Forsi l-iktar pjazza popolari
fid-dinja!
Jekk hawn pjazza
fid-dinja li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin sejra tkun taħt għajnejn id-dinja
kollha hija l-pjazza li nsibu quddiem il-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Din il-pjazza tilqa’ fiha eluf ta’ nies kull nhar ta’ Ħadd sabiex jingħaqdu
mal-Papa fir-reċita tal-Angelus. Dan
l-avveniment ikun trasmess fuq għadd ta’ stazzjonijiet televiżivi kattoliċi
madwar id-dinja kollha. Barra minn hekk f’ din il-pjazza jsiru l-aktar
avvenimenti importanti tal-Knisja Kattolika. Fix-xhur meta t-temp ikun
jippermetti, l-udjenza ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa ssir ukoll hawnhekk. B’
dawn l-attivitajiet kollha ma jistax jonqos li din tkun pjazza tabilħaqq
popolari madwar id-dinja kollha. Ftit
ġimgħat oħra din il-pjazza sejra tkun
il-palk fejn se jseħħ avveniment mhux tas-soltu; l-għażla ta' Papa ġdid.
L-arkitett
tal-pjazza kien Gian Lorenzo Bernini li ħadem fuqha bejn is-snin 1656 u 1667.
Il-ħsieb wara din il-pjazza kien li l-akbar numru ta’ nies ikunu jistgħu jaraw
lill-Papa jagħti l-barka kemm jekk ikun fil-loġġa tal-bażilika kif ukoll jekk
ikun fit-tieqa tal-appartament tiegħu. Il-pjazza hija mdawra minn kollonnat li
jagħtik l-impressjoni li huma par dirgħajn qegħdin iħaddnu l-ġemgħa. Il-pjazza
għandha għamla ovali, u b’hekk għandha żewġ ċentrijiet. Il-kolonnat huwa
magħmul minn erba’ kolonni wara xulxin. B’ kollox insibu 284 kolonna ta’ stil
doriku għoljin 13-il metru. Hemm magħhom 88 pilastru u fuq il-kolonnat hemm 140
statwa ta’ qaddisin għoljin ftit aktar minn 3 metri.
Fin-nofs
tal-pjazza hemm il-famuż obelisk. Dan oriġinarjament kien qiegħed fiċ-Ċirku ta’
Neruni. L-obelisk huwa twil kwazi ħamsa u għoxrin metru u nofs. Huwa maħdum
minn ġebla waħda, jew aħjar irħama waħda, granit aħmar u jiżen madwar 330 tunellata.
Taħtu nsibu bażi għolja tmien merti u kwart. Dan kien inġieb mill-Eġittu madwar
is-sena 40 W.K. Meta wasal Ruma kien imwaqqaf f’post fejn wara inbniet
il-bażilika mill-Imperatur Kostantinu. Kien jinstab fil-ġenb tal-bażilika. Kien
jingħad li fil-ponta tal-obelisk kien hemm urna li fiha kien tpoġġa l-irmied
ta’ Ġulju Ċesri. Il-Papa Sistu xtaq li dan l-obelisk ma jibqax fil-ġenb
tal-bażilika imma jinġarr lejn nofs il-pjazza ta’ quddiemha. Fil-1586 il-perit
Domenico Fontana kien imqabbad ix-xogħol diffiċli li jċaqlaq l-obelisk minn
postu. Ix-xogħol tal-ġarr dam sejjer sitt xhur. Għat-tniżżil, il-ġarr u
t-twaqqif mill-ġdid tal-obelisk ħadmu 907 ħaddiem, 75 żiemel u 40 parank. Fl-10
ta’ Settembru l-obelisk twaqqaf fejn għadna narawh sal-lum. Jingħad li waqt li
l-obelisk kien tiela’ fost skiet taqtgħu b’sikkina, instemgħat tidwi l-għajta
“Xarrbu l-ħbula!” Kien ċertu baħri Domenico Bresca li intebaħ li l-ħbula kienu
sejrin jinqatgħu minħabba l-piż u jekk jixxarbu kienu jissaħħu. Fis-26 ta’ dak ix-xahar stess kien imbierek u
kkonsagrat. Minnflok l-irmiet tal-Imperatur tpoġġiet relikwa tas-salib ta’
Kristu.
Fil-pjazza nsibu
wkoll żewġ funtani tal-ilma. Fl-1490 kienet diġa teżisti funtana quddiem
il-bażilika l-qadima. Meta Bernini beda jaħdem fuq il-pjazza sab illi din
il-funtana ma kienitx fin-nofs u għalhekk bidlilha postha. Jekk illum tħares
lejn il-faċċata tal-Vatikan, din il-funtana tiġi fuq il-lemin tiegħek.
Il-funtana l-oħra saret fl-1677 u hija eżatt bħall-oħra għajr li l-ewwel waħda
ġġib l-arma tal-Papa Pawlu V u t-tieni waħda ġġib l-arma tal-Papa Klement X
L-art ta’ din
il-pjazza hija magħmula minn blokki żgħar ta’ lava li jiffurmaw disinn sabiħ
jekk wieħed jaraha mill-għoli. Imdawwar mal-obelisk tan-nofs insibu rħamiet li
jiffurmaw warda tar-riħ. Hemm ukoll żewġ irħamiet li juru ċ-ċentri tal-pjazza.
Peress li l-pjazza hija ovali allura fiha żewġ ċentrijiet. Meta wieħed imur fuq
waħda minn dawn l-irħamiet u jħares lejn il-kolonni li jdawru l-pjazza ma
jindunax li hemm erba’ kolonni wara xulxin imma jara biss kolonna waħda. Din
hija impressjoni li ried joħloq l-arkitett Bernini fil-bini tal-kolonnat.
Irħama oħra li hemm fl-art ta’ din il-pjazza hija dik li turi l-arma tal-Papa
Ġwanni Pawlu II u d-data b’ numri Rumani tat-13 ta’ Mejju, 1982. Din tfakkar l-attentat
fuq ħajjet il-Papa mit-Tork Ali Agca.
Miljuni ta’
pellegrini u turisti jżuru din il-pjazza kull sena, miljuni kbar oħra jarawha
spiss fi djarhom permess tax-xandiriet li jsiru kull nhar ta’ Ħadd jew kull
meta jkun hemm xi avveniment speċjali. Ix-xahar ta' Marzu sejjer jara
attivitajiet bla għadd iseħħu fiha, sejjer jara eluf kbar ta' kattoliċi
jistennew id daħna bajda ħierġa miċ-ċumnija tal-kapella sistina, is-sinjal li
jidher biss minn din il-pjazza u li jfisser li d-dgħajsa ta' Pietru għandha
tmunier ġdid.
Fr. Reno Muscat
OP
In-Nazzjon 21 ta' Frar 2013
Nessun commento:
Posta un commento