Illejla l-Knisja Kattolika tkun
bla mexxej
Kienet il-festa
tal-Madonna ta’ Lourdes, kien il-jum dinji tal-morda, kien l-84 anniversarju
mit-trattat tal-Lateran li bih twaqqaf uffiċjalment l-Istat Belt tal-Vatikan,
kien il-11 ta’ Frar, 2013. Fil-11 ta’ filgħodu ġewwa s-Sala tal-Konċistorju
fil-palazz appostoliku inġabru l-Kardinali flimkien mal-Papa Benedettu XVI
sabiex japprovaw il-kanonizzazzjoni tal-Beati Antonio Primaldo u sħabu martri, Laura
ta’ Santa Katarina ta’ Siena Montoya y Upegui u Maria Guadalupe García Zavala.
Fid-diskors tiegħu il-Papa ħabbar li kien sejjaħ dan il-konċistorju mhux biss
minħabba l-kanonizzazzjoni imma għax kellu xi ħaġa ta’ importanza kbira xi
jwassal. Din il-ħaġa mportanti kienet li minħabba raġunijiet ta’ saħħa u
minħabba l-età tiegħu kien sejjer iwarrab minn fuq it-tron ta’ Pietru.
Id-diskors sar bil-latin u minkejja li dawk miġbura lkoll kemm huma studjaw
il-Latin, ma fehmux sewwa, jew ma riedux jemmnu dak li semgħu. Dimissjoni ta’
Papa kienet ilha ma sseħħ mill-1417. Kien il-Papa Girgor XII l-aħħar Papa li
warrab. Ma kienx l-uniku. Minkejja li x-xniegħa li l-Papa se jirreżenja kienet
ilha tiġri fil-ġerarkija ekkleżjastika, ħadd ma basar li din ix-xniegħa kellha
ssir realtà, l-aktar wara l-Pontifikat tal-Papa Ġwanni Pawlu II, li fuqu wkoll
kienu spiss jgħidu li se jħalli postu, imma baqa’ jmexxi kif jista’ l-Knisja
ta’ Kristu sal-aħħar nifs. Josef Ratzinger imma ma huwiex Carol Wojtyla. Dak li
ma għamilx wieħed għamlu l-ieħor u llejla il-Knisja Kattolika sejra jkollha
l-hekk imsejjaħ Sede Vacante. Għada
aħna s-saċerdoti fil-quddiesa ma nsemmux lill-Papa, insemmu biss lill-Isqof.
L-arma tal-Vatikan waqt is-Sede Vacante |
Il-mewt tal-Papa
Wojtyla sabet lill-Kardinal Ratzinger bħala d-dekan tal-kulleġġ tal-kardinali.
Din il-pożizzjoni kienet titlob li huwa jmexxi l-funeral tal-Papa. Dan sar nhar
il-Ġimgħa, 8 ta’ April, 2005. Il-konklavi bdew għaxart ijiem wara. Fil-għodwa
ta’ dak il-jum saret il-quddiesa msejħa Pro
Eligendo Romano Pontifice u waranofsinhar saret l-ewwel votazzjoni
mill-115-il kardinal preżenti – daħna sewda. L-għada filgħodu il-kardinali
kienu mill-ġdid fil-Kappella Sisitna għal vot ieħor. Fid-19 ta’ April filgħodu
dehru żewġ daħniet suwed miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina, imma dakinahr
waranofsinhar, sewwa sew fil-5.56, deher ħiereġ duħħan abjad, ftit minuti wara
il-qniepen tal-bażilika ta’ San Pietru semmgħu leħinhom u magħhom ingħaqdu
l-ilħna tal-qniepen tal-knejjes l-oħra kollha tad-dinja. Habemus Papam! Ftit wara deher il-Protodjaknu, il-Kardinal Jorge
Arturo Medina Estévez fil-loġġa ta’ fuq il-bieb ċentrali tal-Vatikan u ħabbar
dak li d-dinja kienet fuq ix-xwiek biex tisma’ : Annuntio vobis gaudium magnum: Habemus Papam! Dawk il-ftit sekondi
sakemm tħabbar l-isem dehru donnhom sigħat.
Eminentissimum ac
reverendissimum Dominum Dominum Josephum,Sanctæ Romanæ Ecclesiæ Cardinalem
Ratzinger. L-għażla ta’ Ratzinger
ġabet reazjonijiet diversi.
Ħafna għamlu
l-iżball li ħasbu li l-Papa l-ġdid kellu jkun il-kontinwazzjoni tal-Papa
preċedenti. Huwa żball li indunajna bih matul dawn il-kważi tminn snin ta’
potifikat. Jekk qatt kien hemm xi dubju dwar dan issa żgur li spiċċa għal
kollox. Il-Papa huwa r-rappreżentant ta’ Kristu fl-art, is-suċċessur ta’ Pietru
u huwa wkoll mexxej ta’ stat li minkejja ċ-ċokon tiegħu u n-numru żgħir ta’
ċittadini, jisboq lil kull nazzjon ieħor fil-għadd tas-segwaċi. Jekk il-Papa
Wojtyla kien il-Papa tal-midja, il-Papa li rajna fih il-valur tas-sofferenza,
il-Papa li kien sar il-kappillan tad-dinja, il-Papa Ratzinger wera ruħu aktar
bħala l-mexxej temporali tal-Knisja. Mill-att spiritwali nistgħu ngħidu li Papa
Benedettu spikka f’ dik li hija kitba u pubblikazzjoni ta’ kotba. L-akbar opra
tiegħu bla dubju hija it-tliet volumi dwar Ġesù ta’ Nazzaret. Kiteb tliet
enċikliċi[1],
erba’ Esortazzjonijiet Appostoliċi[2]
u għadd kbir ta’ Muti Propri u Kostituzzjonijiet Appostoliċi. Għamel 24 vjaġġ
appostoliku barra mill-Italja fosthom f’ pajjiżna bejn is-17 u t-18 ta’ April,
2010. Fl-Italja għamel 33 vjaġġ appostoliku u għal din is-sena kellu ppjanat li
jżur il-Prinċipat ta’ Monaco, il-Brażil għall-Jun dinji taż-żgħażagħ, l-Irlanda
u Brussell. Ġewwa l-Italja kellu mħejji li jżur Bergamo u Sotto il Monte,
il-post fejn twieled u trabba Angelo Giuseppe Roncalli li fl-1958 sar Papa
Ġwanni XXIII. Imma jkollna nammettu li ż-żmien jagħmel tiegħu fuq kulħadd, Papa
u mhux. Ratzinger kien qrib ħafna tal-preċedessur tiegħu fl-aħħar snin ta’
ħajtu. Kien jaf kemm il-Knisja batiet għax ċerti deċiżjonijiet ma setgħux
jittieħdu minħabba l-qagħda fiżika tal-mexxej tagħha. Nemmen li l-Papa
Benedettu XVI ma riedx li jerġa’ jgħaddi lill-Knisja minn dak li għaddiet inqas
minn għaxar snin ilu. Żgur li ma kienitx deċiżjoni faċli dik li ħa, imma nemmen
li kienet l-aħjar waħda fl-interess tal-Knisja Kattolika. Illum bil-mod kif
miexja d-dinja kull istituzzjoni għandha bżonn mexxej b’moħħ tajjeb u qawwi
fiżikament. F’ Josef Ratzinger l-ewwel ħtieġa ma naqsitx imma t-tieni waħda
stqarr hu stess li ma għandux aktar.
U issa l-Knisja
tistenna li l-Prinċpijiet tagħha jingħalqu fil-kappella storika li għal dawn
l-aħħar mijiet ta’ snin serviet bħala post għall-għażla tat-Tmunier tal-Knisja.
Jekk ġewwa l-ħitan tal-Belt Qaddisa kollox huwa sigriet u kwiet, il barra
mill-ħitan tal-belt hemm attività sħiħa għaddejja lejl u nhar biex tlesti għal
avveniment straordinarju: il-konklavi u l-għażla ta’ Papa ġdid. Barra
l-kolonnat ta’ Pjazza San Pietru hemm għadd ta’ trakkijiet bl-apparat tal-Outside Broadcasting Units tal-aktar
stazzjonijiet televizivi importanti fid-dinja. Fil-pjazza ta’ quddiem
il-kolonnat ġie armat palk fil-għoli għall-ġurnalisti u l-kameras
tat-televiżjoni. Palk ieħor bħal dan twaqqaf quddiem il-kastell Sant’ Anġlu.
Hemmhekk ukoll insibu għadd ta’ trakkijiet bl-apparat għax-xandir. F’ nofs Via
della Conciliazione ittellgħu żewġ antenni kbar b’ panelli fuqhom biex isaħħu
l-qawwa tal-frekwenzi tat-telefonija ċellulari filwaqt li s-Sala Stampa
tal-Vatikan ħatret żewġ assistenti diretturi temporanji, wieħed għall-ilsien
Ingliż u l-ieħor għall-Ispanjol. Il-ħwienet tal-qrib qegħdin jaħżnu kull xorta
ta’ merkanzija u l-ħwienet tal-ikel ukoll qegħdin jitgħabbew bil-proviżjon
għall-eluf ta’ nies li ftit jiem oħra metaforikament sejrin jinvadu l-Belt
Eterna. Għexieren kbar ta’ mobile toilets
diġa jinsabu mifruxin fit-toroq qrib Via della Conciliazione u Pjazza San
Pietru. U fil-kappella sistina il-ħaddiema tal-Belt tal-Vatikan jibdew jarmaw
biex issir l-aktar elezzjoni sigrieta fid-dinja, l-aktar elezzjoni spettakolari
minkejja li moħbija minn għajnejn id-dinja.
Il-lejla l-Knisja
se tkun bla ragħaj uman. Mil-lejla il-Knisja se tkun f’ idejn ir-Ragħaj Etern
sakemm ftit jiem oħra naraw daħna bajda tielgħa miċ-ċumnija tal-Kappella
Sistina u nistennew bil-ħerqa il Protodjaknu
jħabbrilna “Annuntio vobis gaudium
magnum: Habemus Papam!”
Fr. Reno Muscat
OP
In-Nazzjon 28 ta' Frar 2013
Nessun commento:
Posta un commento