Kemm-il darba smajna l-kliem “B’ tal-linja jaqbillek”. Kien sar donnu
slogan biex il-poplu juża l-mezzi pubbliċi aktar u jħalli l-karozza tiegħu
fil-garage. Jien poġġejt punt interrogattiv wara din il-frażi biex b’ hekk
qiegħed nistaqsi jekk b’ tal-linja jaqbillekx jew le.
Qlajt transfer
Dawn l-aħħar snin kont noqgħod il-Birgu. Ftit ġimgħat ilu ġarrejt għal
tas-Sliema. Jekk inkun irrid nitkellem tqil ngħid li s-superjuri biddluli
l-assenjazzjoni tiegħi. Jekk inkun irrid nuża kliem li jifhmu kulħadd ngħid li
qlajt transfer. Tas-Sliema hawn realtà differenti għal kollox mill-Birgu. Hawn
differenza li bilkemm temmen li bqajt fl-istess nazzjon. Fost id-differenzi li
dlonk innutajt, hemm dik fejn jidħlu l-mezzi ta’ trasport. Fejn qabel kont b’
qalbi ttaqtaq li jwaqqafni xi ħadd fit-triq jiena u sejjer għal tal-linja, għax
għal minuta titlef il-karozza tal-linja u għandu mnejn ikollok tistenna madwar
siegħa oħra, hawnhekk is-servizz tal-karozzi tal-linja huwa aktar effiċċjenti,
titlef waħda u wara ftit minuti tara oħra ġejja.
Imma minn tas-Sliema jgħaddu ukoll numru kbir ta’ karozzi privati meta
mqabbel man-numru ta’ karozzi li għaddu mill-Kottonera. Għalhekk hemm tendenza
li f’ ċerti ħinijiet jinħoloq it-traffiku u għalhekk vjaġġ minn tas-Sliema
sal-Imsida, li suppost ma jdumx aktar minn kwarta, għandu mnejn joħodlok tliet
kwarti jew siegħa. It-tort ma huwa ta’ ħadd, il-karozzi fit-toroq tagħna huma
ħafna u t-toroq huma dawk li huma.
Lanċa ġejja u oħra sejra
Min ma jafx l-għanja popolari Maltija “Lanċa ġejja u oħra sejra, minn tas-Sliema għal Marsamxett”? Jekk fir-rush hour, vjaġġ minn tas-Sliema sal-Belt joħodlok siegħa, bil-lanċa tista’ tasal fi ftit minuti. U hawn nistaqsi għalfejn is-servizz tal-laneċ ma huwiex parti mill-kumpanija li tipprovdi s-servizz tal-karozzi tal-linja? Kieku bil-biljett tal-karozza tal-linja tkun tista’ tirkeb il-lanċa wkoll, bosta Maltin jibdew jużaw dan il-mezz.
U la qegħdin insemmu tas-Sliema u Marsamxett, nistaqsi mistoqsija oħra. X’
aħna nistennew biex naħsbu u nħaffru mina minn Manuel Island sal-Furjana u oħra
minn ħdejn il-pixkerija l-Belt sa Bighi fil-Kalkara? Kieku kellhom isiru dawn
iż-żewġ mini, twal xibrejn kollox, tkompli tonqos il-probelma tat-traffiku f’
Malta għax min ikun fin-nofsinhar ta’ Malta u jkun irid jersaq lejn tas-Sliema
jew San Ġiljan ma jkollux għalfejn jgħaddi mill-Marsa u l-Imsida, żewġ punti li
huma salib it-toroq ta’ bosta direzzjonijiet. Mini taħt il-baħar hawn kemm trid
fid-dinja. Tkun Marsilja, biex nagħti eżempju wieħed biss, tkun qiegħed issuq
mal-port, u tinżel f’ mina u x’ ħin titla’ ssib ruħek fuq in-naħa l-oħra
tal-port. Għalfejn aħna naqtgħu qalbna minn ħaġa bħal din? Kieku anke vjaġġi b’
tal-linja jkunu iqsar.
Kenn mix-xemx u x-xita
Ladarba qegħdin nitkellmu fuq tal-linja, tajjeb insemmi l-kenn fejn
il-passiġġieri jkunu jistgħu jistennew sakemm tasal il-karozza. Qiegħed
nirreferi għal dawk tal-ħġieġ bil-poeżija ta’ Oliver Friggieri fuqhom. Għad li
fid-dehra huma sbieħ, dawn il-kennijiet ma humiex prattiċi. Fis-sajf tmut
bis-sħana fihom u fix-xitwa, r-riħ kiesaħ li jaħkem fihom tħossu jidħollok
fl-għadam. Imma agħar minn dawk
il-waqfiet li għandhom kenn bħal dawn li qiegħed insemmi huma dawk il-waqfiet
li ma għandhomx kenn. Dawn ma humiex waħdiet. Povri dawk li jkollhom jistennew
f’ waqfiet bħal dawn. Imbagħad hemm anomalija oħra, hemm waqfiet ħdejn xulxin,
xi wħud bil-kenn u oħrajn le. Qiegħed ngħid għall-waqfa tal-Bombi fil-Furjana.
Fejn jieqfu l-karozzi li jmorru lejn il-Kottonera, iż-Żurrieq u dik iż-żona
hemm kenn, imma fejn jieqfu l-karozzi li jkunu sejrin lejn ir-Rabat u ż-żona u
Ħaż Żebbuġ u ż-żona ma hemmx kenn. Tajjeb li min hu inkarigat jieħu naqra
ħsieb.
Jiena nemmen li biex il-Maltin jibdew jużaw il-karozzi tal-linja,
is-servizz għandu jkun bla ħlas. Taħsbux li qiegħed nitlef rasi, naf li hemm
spejjes kbar involuti. Imma jekk it-trasport pubbliku jkun bla ħlas u n-nies
tibda’ tużah aktar, jonqsu l-karozzi privati mit-toroq u għalhekk jonqos
il-velenu li joħroġ fl-arja min dawn il-karozzi. Ladarba jonqos il-velenu
fl-arja jonqos anke l-mard u għalhekk il-gvern tonqoslu l-ispiża tal-kura
fl-isptarijiet. Il-miljuni frankati jkunu jistgħu jintużaw għat-trasport. Mezz ieħor biex ikun iffinanzjat is-servizz
huwa li kull min għandu t-tieni karozza f’ismu jkollu jħallas taxxa, issir roster meta jibdew joħorġu ċerti
karozzi, jogħlew il-multi għal kontravenzjonijiet li jsiru fit-toroq u kollox
imur biex jiġi ffinanzjat dan is-servizz. B’hekk il-poplu jkollu inċentiv li
juża tal-linja u ladarab s-servizz ikun użat, dan jibda jaħdem b’mod
effiċjenti.
Mhux lakemm taqbad u tbiddel biex iseħħ dak li qiegħed ngħid jiena, imma
lanqas semmejt ħwejjeġ ta’ barra minn hawn. Bi pjan tajjeb jista’ jsir xi ħaġa
biex ineħħu l-punt interrogattiv minn wara l-frażi: B’ tal-linja jaqbillek?
Fr Renò Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Marzu, 2015
Nessun commento:
Posta un commento