Naraw iż-żewġ naħat tal-munita
Jekk taqbad munita, tkun xi tkun, tara li
din għandha żewġ faċċati differenti. Meta kont
żgħir u konna rridu niddeċiedu xi ħaġa jew konna naqtgħu t-tokk jew jekk konna
nkun tnejn biss konna ngħollu s-sold. Fil-verità ma kien ikun sold xejn għax
is-soldi inqatgħu minn Malta meta kont għadni żgħir ħafna, kienet forsi tkun
munita ta’ ċenteżmu. Kull wieħed minna kien jagħżel naħa ta’ din il-munita.
Konna ngħidu “Wiċċ jew ġejjen?” Jekk munita ma jkolliex iż-żewġ naħat
differenti din tkun munita falza. Iż-żewġ naħat tal-munita rridu wkoll narawhom
meta niġu biex niddiskutu jew nieħdu xi deċiżjoni.
Sammaritan tajjeb
Kont
qiegħed inlesti l-omelija għall-ħmistax-il Ħadd matul is-sena. L-Evanġelju kien
iġibilna quddiemna il-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb. Ikolli ngħid li ġieni
dan il-ħsieb f’ moħħi u bqajt bqajt sakemm iddeċidejt li niktbu u naqsmu
magħkom.
Minix
sejjer noqgħod nirrakkonta l-parabbola għax naħseb li lkoll smajtuha xi darba jew oħra. Min ma
jafiex nistiednu jaqraħha fl-Evanġelju skont San Luqa, Kapitlu 10 versi 25 sa
37.
Hija ħaġa
minn għewl id-dinja li malli nisimgħu dan ir-rakkont malajr infaħħru dak li
għamel is-Sammaritan u mmaqqdru dak li għamlu s-saċerdot u il-Levita. Imma meta
nagħmlu hekk inkunu qegħdin naraw naħa waħda tal-munita. Tajjeb inkunu nafu li
s-saċerdoti u l-Leviti Lhud kellhom għadd ta’ regoli u liġijiet li riedu
jħarsuhom. Kien hemm xi wħud li kienu jħarsuhom bl-akbar skruplu u kien hemm
oħrajn inqas skruplużi.
Fost dawn
ir-regoli kien hemm li meta jiġu lura mis-suq iridu jaħslu jdejhom, ma setgħux
jagħmlu xogħol fil-jum tas-Sibt u ma jidħlux fid-djar tal-pagan għax jitniġġsu.
Niftakru li fil-passjoni ta’ Kristu il-Qassisin il-Kbar ma riedux jidħlu
fid-dar ta’ Pilatu biex ma jitniġġsux. Jitniġġes ukoll min kien imiss b’ idejh
ġisem ta’ bniedem mejjet.
Issa se
nagħmilha tal-avukat tax-xitan! Allura
x’ tort kellhom is-saċerdot u l-Levita tal-parabbola jekk għaddew minn fejn dak
il-povru bniedem li daru għalih il-ħallielin u ħallewh fl-art kemm-il darba
ħasbuh mejjet? Jien minix nabqel ma’ dawn it-tnejn, imma qiegħed nipprova nara
iż-żewġ naħat tal-munita. Huma ma riedux jiksru l-liġi. Issa jekk il-liġi
kienet żbaljata dik kwistjoni oħra. Ġesu qal bi kliemu stess li Hu ġie fid-dinja
mhux biex ineħħi din il-liġi imma biex iwassalha għall-perfezzjoni.
Meta
nħares lejn iż-żewġ naħat tal-munita naħsibha darba, tnejn, tlieta qabel nibda
nitkellem u nfajjar bl-addoċċ.
Każ simili
Każ simili
ġara lili f’ Ruma. Qrib il-kunvent fejn ngħix meta nkun f’ din il-belt ikun
hemm raġel Rumen jittallab. Spiss kont ngħaddi minn fejnu u nieqaf inkellmu u
nagħtih xi ħaġa żgħira tal-flus. Mela inżerta żmien it-tberik tal-familji u
l-Kappillan tal-Parroċċa tiegħi kien qiegħed ibierek ħanut. F’ ħin minnhom
daħal dan it-tallab u sarraf 100 ewro muniti f’ karti. Bla ma ried il-Kappillan
qal lil sid il-ħanut: “Ġietu tajba llum lil dan!” Tassew li huwa joqgħod
jitallab fi triq qrib il-Vatikan minn fejn jgħaddu eluf ta’ turisti kuljum u
tista’ tgħid li kulħadd jitfa’ xi ħaġa fil-bott li jkollu dan it-tali. Sid
il-ħanut qal lill-Kappillan li dik kienet it-tieni 100 ewro li kien qiegħed
isarraf dakinhar.
Meta smajt
b’din il-ħaġa iddeċidejt li ma nagħtihx aktar flus. Kemm hemm Taljani li jaħdmu
u jaqilgħu 200 ewro kuljum? Ftit, anzi ftit ħafna. Ngħid għalija jridu jgħaddu
xhur biex nilħaq is-somma ta’ 200 ewro bil-pocket
money li jagħtuna. Iddeċidejt li dak il-ftit li nista’ nagħti jien nagħtih
lill min għandu bżonn iktar minn dan ir-Rumen. Meta jitlobni xi ħaġa tal-ikel
immur il-kunvnet u nagħtih minn dak li jkun hemm, imna flus ma nħossx li għandi
nibqa’ nagħtih. Taħsbu li jien qiegħed
nonqos mill-karità? Taħsbu li qiegħed nonqos lill-proxxmu tiegħi. Qabel twieġbu
nitlobkom taraw iż-żewġ naħat tal-munita.
Każ ieħor
Din
id-darba dan li ser insemmi huwa każ li ġara lil wieħed arċipriet ħabib tiegħi
ġewwa Malta. Waħda tfajla kienet ta’ kull ġimgħa tmur titlob xi ħaġa tal-flus
lill-arċipriet tal-parroċċa fejn kienet toqgħod. Għaddew snin u din il-ħaġa
baqgħet tirrepeti ruħha kull ġimgħa, ġieli anke darbtejn. Darba minhom
l-arċipriet qalilha: “Imma inti għandek għalfejn tmur tiżbogħ xagħrek kull
ġimgħa? Bil-flus li nagħtik nippreferi li tixtrihom ikel.” Hi dlonk weġbitu:
“Allura jien ma għandix dritt nidher sabiħa?” Minn dak iż-żmien l-arċipriet ma
baqgħax jagħtiha flus imma beda jagħtiha xirja. Jekk taraw iż-żewġ naħat
tal-midalja x’ ġudizzju tagħtu? Mexa sew dak il-qassis?
Din
il-ħaġa tiġri spiss kemm lili kif ukoll lil bosta saċerdoti oħra bħali. Tiġi
persuna taparsi tqerr, persuna li jkollha riħa ta’ sigaretti fuqha taqsmek, u
minflok tqerr titolbok il-flus. Bla ma trid tgħid bejnek u bejn ruħek: “Allura
għas-sigaretti għandha u għall-bżonnijiet ma għandiex?”
Kull każ jixbaħ lill-munita
Kull każ
li jiġi quddiema irridu narawh daqs li kieku kien munita, irridu naraw iż-żewġ
naħat tiegħu, sew jekk tkun il-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb, sew jekk
ikun il-każ ta’ Nikola t-tallab Rumen ta’ Ruma jew ta’ dak jew ta’ dak jew
tal-ieħor. Tajjeb li qabel nitkellmu naraw sewwa x’ inhi l-verità, x’ inhi
ir-realtà kollha. F’ ċerti każi ma nistgħux ngħid wiċċ jew ġejjen imma jkollna
ngħidu wiċċ u ġejjen
Fr
Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-1 ta' Awwissu 2013
Nessun commento:
Posta un commento