Minn kemm ilhom
li l-waqfiet tal-karozza tal-linja ingħataw l-isem, ngħid għalija dawra b’
tal-linja saret aktar interessanti. Xi wħud mill-ismijiet iġegħluk taħseb dwar
minn fejn ġew, x’ kien il-bidu tagħhom, għalfejn dik il-waqfa tissejjaħ hekk.
Xi ismijiet huma faċli tinduna għalfejn issemmew hekk, per eżempju “Telgħa”
hija waqfa fit-triq tar-Rabat li hija tassew triq għat-telgħa, imma l-waqfa ta’
ħdejn “Telgħa” hija “Qanpiena”. Din tal-aħħar għadni sal-lum ma nafx għalfejn
tissejjaħ hekk. Żgur li hemm raġuni wara dan l-isem.
Ħaġa li laqtitni f’
dawn l-ismijiet huwa li numru minnhom għandhom isem ta’ bniedem. Lieni, Ġużepp,
Ġwakkin, Ġorġ, Bastjan, Gaetano, Pawlu, Geraldu u bosta oħrajn. Fil-fatt dawn
kollha għandhom x’ jaqsmu ma’ postijiet li jġibu isem ta’ qaddisin. Bla ma ridt
ġiet f’moħħi r-rabta kbira li għandna aħna l-Maltin mal-qaddisin. Biżżejjed
niftakru li kull raħal jew belt kull sena għandha appuntament li ma jonqos
qatt: il-festa tal-qaddis patrun jew patruna tagħha, anzi hemm irħula li fihom
aktar minn parroċċa waħda u għalhekk fihom isiru aktar festi. U fejn ma hemmx
it-tieni jew it-tielet parroċċa insibu każi fejn mill-parroċċa stess issir
il-festa sekondarja. Kollox marbut mal-qaddisin.
Għandna wkoll
irħula li isimhom huwa propju ta’ xi qaddis: San Ġwann, San Ġiljan, Santa
Luċija, Santa Venera, San Pawl,
San lawrenz. San Ġorġ għandu
żewġ bajjiet u San Tumas għandu waħda wkoll. In-naħa ta’ Birżebbuġa għandna
wkoll Saint Peter’s pool. Barra minn hekk bosta rħula għandhom partiijet
minnhom magħrufin man-nies tal-post b’ isem ta’ qaddisin. Ħal Qormi maqsum bejn San Ġorġ u San Bastjan.
Mhux biss imma hemm u il-Vitorja kif ukoll l-erba’ qaddisin. L-isla hemm fejn
San Filippu, Bormla fuq SanPawl u Santa Liena. Raħal Ġdid hemm parti msejħa
Santa Ubaldeska, Ħaż Żebbuġ għandna lil San Blas, u nsomma nistgħu nibqgħu
nżidu.
Niftakar li
l-bużnanna tiegħi ma kienitx taf l-ismijiet tax-xhur. Għalxejn kont tgħidilha
li twelidt fit-tali xahar għax ma kienetx tifhmek. Ix-xhur għaliha kienu
marbutin mal-qaddisin. Għaliha Jannar kien ix-xahar tal-Istrina u Frar ta’ San
Pawl. Marzu ta’ San Ġużepp u billi hi kienet Qormija (dok) April għaliha kien
ix-xahar ta’ San Ġorġ. Mejju kienet issejjaħlu tal-Madonna, Ġunju tal-Qalb ta’
Ġesù. Lulju għall-bużnanna kellu żewġ ismijiet, jew ta’ Sant’ Anna imma aktar
kienet issejjaħlu tal-Karmnu. Awwissu ta’ Santa Marija, Settembru tal-Vitorja u
Ottubru tar-Rużarju. Ma jistax jonqos li Novembru kienet issejjaħlu tal-Erwieħ
kif bosta għadhom isejħulu sal-lum u Diċembru tal-Milied. Kollox kien marbut
mal-qaddisin għall-bużnanna tiegħi u għal dawk kollha bħalha li d-dinja tagħhom
kienet tibda mill-bank tal-kċina tad-dar u tispiċċa sas-siġġu tal-knisja.
Minbarra li x-xhur kienu marbuta mal-qaddisin anke l-jiem tal-ġimgħa kellhom
qaddis jew qaddisa abinat magħhom. Ma niftakarx kollox imma niftakar li l-Ħadd huwa
ta’ Alla, it-Tlieta ta’ San Duminku u l-Ħamis ta’ Santa Rita. Il-Ġimgħa
tad-Duluri u s-sibt tal-Erwieħ.
Il-ħajja
tal-Maltin kienet marbuta mal-ħajja tal-Knisja. Is-sena tal-kalendarju ftit li
xejn kienet taffettwa lil Ċikku l-Poplu għax ħajtu kienet tinbena mas-sena
liturġika: Avvent, Milied, Randan, Għid, il-festa tal-patrun u l-kumplament.
Jingħad li l-qbiela tar-raba kien jitħallas nhar Santa Marija, fil-15 ta’
Awwissu allura dak li jkun ma kellux għalfejn jiftakar ix-xahar u l-jum, basta
jiftakar fil-qaddisa u jiftakar li jkun imissu jħallas il-qbiela. Bħal dal-każ
tal-qbiela hemm bosta każi oħrajn fejn il-festa ta’ qaddis partikolari kienet
timmarka avveniment jew punt fil-ħajja ta’ dak li jkun.
Dan ma jfissirx
li l-Maltin ta’ dari kienu kollha qaddisin imma juri r-rabta ta’ bejn
is-soċjeta u l-Knisja. Illum bis-sekulariżmu tlifna ħafna minn dan
il-patrimonju. Imma ma tlifniex kollox. Hemm xi qwiel jew idjomi Maltin li
għadna nużaw li fihom jissemmew il-qaddisin. Waqt li kont fuq tal-linja naħseb
fuq dak li qed nikteb illum smajt wieħed iġorr li se jdum ma jasal għax
il-karozza damet iddur. Huwa qal li kien jaqbillu jmur b’ ta’ San Franġisk
(jiġifieri bil-mixi). Veru trid paċenzja ta’ Ġobb! (dan ukoll qaddis). Ara
aħjar nieqaf hawn li ma jmurx f’ ġieħ il-qaddisin, xi ħadd b’dak li qed ngħid
jitlagħlu San Filep!
Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 7 ta' Frar 2013
Nessun commento:
Posta un commento