Aktarx li matul ix-xhur tas-sajf dak li jkun ifittex iktar
li joħroġ mid-dar u jsib xi post fejn ikun jista’ jqatta’ xi ftit ħin, fejn
jgħaddi l-ħin liberu tiegħu. Imma mhux kulħadd għandu ħin għalih innifsu. Qabel
kont tisma’ min jgħidlek li kien qiegħed jagħmel xi biċċa xogħol biex jgħaddi
siegħa żmien jew biex joqtol il-ħin jew biex jehda. Illum aktar nisimgħu min
jgħid li ma għandux ħin. Imma b’ xorti tajba għad hemm min għad għandu ħin
liberu u jużah sewwa.
Volontarjat
Minkejja li dan il-qasam ma huwiex marbut max-xhur tas-sajf,
imma t-temp ikun jippermetti li jsiru aktar attivitajiet ta’ ħidma volontarja
b’ risq għaqdiet filantropiċi, soċjali jew oħrajn. Isiru għadd ta’ maratoni b’
għanijiet nobbli. U min jorganizza dawn il-maratoni? L-organizzaturi huma bosta
drabi volontiera li jaħdmu mill-qalb fil-ħin ħieles tagħhom sabiex l-attività
li jkunu sejrin jorganizzaw tkun suċċess u tħalli l-frott mixtieq. Ħafna
mix-xogħol ikun sar qabel, bla ma jidher, fil-ħin liberu tal-volontiera u bla
ebda daqq ta’ trombi. Dan huwa mod ta’ kif xi wħud jgħaddu l-ħin ħieles tagħhom.
Illum daħlet sewwa d-drawwa li
l-postijiet tax-xogħol jagħlqu għal ġimgħatejn fis-sajf. Is-Shut down sar mistenni minn ħafna u
ħafna ħaddiema. Dawn il-jiem hemm min ikun qiegħed jistenniehom sabiex jagħmel
xi safra barra minn Malta. Illum il-ġurnata is-safar sar iktar faċli minn qatt
qabel. Tista’ tippjana minn qabel il-ġita tiegħek, fejn trid iżur, fi x’ħin
titlaq u fi x’ħin terġa lura, xi tmur iżżur u nsomma tista’ tlesti kollox minn
fuq l-internet. Hemm imbagħad dawk li jippreferu jingħaqdu ma xi grupp għal
ġita organizzata minn agenzija.
Jien nara differenza kbira bejn
is-safar tal-Maltin u s-safar tat-Taljani. Qiegħed insemmi t-Taljani għax
magħhom ngħix għaxar xhur mis-sena u ġieli mort vaganzi magħhom. Aħna
nippreferu nduru u niskopru bliet, mużewijiet u dak kollu li toffri l-art li
nkunu qegħdin inżuru. Għandi l-impressjoni li t-Taljani iktar iħobbu jitnikkru
meta jkunu msiefrin. Iqumu tard, jieħdu kolazzjon twil u jibdew argument fuq
dik u fuq l-oħra sakemm isir il-ħin għall-pranzu. Filgħaxija jippreferu jsibu
post bilqegħda f’ xi pjazza jew ma’ xatt il-baħar milli joqgħodu jimxu. Ma
nistax niġġeneralizza, imma sħabi Taljani hekk jagħmlu. Aħna l-Maltin inħobbu
nduru aktar.
Sport
Is-sajf jista’ jkun ukoll żmien
fejn fil-ħin liberu wieħed jipprattika xi sport. Minkejja li xi attivitajiet
sportivi jieqfu fix-xhur tas-sajf minħabba s-sħana hemm sport ieħor li jsir f’
dan iż-żmien. Tajjeb li wieħed jieħu l-opportunita’ u jipprattika xi tip ta’
sport matul il-ħin liberu tas-sajf. U jekk wieħed jibda fis-sajf ikun jista
jkomplu wkoll wara.
Fit-toroq Maltin
Kont qiegħed fit-tieqa ta’
kamarti, fil-kunvent tal-Birgu. Barra t-triq kien hemm attivita’ sħiħa. Kienet
għaddiet il-festa ta’ San Lawrenz u kienet riesqa l-festa ta’ San Duminku.
Grupp ta’ żgħażagħ kien qiegħed iżarma l-armar tal-festa għax issa kienet
għaddiet u grupp ieħor kien qiegħed jarma għall-festa li riesqa. Kemm xogħol
jagħmlu fil-ħin ħieles tagħhom dawn it-talin! Kemm sigħat mill-ħin liberu
tagħhom jgħaddu dawn iż-żgħażagħ u adulti matul is-sena kollha sabiex
fil-ġimgħa tal-festa jsebbħu t-toroq tal-belt jew raħal tagħhom. U hawn ma
nistgħux ma nsemmux il-baned. Kemm bandisti jipprattikaw matul is-sena kollha u
fis-sajf ipaxxuna bin-noti tal-marċi? Tassew li hemm bandisti li jitħallsu
tas-servizz li jagħtu, imma żgur li bosta minnhom iktar jaraw il-gost li jagħtu
u li jieħdu milli dawk il-ftit ewro li jaqilgħu wara tant sigħat ta’ daqq.
L-Etika tal-loisir
Fl-ambjent soċjoloġiku niltaqgħu
mal-hekk imsejħa etika tal-loisir. Il-loisir huwa ħin ta’ svog, il-ħin fejn
wieħed jagħmel xi ħaġa għalih innifsu. Dan ma huwiex ħin moħli imma ħin tagħna
li ħaddieħor tefa’ għajnejh fuqu. Din it-teorija ħareġ biha il-filosofu Edgar
Morin. Huwa jgħidilna li llum il-ħin liberu tagħna huwa mmexxi mill-konsumiżmu.
Il-konsumiżmu joffrilna attivitajiet għall-ħin liberu tagħna, joffrilna logħob
li jew joħdilna mill-ħin ta’ xi attività oħra jew jimlielna l-ħin liberu
tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar l-iskop ta’ min joffrilna dan id-divettiment huwa
li jaqla’ xi ħaġa tal-flus. Din hija l-etika tal-konsumiżmu u din hija l-etika
tal-loisir. Araw ftit kemm ikun hemm persuni jistennew tal-linja u joħorġu l-mowbajl
u jibdew jilgħabu xi logħba fuqu. Jekk wieħed ikollu smartphone aktarx jidħol fl-internet sakemm tiġi tal-linja. Wieħed
għandu mnejn ikompli jilgħab anke fuq tal-linja sakemm jasal fejn għadnu jasal.
Din hija l-etika tal-loisir
fil-prattika. Sakemm bniedem qiegħed jistenna li jasal xi mkien jokkupa ruħu b’
xi ħaġa, u minn din il-ħaġa jkun hemm min jagħmel il-qliegħ. F’ dan il-każ
il-qliegħ huwa mifhum għall-fatt li bniedem ikun xtara l-mowbajl u jekk jaqbad
l-internet ikun qiegħed iħallas tas-servizz.
Anke fejn jidħlu l-vaganzi din
l-etika saret tilgħab parti mportant. Illum qegħdin inkunu offerti vaganzi li
minflok ma jagħtuna ħin ta’ mistrieħ joffrulna attività 24 siegħa kuljum sebat
ijiem fil-ġimgħa. Fejn qabel konna mmorru vaganzi biex nistrieħu llum irridu
żmien ta’ mistrieħ wara li niġu lura mill-vaganzi. Il-konsumiżmu u l-etika
tal-loisir dak li huma!
Kemm hu tabilħaqq ħin ħieles?
Issib min jgħidlek li b’ dawn
l-argumenti nispiċċaw li mhux tassew li l-bniedem għandu ħin ħieles għax
persuna tkun marbuta ma’ attività li tokkupalha l-ħin li suppost ikun iddedikat
għaliha stess. Fil-fatt mhux hekk. Ix-xogħol ta’ volontarjat, is-safar,
l-isport, ix-xogħol għall-festi Maltin u dak kollu li jsir fil-ħin ħieles
tagħna ma għandux jorbotna, ma għandux iġibna skjavi tiegħu imma għandu
jservina biex inbiddlu ftit mir-rutina ta’ kuljum, għandu jservina biex fih
nirrilassaw.
Fr. Reno Muscat OP
Nessun commento:
Posta un commento