L-Edizzjoni żbaljata |
Xi żbalji nagħmluhom minħabba l-għaġla li jkollna. Xi ambjenti tax-xogħol jeħtieġu l-għaġla, hemm sitwazzjonijiet li wieħed ikollu jieħu deċiżjoni bla telf ta’ żmien. F’ dawn il-każi iktar faċli li wieħed jiżbalja. F’ każi fejn dak li jkun ikollu ħafna ħin biex jaħseb imma jieħu deċiżjoni bil-għaġla, u jieħu deċiżjoni ħażina, l-iżball jidher ikbar u r-rimors ikun ikbar ukoll. Il-qawl Malti jgħidilna li qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel imma kultant ma nkunux nistgħu nagħmlu ieħor, ikollna ngħaġġlu. Żgur li f’moħħna ma jkollniex ħsieb li niżbaljaw, imma kultant nispiċċaw biex nagħmlu żball u kultant l-iżball ikun tant kbir li nsjeħulu papali.
L-Edizzjoni t-tajba |
Fit-22 ta’
Jannar, 1922 kien miet il-Papa Benedettu XV. Bħalma jsir f’kull mewt tal-Kap
tal-Knisja Kattolika, wara l-funeral il-kardinali inġabru ġewwa l-Vatikan biex
jagħżlu mexxej ieħor. Fit-2 ta’ Frar il-53 kardinal preżenti bdew
il-konklavi. Sal-ħamsa tax-xahar il-prinċpijiet
tal-Knisja kienu għadhom ma wasslux biex jiddeċiedu min sejjer ikun Papa. Saru
14-il votazzjoni sakemm nhar it-Tnejn 6 ta’ Frar dehret daħna bajda miċ-ċumnija
tal-kappella Sistina, fejn kienu miġburin l-eletturi tas-suċċessur ta’ Pietru.
Wara tant stennija issa l-Knisja kellha Papa ġdid u bla dubju kulħadd kellu
kurżità kbira biex ikun jaf min hu.
Wieħed
mill-ġurnali li kien għadu fil-bidu tiegħu kien ‘Il Mondo’, gazzetta li kellha l-uffiċċji tagħha ġewwa Ruma. Kienet
ġazzetta ta’ kuljum li bdiet toħrog fis-26 ta’ Jannar tal-istess sena, propju
erbat ijiem wara l-mewt tal-Papa Benedettu XV. L-għażla tal-Papa l-ġdid kellha
timla l-ewwel paġna tal-ġurnal tas-6 ta’ Frar. Imma sforż il-ħeġġa jew sforż
l-għaġla sar żball, u dan tabilħaqq kien żball papali. Ftit wara t-taħbira
tal-Papa l-ġdid il-ħwienet tal-kotba kellhom għall-bejgħ il-ġurnal ‘Il Mondo’. Fl-ewwel paġna tiegħu kien
hemm miktub bi prominenza kbira ‘Il
Cardinale Giovanni Tacci è stato eletto Papa” kif ukoll ritratt kbir
tiegħu. Imma mil-loġġa tal-bażilika ta’ SanPietru ma ħariġx Taċċi. Il-Papa
l-ġdid kien il-Kardinal Achille Ratti li ħa l-isem ta’ Piju XI. Żball fil-veru
sens tal-kelma Papali! Ma ninsewx li qegħdin nitkellmu dwar 90 sena ilu meta
l-mezzi ma kienux dawk li għandna llum. Żgur li xi ġurnalist mar jiġri
fl-uffiċju tal-gazzetta biex iwassal l-aħbar imma wassal isem żbaljat. Fi ftit
ħin il-kopji kollha tal-gazzetta bl-iżball papali inġabru mill-ħwienet u
reġgħet ġiet stampata edizzjoni oħra. Imma xi kopji kienu laħqu inbiegħu u
għadhom jeżistu sal-lum. Qiegħed insemmi dan il-każ għax dan il-ġurnal kellu
ħajja qasira, fil-fatt kien imwaqqaf milli jkompli joħroġ mir-reġim Faxxisti f’
Ottubru tal-1926. Mhux l-istess għamlet il-gazzetta ‘Corriere della Sera’ li kellha l-uffiċju tagħha ġewwa Milan. Din
xandet bi prominenza liema bħala li l-Kardinal ta’ Milan, Achille Ratti, kien
magħżul Papa u ħa l-isem ta’ Piju XI.
Corrierte della sera |
Forsi kienet
l-għaġla jew l-entużjażmu ta’ ġurnalist li rrendiet biex sar dan l-iżball.
Żball li żgur sewa ftit flus mhux ħażin biex reġa’ ġie stampat il-ġurnal.
Kultant ikun hemm żbalji li jistgħu jitranġaw, imma kultant ma nkunux nistgħu
nibdlu dak li nkunu għamilna u jkollna nbatu l-konsegwenzi. Fil-ħajja spiss
niżbaljaw bla ma nkunu nistgħu nerġgħu lura. Il-ħajja mhux gazzetta li tista’
terġa tiġi stampata.
Fr. Reno Muscat
In-Nazzjon 14 ta' Frar 2013
Nessun commento:
Posta un commento