giovedì 15 agosto 2013

Mur bigħ kulma għandek

Fl-Evanġelju skont San Mattew (Mt 19, 16-22), f’ dak skont San Mark (Mk 10, 17-22) f’ dak skont  San Luqa (Lq 18, 18-23) insibu l-ġrajja ta’ dak iż-żagħżugħ għani li staqsa lil Ġesù x’ kellu jagħmel biex jidħol fis-saltna tas-sema. It-tweġiba ta’ Ġesù nafuha. It-tliet Evanġelji Sinottiċi jgħidulna li Ġesù qallu “mur bigħ li għandek u agħtih  lill-fqar.” Bosta drabi din is-silta mill-Evanġelju tintuża minn dawk li jkunu jridu jattakkaw lill-Knisja Kattolika u bosta drabi ħafna jaqgħu fin-nassa tagħhom u jemmnuhom bla ma jkunu jafu sewwa l-fatti.

L-għana tal-Knisja
Il-Kattidral ta' Malta
Ma nistgħux niċħdu li l-Knisja Kattolika għandha partimonju kbir ħafna, patrimonji li jammonta għal ammont ta’ flus mhux ħażin. Imma ma rridux ninsew ukoll li hija istituzzjoni li għadha kważi elfejn sena. F’ elfejn sena inħolqu teżori kbar li llum nistgħu narawhom fi knejjes jew f’mużewijiet madwar id-dinja. Ħadd ma għandu jistgħaġeb b’ dan ghax anke persuna li tgħix sebgħin jew tmemin sena normalment ikollha il-partimonju tagħha, aħseb u ara x’ patrimonju jinbena f’ elfejn sena.

Tajjeb niftakru wkoll li l-Knisja bosta drabi kienet imċaħħda minn dak li huwa tagħha. Napuljun kull fejn mar kien iżarma l-knejjes. Dan seħħ anke f’ pajjiżna. Per eżempju s-sett tal-istatwi tal-appostli li naraw fil-mużew tal-Kattidral tal-Imdina u li jintramaw fuq l-altar maġġur fil-festi prinċipali jirrakkontaw storja li ta’ min ikun jafha. Dawk oriġinarjament kienu tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Is-Suldati Franċiżi ħaduhom u xtrahom mingħandhom il-Kapitlu tal-Kattidral. Meta l-istess suldati waslu biex jaraw x’ kien hemm jgħodd għalihom ġewwa l-Imdina reġgħu riedu dak is-sett ta’ statwi u għat-tieni darba l-kapitlu ħallas għalihom. Inxtraw dabtejn. Bis-saħħa ta’ hekk għadna nistgħu ngawdu dawn l-opri. Kieku ma kienx hekk min jaf fejn spiċċaw.

Il-mużew tal-Vatikan
Jekk tkun Ruma u mill-pjazza san Pietru u timxi mas-swar tal-belt tal-Vatikan, lejn Piazza Risorgimento u tibqa’ sejjer sa Viale Vaticano issib bieb kbir li fuqu hemm miktub Musei Vaticani. Fis-sewwa hawnhekk insibu numru ta’ mużewijiet, wieħed imiss mal-ieħor u meta wieħed jidħol minn dan il-bieb li semmejna jkun jista’ jżur dawn il-mużewijiet kollha.

Hawnhekk insibu ġabra ta’ opri artistiċi, forsi waħda mill-ikbar tad-dinja. Din hija ġabra ta’ opri li jew kienu mogħtija lill-Papiet matul is-snin jew opri li kkummissjonaw il-Papiet stess. Il-mużew jaf il-bidu tiegħu fis-seklu XVI. Kien il-Papa Ġulju II (1503 – 1513) li beda dan il-mużew. Nistgħu ngħidu li l-kollezzjoni bdiet billi kienet akkwistata l-iskultura fl-irħam ta’ Lakonte u wliedu, li skont il-mitoloġija Griega kien saċerdot li  pprova jikkonvinċi lin-nies ta’ Trojja biex ma jdaħħlux iż-żiemel tal-injam li ħallewlhom il-Ġrieġi. Din l-istatwa kienet instabet fl-14 ta’ Jannar, 1506 qrib il-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, ġewwa Ruma. Il-Papa Ġulju II kien bagħat lil Giuliano da Sangallo u lil Michelangelo Buonarroti, li kienu qegħdin jaħdmu fil-Vatikan, sabiex jeżaminaw din is-sejba. Bla telf ta’ żmien il-Papa xtara din l-iskultura mingħand sid l-għalqa li fiha nstabet. Xahar wara s-sejba tagħha, kienet għall-wiri fil-Vatikan. U hekk nistgħu ngħidu bdiet din il-ġabra mill-isbaħ li llum tissejjaħ il-muzew tal-Vatikan.  Ħames mitt sena ilu beda dan il-mużew u llum insibu fih full xorta ta’ opri artistiċi, kollha imprezzabbli.

Dak li forsi ma jafux il-kritiċi
Bosta jistgħaġbu bir-rikkezzi li fih dan il-mużew u xi wħud saħansitra jikkritikaw lill-Knisja Kattolika għax tippossedi daqstant għana. Xi wħud jinsistu li l-Knisja għandha tbiegħ minn dawn ir-rikkezzi biex il-flus li jinġabru jitqassmu lill-foqra. Imma tajjeb inkunu nafu li fil-patti tal-Lateran tal-1929, li bih twaqqaf l-Istat tal-Belt tal-Vatikan hemm stipultat li s-Santa Sede ma tistax tbiegħ jew tirreġala jew tinnegozja dak kollu li jinstab fil-mużew. Is-Santa Sede tista’ biss tirregola l-ħinijiet u l-jiem tad-dħul fil-mużew u ma tistax tirrifjuta li turisti u studjużi jidħlu jaraw dan il-mużew. Allura nistgħu ngħidu li minkejja li dawn ir-rikkezzi huma fil-Vatikan, imma fil veru sens tal-kelma il-Knisja ma għandha xejn minnhom.

Tiegħek u tiegħi
Ejjew nimmaġinaw li l-Vatikan u kull djoċesi oħra, fosthom dik Maltija, jibdew ibigħu dawn l-opri lil min joffri l-aktar. Ejjew nimmaġinaw li din il-ħaġa tista’ ssir għax fil-verita’ ma tistax. Fejn jispiċċaw dawn l-opri? Kemm se jkunu aċċessibli għal min iħobb l-arti jew għall-istudjużi? Illum dawn l-opri bis-saħħa ta’ ftehim u liġijiet huma patrimonju tiegħek u tiegħi u nistgħu mmorru narawhom meta rridu. Jekk ikollhom jinbiegħu jispiċċaw f’ xi kollezzjoni privata u ftit ikunu dawk li jistgħu jammiraw l-arti tal-opri ta’ ġo fiha.

Għalhekk ħabib jekk inti wieħed minn dawk li  kont titkaża bil-psewdo - ġid tal-Knisja, ma għandekx għalfejn tibqa’ titkaża għax minn dawk ir-rikkezzi li kont taħseb li għandha fil-verità ma għandha xejn. Illum dawk ir-rikkezzi huma patrimonju tal-umanità, jiġifieri tiegħek u tiegħi. Il-frażi “Mur bigħ kull ma għandek’ ma tistax tintuża għal dan l-argument.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-15 ta' Awwissu 2013


L'immagine può contenere: 1 persona

Nessun commento:

Posta un commento