Qrajt b’ interess
li “81% tal-Maltin iħossuhom Ewropej. Dan jagħmel lill-Maltin it-tieni l-iktar
poplu li jħoss li hu ċittadin tal-Unjoni Ewropa wara l-popolazzjoni tal-Lussemburgu.”
(In-Nazzjon, l-Erbgħa 24 ta’ Lulju 2013, paġna 4) Qagħadt naħseb ftit fuq din
l-Ewropa, li mhux biss nagħmlu parti minnha, imma nħossuna wkoll parti minnha.
Żmien Karlu Manju
Karlu Manju |
Fil-lejl
tal-Milied tas-sena 800, il-Papa Ljun III poġġa l-kuruna ta’ imperatur fuq ras
Karlu Manju u ddikkjarah bħala Imperatur u prottettur tal-Knisja ta’ Kristu.
Dan l-imperatur irnexxielu jgħaqqad kważi dak kollu li kien għad fadal mid-dinja ċċivilizzata
tal-Ewropa Oċċidentali. Huwa għaqqad kollox taħt il-kappa tal-Sagru Imperu
Ruman. F’ dawk iż-żminijiet kien ikun is-sultan li jikmanda kollox saħansitra
liema twemmin kellhom iħaddnu is-sudditi tiegħu. Nistgħu ngħidu li din kienet
l-ewwel għaqda Ewropea, l-ewwel pass li identifika żona parikolari, żona li
għaqdet bosta popli flimkien taħt impertatur wieħed, ħaġa li kienet ilha ma sseħħ
mill-waqgħa tal-Imperu Ruman u l-invażjoni tal-popli Barbari fuq l-art
tal-kultura antika. Biż-żmien anke is-Sagru Imperu Ruman spiċċa u l-Ewropa
saret art ta’ Fewdali, Prinċpijiet, Duki u Esarkati sakemm ir-revoluzzjoni
Franċiża tat il-bidu għall-istat modern. Anke l-istat modern kellu għadd ta’
turġien fil-mixja tiegħu, mill-istat assolut għadda għall-istat soċjali u xi
stati oħra għaddew żmien ta’ totalitariżu.
Storja moderna
Iżda l-bniedem ma
jistax jiqata’ għalih waħdu, ma jistax jibqa’ iżolat u mbiegħed minn dawk li
l-aktar ikunu qrib tiegħu. Hekk ukoll l-istati moderni ma setgħux jibqgħu
jitqatlu bejniethom b’ telf kbir għall-partijiet kollha. L-istorja moderna
tal-Ewropa hija minsuġa b’ numru bla għadd ta’ ġlied battalji u gwerer.
Is-seklu għoxrin bl-iżviluppi tekniċi li ġab miegħu kabbar il-ferita
tal-gwerer. Kabbar il-vittmi, kabbar il-ħsara, kabbar it-telf. F’ Settembru
1945 intemmet it-tieni ġwerra dinjija. L-istorja tgħid li kien hemm ir-rebbieħa
u kien hemm it-telliefa f’ din il-gwerra – ovvjament bħal kull gwerra oħra.
Imma kemm tabilħaqq kien hemm rebbieħa? Aktarx li kulħadd tellief ħareġ għax
anke min rebaħ politikament, tilef fuq li tilef ekonomikament, biex ma nsemmix it-telf
ta’ ħajjiet.
Laqgħa ġewwa Pariġi
Fid-9 ta’ Mejju, 1950 kien ippreżentat il-pjan ta’ koperazzjoni ekonomika
ta’ Robert Schuman. Ġewwa Pariġi kienet qegħda tinżamm laqgħa ġewwa
l-palazz Quai d'Orsay. Dakinhar nistgħu
ngħidu li sar l-ewwel diskors politiku uffiċċjali bħala Ewropa magħquda.
Dakinhar kien twieled l-ewwel nukleu ekonomiku Ewropew. F’ inqas minn sena
twaqqfet il-Komunjità Ewropea tal-faħam u l-azzar. Fil-25 ta’ Marzu, 1957 kien
iffirmat it-trattat ta’ Ruma. Is-sitt pajjiżi fundaturi tal-UE kienu:
il-Belġju, Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda.
Minn dakinhar inħoloq is-Suq Komuni li wara bdiet tissejjaħ i-Komunita
Ekonomika Ewropea. Fl-1973 issieħbu mal-pajjiżi fundaturi, d-Danimarka, l-Irlanda,
u r-Renju Unit, fl-1981 daħlet ukoll il-Greċja. Il-Portugall u Spanja bdew
jiffurmaw parti minn din l-għaqda fl-1986. Fis-7 ta’ Frar, 1992 kien iffirmat
it-trattat ta’ Maastricht u din l-għaqda bdiet tissejjaħ Unjoni Ewropea. Fl-1995
ingħadqu l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja. L-akbar tkabbri sar fl-2004 fejn
pajjiżna flimkien ma’ Ċipru, r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja,
il-Litwanja, il- Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja bdew jagħmlu parti minn din
l-akbar għaqda politika li qatt eżistiet fil-kontinent l-antik. Il-Bulgarija u
r-Rumanija issieħbu fl-2007. F’ Lulju ta' din is-sena l-Unjoni Ewropea laqgħet fi ħdana it-28 pajjiż – il-Kroazja
Simboli Ewropej
Il-kelma simbolu
ġejja mill-kliem Grieg Sym (σύμ) u Bole (bolḗ). L-ewwel kelma tfisser
flimkien u t-tieni tfisser titfa, tpoġġi, tqiegħed. Allura l-kelma simblu
tfisser titfa’ flimkien. L-Unjoni Ewropea għandha bosta simboli. Bla dubju
l-aktar simbolu magħruf huwa l-bandiera; fuq sfond ikħal jidhru tnax-il stilla
b’ ħames ponot kull waħda ta’ lewn dehbi, jiffurmaw ċirku fin-nofs
tal-bandiera. Din il-bandiera hija simbolu tal-għaqda u tal-identità tal-Unjoni
Ewropea, tissimbolizza l-armonija bejn il-popli Ewropej. In-numru 12
jirrapreżenta il-kompletezza u l-unità. Din l-istituzzjoni għadha wkoll l-innu
tagħha. Dan l-innu huwa meħud mid-disa’ sinfonija ta’ Beethoven, magħruf ukoll
bħala l-Għanja tal-Ferħ. Minkejja li dan l-innu għandu l-kliem bosta drabi
jindaqq biss u ma jkunx kantat. Dan l-innu sar dak uffiċjali tal-Unjoni
fl-1985. Din għaqda politika għandha wkoll il-motto tagħha - Magħquda fid-diversità. Dan il-motto
intgħażel minn fost bosta oħrajn mibgħutin minn studenti minn madwar l-Ewropa
kollha. Intgħażel bħala motto uffiċjali fis-sena 2000.
L-Ewro
Simbolu ieħor ta’
din il-għaqda huwa l-munita Ewro. Minkejja li mhux il-pajjiżi kollha fi ħdan
l-UE huma fiż-żona Ewro, xorta jibqa’ l-fatt li dan huwa simboli li jidentifika
l-għaqda Ewropea. Fil-pajjiżi taż-żona Ewro, il-flus karti huma kollha l-istess
u l-muniti jvarjaw biss fuq il-faċċata ta’ wara. L-Ewro beda jiċċirkola fl-1
ta’ Jannar, 2002. Sal-lum hemm 17-il pajjiż fiż-żona Euro.Ħaġa oħra li
tissimbolizza din l-unjoni hija l-ġurnata tad-9 ta’ Mejju – jum l-Ewropa.
Din l-għaqda li
minkejja li għadha qiegħda tevolvi, xorta tiġborna fi ħdanha, xorta tistedinna
nappartjenu għaliha. L-Ewropa hija waħda, l-Ewropa ma tistax tkun mifruda.
L-istorja dejjem uriet li dan il-kontinent antik huwa wieħed. Hekk kien u hekk
għandu jibqa’ - mifrudin tkissirna,
mifrudin iġġilidna, mifrudin qtilna lil xulin. Flimkien nistgħu ngħixu magħqudin
fid-diversità.
Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat- 8 ta' Awwissu 2013
Nessun commento:
Posta un commento