sabato 28 gennaio 2023

Il-familja Ten Boom

Kull nhar is-27 ta’ Jannar issir it-tifkira tal-ġenoċidju li wettqu n-Nazisti fl-aħħar gwerra dinjija fuq il-poplu Lhudi, fuq iż-żingari, fuq l-omosesswali, fuq il-membri tax-Xhieda ta’ Ġeħova u fuq dawk li għenu lil xi wħud minn dawn biex isibu kenn mill-kefrija Nazista. Dan il-ġenoċidju jissejjaħ l-Olokawst jew bil-Lhudi Shoah. Illum nixtieq inlaqqagħkom ma’ familj li minkejja li ma kinitx Lhudija, għenet kemm felħet lil għadd ta’ Lhud matul dan iż-żmien ikrah tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-familja


Il-familja Ten Boom kienet toqgħod f’Haarlem, l-Olanda.  Il-missier kien Casper li fl-1884 iżżewweġ lil Cornelia Johanna Arnolda Luitingh. Huma kellhom ħamest itfal: Betsie, Willem, Hendrick li miet ta’ ftit xhur, Nollie u ż-żgħira li semmiet għal ommha imma dejjem sejħulha Corrie. Meta Casper kellu tmintax-il sena fetaħ ħanut tad-deheb f’Amsterdam. Sakemm kien jgħix hemmhekk huwa ħadem ħafna fost il-foqra iżda wara xi snin kellu jmur lura lejn Haarlem fejn fetaħ bħala arluġġar fis-sular ta’ isfel ta’ daru. Huwa romol fl-1921 u baqa’ jgħix f’daru ma’ wliedu. Il-familja Ten Boom kienet Kristjana, tappartjeni għall-Knisja Protestanta Riformata Olandiża.

Il-gwerra

Il-ħanut tal-familja Ten Boom
F’Mejju 1940, il-Ġermaniżi nvadew l-Olanda.  F’Mejju 1942, mara liebsa tajjeb marret għand il-familja Ten Booms b’bagalja f’idejha u qaltilhom li kienet Lhudija, żewġha kien arrestat diversi xhur qabel, binha kien ħarab mill-Ġermaniżi u ma kinitx taf fejn kien. Dan l-aħħar kienu marru f’darha xi suldati Ġermaniżi u għalhekk bdiet tibża’ tibqa’ d-dar.  Hija kienet semgħet li l-familja Ten Boom kienet għenet lill-ġirien Lhud tagħhom, il-familja Weils, u staqsiethom jekk setgħux jgħinu lilha wkoll. Casper dlonk qal li setgħet toqgħod magħhom minkejja li l-kwartieri ġenerali tal-pulizija kien biss nofs blokka bogħod minn daru. Billi Casper kien qarrej devot tat-Testment il-Qadim, huwa kien jemmen li l-Lhud kienu l-poplu magħżul u għalhekk qal lill-mara, “F'din id-dar, in-nies ta’ Alla huma dejjem milqugħa.” Bħal din il-mara kien hemm oħrajn li sabu kenn bejn il-ħitan tad-dar ta’ Ten Boom. Il-familja qatt ma fittxet li tikkonverti lil xi wieħed mil-Lhud li baqgħu magħhom.

Corrie u Betsie

Corrie u oħtha Betsie fetħu d-dar tagħhom għar-refuġjati Lhud u l-membri tal- moviment tar-Reżistenza Olandiża u bħala riżultat ta’ hekk kienu mfittxija mill-Gestapo. Ir-Reżistenza Olandiża, li saret taf ukoll b’din il-ħidma, bagħtet perit fid-dar ta’ Ten Boom biex jibni kamra sigrieta għal-Lhud li kienu moħbija fid-dar u nstallaw buzzer ta’ twissija biex iwissu lir-refuġjati biex jidħlu fil-kamra sigrieta kemm jista’ jkun malajr f’każ ta’ bżonn. Il-kamra sigrieta kienet fil-kamra tas-sodda ta’ Corrie wara ħajt falz u kienet tista’ iżżomm fiha sitt persuni. Ġiet installata fiha sistema ta’ ventilazzjoni għall-okkupanti.

Arrest

Fit-28 ta’ Frar 1944, l-Olandiż, Jan Vogel, qal lin-Nazi dwar ix-xogħol ta’ Ten Booms; għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ dak il-jum, in-Nazi arrestaw lill-familja kollha ta’ Ten Boom. Huma ntbagħtu l-ħabs ta’ Scheveningen għax fid-dar tagħhom instab materjal tar-Reżistenza Olandiża u biljetti tar-razzjon tal-ikel żejda. Dak iż-żmien fid-dar ta’ Ten Boom kien hemm sitt refuġjati. Dan il-grupp ta’ sitt persuni moħbija kien magħmul kemm minn Lhud kif ukoll minn ħaddiema tar-reżistenza. Tant kien moħbi sewwa li baqa’ mhux skopert minkejja li d-dar kienet taħt sorveljanza kontinwa wara l-arrest tal-membri tal-familja Ten Boom. Uffiċjali tal-pulizija li kienu wkoll membri tal-grupp tar-reżistenza ħasbu biex ikkordinaw il-ħarba tar-refuġjati.

Meta Casper kien interrogat fil-ħabs, il-Gestapo qaltlu li se jeħilsuh minħabba l-età tiegħu biex ikun jista’ “jmut fis-sodda tiegħu.” Huwa wieġeb, “Jekk illum immur id-dar, għada niftaħ il-bieb għal kull min iħabbat għall-għajnuna.” Meta mistoqsi jekk kienx jaf li seta’ jmut talli għen lil-Lhud, hu wieġeb, “Jien nikkunsidra li dan ikun l-akbar unur għall-familja tiegħi.” Fid-9 ta' Marzu, Casper miet fl-Isptar Muniċipali ta' The Hague, fl-età ta’ 84 sena, wara disat ijiem fil-ħabs ta' Scheveningen.

Betsie mietet f'Ravensbrück f'Diċembru 1944. Willem marad bit- tuberkulożi spinali waqt li kien il-ħabs minħabba x-xogħol tiegħu mar-reżistenza. Għalkemm inħeles, miet bit-tuberkulożi ftit wara l-gwerra. Corrie nħelset mill-kamp ta’ konċentrament ta’ Herzogenbusch. Skont hi, inħelset bi żball. Hija marret lura d-dar f’dik li tissejjaħ “ix-xitwa tal-ġuħ” minħabba n-nuqqas ta’ ikel li kien jeżisti. Hija xorta fetħet il-bibien tagħha għal persuni b’diżabilità li kienu moħbija minħabba l-biża’ li jiġu maqtulin mill-Ġermaniżi.

Corrie Ten Boom irrakkontat l-istorja tal-membri tal-familja tagħha u x-xogħol tagħhom fit- Tieni Gwerra Dinjija fil-ktieb bestseller tagħha, The Hiding Place li ħareġ fl-1971 u Ii nħadem film fl-1975.

Ilum wassaltilkom ftit tagħrif dwar familja li minkejja li ma kinitx Lhudija, għenet kemm setgħet u b’kull mezz lil-Lhud fi żmien il-gwerra. Familja b’morali għolja – familja altruwista.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Jannar 2023



 

 


 

 

 

 

Nessun commento:

Posta un commento