Meta taqra din
il-kelma ħaġa żgħira titfixkel u tgħid bejnek u bejn ruħek x'inhi. Hija kelma
ffurmata minn żewġ kelmiet, bħal bosta kliem ieħor li ftit li xejn nużaw u ftit
wisq aktar nifhmu! Antropos hija kelma Griega li tfisser bniedem, ċentriżmu
hija kelma li nużawha spiss, u li lkoll nafu li tfisser il-qofol, il-pern, dak
li kollox idur madwaru. Għalhekk antropoċentriżmu tfisser li kollox idur madwar
il-bniedem. Din l-idea saret ukoll ideoloġija, l-aktar fis-snin ta' wara
l-gwerra l-kbira sal-aħħar snin tas-seklu l-ieħor. Il-bniedem huwa sid ta'
kollox u għalhekk kollox qiegħed għas-servizz tiegħu! Imma b' din l-ideoloġija
u b' dan l-istil ta' ħajja irrovinajna id-dar tagħna stess, jiġifieri ħloqna
ambjent xejn pjacevoli għalina stess.
Xi wħud mill-ħassieba
jitfgħu t-tort ta' din il-mentalità fuq
il-fidi Nisranija u jsejħulha Antropoċentriżmu Kristjan. L-għeruq ta' din it-teżi
ġejja mill-Bibbja stess. Fil-ktieb tal-Ġenesi fl-ewwel kapitlu nsibu miktub: «U berikhom Alla u qalilhom: ̋Nisslu u oktru, u imlew
l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il- ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq
kollha li jitkaxkru fuq l-art.̏ » (Ġen 1, 28)
Imma lkoll nafu
li l-ktieb tal-Ġenesi huwa ktieb mhux biss tal-Insara imma prinċiparjament huwa
ktieb tal-Lhud. Il-problema li jsostnu dawn il-ħassieba hija li l-bniedem, jew
aħjar in-Nisrani ħadha kelma b' kelma din il-parti tal-Kotba Mqaddsa, bir-riżultat
li wasalna fl-istat li wasalna. Min isostni din it-teorija jgħid li kieku
il-ktieb tal-Ġenesi baqa' biss ktieb tar-reliġjon Ebrajka, u kienu jkunu
il-Lhud biss li jsostnu li l-bniedem huwa s-sid tal-art u tal-ħlejjaq kollha,
ftit li xejn kienet issir ħsara u l-ħsara li kienet issir fil-bicca art żgħira,
fit-tarf tal-baħar Mediterran fejn kienu u għadhom, jgħammru l-Lhud, l-impatt ma kienx ikun wieħed
globali. Imma billi l-fidi tan-Nazzarenu nxterdet mal-erbat irjeħ tad-dinja,
imxterdet magħha l-idea li kulma jinstab fid-dinja huwa għall-qadi tal-bniedem
u jista' jużah kif irid.
Naqblu jew ma
naqblux ikollna nammettu li l-ħsara saret. Bosta jsostnu li l-Knisja għandha
titkellem dwar dan il-punt ukoll. Ikun jiżbalja min jaħseb li l-Knisja tibqa'
b' ħalqha magħluq quddiem sitwazzjoni gravi bħal din. Kemm-il darba il-Papa Ġwanni
Pawlu II irrefera għal din il-problema fid-diskorsi jew fil-kitbiet tiegħu.
Insemmi biss l-Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici
miktuba fl-1988. «Is-setgħa li l-bniedem ingħata biex jaħkem l-art kienet setgħa
li jikkultiva il-ġnien.» Din hija setgħa u dover, «li kull bniedem għandu
josserva u jaqdi.» (161) U aktar qabel, il Koncilju Vatikan II wkoll
fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, jiddedika il-kapitlu 69 għal
din il-problema.
Forsi tgħidu li jiena bil-fors nitkellem hekk għax jiena patri u obbligat
niddefendi lill-Knisja. Imma nafu tajjeb li l-ħsara li saret ma saritx minn
Insara biss. Bosta gvernijiet ma jxaqilbu lejn l-ebda reliġjon u minkejja dan
f' pajjiżhom isiru delitti kontra l-ambjent, kontra d-dinja, kontra d-dar tagħna.
Biżżejjed naħsbu fil-qerda ta' bosta foresti. Is-siġar jixorbu l-ilma tax-xita.
Fejn spiċċaw is-siġar l-ilma tax-xita jmur il-baħar bil-konsegwenza li jżid
mal-problema li l-ibħra qegħdin jogħlew anke minħabba li s-silġ qiegħed idub
kawża tal-effett serra. Il-qerda tal-foresti ma ġabitiex il-Knisja imma
l-gvernijiet li ma ppjanawx politika ta' sussidjarjetà, fejn tinqata' siġra u titħawwel oħra.
Bosta gvernijiet raw biss sa mneħirhom, raw il-ġid li jakwista pajjiżhom (sic)
u ma rawx aktar.
Argumet twil dan
jekk wieħed ikollu jibda jitkellem fit-tul dwaru. Kulħadd għandu bicca
mit-tort, min ftit u min ħafna. Kieku
kellna nieħdu l-eżempju ta' San Franġisk ta' Assisi, patrun tal-ekoloġija
nibdew inħossuna parti mid-dinja u mhux aktar dominaturi tagħha. Ma ninsewx li
dan il-qaddis sejjaħ lil qamar ħuh u lix-xemx oħtu. Min jaf jekk f moħħu kellux
li d-dinja hija aħna stess?
Fr. Reno Muscat
OP
Nessun commento:
Posta un commento