Il-bniedem li jaħseb u l-bniedem
li jara
L-immaġinazzjoni
tal-bniedem hija hekk kbira li mhux biss jista’ jpinġi f’ moħħu dak li jkun
qiegħed jisma’ imma wkoll joħloq sitwazzjonijiet jew kundizzjonijiet li ma
humiex reali, sitwazzjonijiet jew xbiehat tal-fantażija. Aħna lkoll nistgħu
nagħmlu din il-ħaġa għax għandna moħħ li jaħseb. Il-bniedem huwa annimal li
jaħseb – Homo Sapiens u l-immaġinazzjoni għandha pożizzjoni għolja fil-moħħ ta’
dan l-annimal ħassiebi. L-immaġinazzjoni u l-fantażija wasslu biex il-bniedem
jivvinta għodda li jgħinuh f’ xogħolu u jiddevertuh fil-ħin ħieles tiegħu. Aħna
lkoll għandna immaġinazzjoni u fantażija.
Ejjew nagħmlu
eżempju flimkien. X’ħin indawwar wiċċi u nħares il barra mit-tieqa ta’ kamarti nilmaħ
triq li fiha s-siġar fuq iż-żewġ naħat, imħawlin fuq il-bankini u bejn is-siġar
hemm il-karozzi pparkjati. Bejn il-karozzi hemm għadd ta’ muturi pparkjati
wkoll. Fil-bidu tat-triq hemm spiżerija li għadha tabella forma ta’ salib aħdar
fuq barra, f’ nofs it-triq hemm lukanda li fuq il-bieb prinċipali għandha għadd
ta’ bnadar żgħar u fit-tarf tat-triq tidher il-pjazza imdawra bis-siġar.
Mal-ħajt l-ieħor ma hemm xejn partikolari ħlief djar. Fil-pjazza jidhru
l-karozzi tal-linja għaddejjin waħda wara l-oħra u għadd ta’ karozzi oħrajn ma
jaqtgħu xejn. Kultant tgħaddi xi ambulanza jew xi karozza tal-puluzija tiġri u
tvenven is-sirena tagħha. Jidhru wkoll għadd ta’ taxis jistennew lil min
jikrihom.
Minn dawn il-ftit
kliem li għidt hawn fuq żgur li irnexxielek timmaġina dak li nara jien
mit-tieqa ta’ kamarti, imma dak li immaġinajt ma jfissirx li huwa bil-fors
eżatt dak li tassew nara. Ma tafx x’ tip ta’ siġar nara, humiex żgħar jew kbar.
Ma tafx l-isem tal-ispiżerija jew tal-lukanda li semmejt. Ma tafx il-bnadar li
hemm fuq il-bieb tal-lukanda ta’ liema pajjiżi huma. Ma tafx il-pjazza li
tidher fit-tarf tat-triq hijiex kbira jew żgħira, hemmx bankijiet fejn ipoġġu
n-nies, hemmx fejn wieħed jistkemm waqt li jistenna l-karozza tal-linja, hemmx
ħwienet. Madanakollu irnexxielek tagħmel,bejn wieħed u ieħor, xbieha f’ moħħok
ta’ dak li qiegħed nara jien bħalissa. Dan kollu stajt tagħmlu għax għandek
moħħ li huwa mogħti l-fakoltà tal-immaġinazzjoni u l-fantażija.
Bil-wasla
tal-istamperiji, bosta kotba bdew ikunu stampati u jaslu f’ idejn faxxa ikbar
ta’ nies bi prezz ħafna irħas minn dak tal-manuskritti. Grazzi għall-qari
tal-kotba l-moħħ tal-bniedem sar aktar immaġinattiv, aktar produttiv. Meta
l-qari jkun akkumpanjat mill-immaġinazzjoni u l-fantażija isir ħaġa fenominali.
Maż-żmien inħoloq ukoll ir-radju u issa iktar u iktar l-immaġinazzjoni bdiet
taħdem għax biex wieħed jaqra u jifhem jrid ikun tgħallem jaqra imma biex
jisma’ u jifhem biżżejjed wieħed jiskot u jisma’. Niftakarni tifel żgħir
widnejja mwaħħla mar-radju biex nisma’ lil Charles Arrigo jew lil Twanni
Scarpello jaqraw ir-rumanz bil-malti fuq l-istazzjonijiet tar-radju Maltin.
Moħħi kien ipinġi kull sitwazzjoni, kull każ, kull persuna li tissemma’
Bit-tkabbir
tat-teknoloġija, l-aktar dik viżiva, warrabna l-qari u s-smiegħ tar-radju. B’
konsegwenza ta’ dan moħħna sar ibati biex jimmaġina xi ħaġa jekk ma jarahiex.
Illum l-istazzjonijiet televiżivai jxandru 24 siegħa kuljum u nsibu wkoll
varjetà sħiħa ta’ stazzjonijiet li jilħqu l-gosti ta’ kulħadd. Insomma supermarket ta’ stazzjonijiet. Illum
wisq probabbli nixgħelu t-televiżjoni minflok niftħu r-radju fil-għodu malli
nqumu. Wara t-televiżjoni waslilna l-internet. Illum bniedem li twieled f’
dinja teknoloġika lanqas jimmaġina kif kienet id-dinja bla televiżjoni u bla
internet. Illum jekk tgħid lil xi student jikteb fuq xi ħaġa jew jagħmel
riċerka, mhux sejjer iqalleb il-volumi tal-enċiklopedija kif konna nagħmlu aħna,
imma jmur dritt fuq il-WWW. It-tort ma huwiex tal-istudent imma tas-sistema li
sa minn twelidu bidlitu minn Homo Sapiens għal Homo Videns. Illum anke aħna
l-kbar tkaxkarna minn din it-tendenza. Aħbar fuq it-televiżjoni li ma jkolliex
filmat ma tixxandarx. Jekk din l-aħbar tkun tant importanti li ma tistax ma
tixxandarx imma li ma jkolliex xbiehat jew filmati għal magħha, allura
jitfgħulna ritratt jew filmat ta’ xi ħaġa oħra – l-aqwa li naraw xi ħaġa.
Din hija realtà
li ninsabu għaddejjin minnha lkoll kemm aħna. Minn Homo Spaiens, bniedem li
jaħseb qegħdin insiru Homo Videns, irridu naraw biex nifhmu, qed ngħażnu
lill-moħħna, qegħdin intuh kollox lest u mhux inħalluh iħaddem il-fakultà
tal-immaġinazzjoni u l-fantażija.
Fr Reno Muscat OP
Nessun commento:
Posta un commento