti tal-politika
partiġġjana. Hawn min jara kollox aħmar u dak li huwa blu jarah ikrah u hawn
min jara kollox blu u l-aħmar ma jridx jarah b’ għajnejh. Imma possibbli li
fl-2015 għad hawn esseri umani li jirraġunaw b’ dan il-mod? Jiddispjaċini ngħid
li iva, baqa’ minn dawn li jilbsu nuċċali u l-kulur tan-nuċċali tagħhom biss jaraw
tajjeb. Għall-grazzja ta’ Alla dawn huma ftit. L-istorja riċenti ta’ pajjiżna
turina biċ-ċar li llum ftit huma dawk li jilbsu nuċċali u ma jibdluh qatt. Meta
l-abjad ikun abjad u l-iswed ikun iswed għandna ngħidu dak li hu.
Dan huwa tip ta’
karattru Malti li l-fatti qegħdin juruna li kull ma jmur qiegħed jiċkien
fin-numru ta’ Maltin li jġorruh. U mhux li kien jintemm għal kollox sabiex
nibdew ngħidu dak li tabilħaqq għandu jkun.
Fr Renò Muscat
Nessun commento:
Posta un commento