venerdì 24 aprile 2015

Referendum dwar il-Festi

Fl-Eżortazzjoni Appostolika, Post- Sinodali li ġġib l-isem Ecclesia in Europa, maħruġa fit-28 ta’ Ġunju tal-2003, Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien kiteb hekk: Minkejja li f’ bosta partijiet kbar tal-kontinent Ewropew hemm dekristjanizazzjoni,  hemm ukoll sinjali li jispjegaw il-wiċċ ta’ Knisja li temmen, ixxandar, tiċċelebra u taqdi lill-Mulej. Fil-fatt ma jonqsux eżempji ta’ Insara awtentiċi li jesperjenzaw silenzju kontemplattiv, jieħdu sehem fedelment f'attivitajiet spiritwali, jgħixu l-Evanġelju fil-ħajja tagħhom ta' kuljum u huma xhieda ta’ dan l-Evanġelju fid-diversi impenji tagħhom. Tista’ tidher ukoll manifestazzjoniji ta’ “qdusija popolari”, li tfisser li fl-Ewropa tal-lum mhuwiex impossibbli li tgħix l-Evanġelju individwalment u f’ esperjenza komunitarja awtentika. (numru 67)

Id-devozzjonijiet popolari f’ Malta ma humiex nieqsa, imma x’ importanza għandhom fil-ħajja tagħna llum? Fuq kollox x’ inhuma dawn id-devozzjonijiet popolari?

Fratellanzi, pellegrinaġġi u purċisjonijiet
Fl-Ewropa kollha insibu ħafna u ħafna devozzjonijiet. Xi wħud minnhom huma antiki ferm u jistgħu jkollhom eluf ta’ snin, devozzjonijiet li bdew fl-ewwel snin tal-Kristjaniżmu. Ma hemmx għalfejn immorru wisq bogħod; f’ pajjiżna stess għandna postijiet marbutin mal-miġja ta’ San Pawl fuq xtutna. Postijiet bħal dawn taw bidu għal għaqdiet ta’ nies li jkollhom interess komuni. Maż-żmien bdew jitwieldu l-fratellanzi fi knejjes oħrajn li minbarra skop reliġjuż kien ikollhom ukoll skop soċjali. Kienu speċi ta’ trade unions żgħar taħt il-kappa tal-Knisja.

Il-postijiet marbuta ma’ xi ġrajja jew ma’ xi qaddis partikolari bdew ikunu postijiet ta’ kult (devozzjoni) popolari u għalhekk kienu jiġu organizzati pellegrinaġġi fihom. L-akbar xewqa ta’ kull Nisrani kienet dik li jżur l-art fejn twieled, għex, miet u rxoxta Ġesù, imma kemm minħabba problemi ta’ flus, kif ukoll minħabba li mhux dejjem kien possibli li pellegrinaġġi bħal dawn isiru, bdejna nsibu d-devozzjoni tal-Via Sacra fil-knejjes tagħna u wieħed kien ikun jista’ jimxi pass pass il-passjoni ta’ Kristu  mingħajr ma jkollu għalfejn jitlaq minn pajjiżu.

Il-purċissjonijiet bdew isiru bis-sagrament jew b’ xi relikwija ta’ xi qaddis. Ir-relikwarji bdew kull ma jmur isiru aktar elaborati u bdew isiru anke statwi tal-fidda biex iżommu dawn ir-relikwi. F’ Napli għadhom joħorġu purċissjonijiet bi statwi tal-fidda. Mhux statwa waħda jew tnejn imma aktar minn għoxrin waħda joħroġu biex jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġennaru. L-istatwi huma ta’ qaddisin prottetturi ta’ din il-belt Taljana. F’ pajjiżna wkoll insibnu li l-parroċċi kollha għandhom l-istatwa titulari, xi wħud qodma, li resqin lejn it-300 sena u oħrajn ġodda. Purċissjonijiet isiru mhux biss tal-qaddisin patruni tal-parroċċa imma hemm xi lokalitajiet fejn isiru bosta purċissjonijiet ta’ festi sekondarji. Il-purċissjoni għadha tiġbed bosta nies lejha.

Dawn huma kollha devozzjonijiet popolari li bħalma semma San Ġwanni Pawlu II, jgħinu biex dak li jkun jgħix l-Evanġelju f’ esperjenza komunitarja. Għalhekk huma importanti għax il-bniedem ma huwiex maħluq biex jgħix waħdu imma fin-natura tiegħu ifittex il-komunità. Il-bniedem ifittex ukoll l-ispiritwalità. Il-fratellanzi, il-pellegrinaġġi u l-purċissjonijiet joffru spazju u ħin biex dak li jkun jgħix din l-esperjenza komunitarja, soċjali u spiritwali.

Il-pageantry
Ma nafx kif naqbad insejjaħ il-pageantry bil-Malti; forsi spettaklu reliġjuż? Hu x’ inhu, nispera li tifhmu għal xiex qiegħed nirreferi. Ir-rapreżentazzjonijiet teatrali marbutin ma’ xi ġrajja reliġjuża kienu popolari ferm fil-medju evu. In-nies kienet analfabeta, ma tafx taqra u tikteb imma kienet tħobb tisma’ u tara. Kienu jsiru rapreżentazzjonijiet teatrali fil-pjazez u n-nies kienet tinġabar biex tara. Bosta drammi kienu jkunu xi siltiet mill-ħajja ta’ Kristu.

Parti minn dawn ir-rapreżentazzjonijiet daħlet fil-kultura tagħna bla ma nafu. Mela meta kien isir id-dramm ta’ Kristu tiela’ s-sema, kien jintrama apparat biex l-attur li jagħmilha ta’ Kristu jitla’ ’l fuq mill-palk. Kien apparat tal-injam. Sabiex jinħeba dan l-apparat kien jitpoġġa liżar impitter taparsi sħaba. Minn hemm ħadna d-drawwa li meta nagħmlu xi rapreżentazzjoni tal-ġenna, jew tas-sema, dejjem naraw in-nies fuq l-isħab. Araw xi film tal-after death, jidhru nies mexjin fuq l-isħab. Illum fl-2015 għanda niltaqgħu ma’ dan il-fatt ukoll. Osservaw ir-reklam ta’ ċerta marka ta’ kafè li jidher fuq l-istazzjonijiet televiżivi Taljani, iġiblek il-ġenna fl-isħab. Dan kollu kellu l-bidu tiegħu fil-liżar impitter biex jaħbi l-apparat fir-rapreżentazzjoni teatrali ta’ Kristu tiela’ s-sema.

Importanza
B’ dan l-eżempju tal-pageantry ridt nuri l-importanza ta’ dak li huwa sagru fil-ħajja tal-bniedem. Minkejja kollox xorta għad għandna bżonn is-sagru, xorta għandna nħossu l-ħtieġa ta’ xi ħaġa akbar minna. Dan is-sentiment nesprimuh fil-festi. F’ pajjiżna l-festi m’ aħniex nieqsa minnhom u huma l-aktar devozzjoni popolari mifruxa, kultant anke b’ mod eseġerat. Nistaqsi: kieku kellu jsir referendum (ladarba għadna friski minn wieħed) dwar il-festi f’ Malta, dawn jibqgħu jew jitneħħew? Minkejja kollox, qabel ma wieħed iwieġeb, għandu jiftakar l-importanza umana tal-ispiritwalità u l-okkażjoni ta’ esperjenza komunitarja awtentika li wieħed jista’ jsib fil-festi tagħna.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 25 ta' April 2015



Nessun commento:

Posta un commento