sabato 21 gennaio 2023

Jum internazzjonali b'tifkira tal-Olokawst



Kull 27 ta’ Jannar isir Jum it-tifkira. Nistħajjel li jkun hawn min jistaqsi: liema tifkira tkun iċċelebrata dakinhar? Minkejja li ngħidu li hija tifkira, huwa jum li fih niftakru ġrajja li kulħadd jixtieq jinsa. Dakinhar niftakru f’dawk il-miljuni ta’ bnedmin li ġew maqtulin minħabba filosofija żbaljata, minħabba politika ħażina fejn jeżistu r-razez, il-kuluri, il-firdiet fost il-bnedmin. Dakinhar id-dinja tiftakar fl-Olokawst li seħħ matul it-Tieni Gwerra Dinjija fejn madwar sitt miljun Lhudi ra t-tmiem tiegħu sempliċiment għax kien jappartjeni għall-ġens Lhudi.

Olokawst jew Shoah

L-Olokawst, li huwa magħruf ukoll bħala s-Shoah, kien il-ġenoċidju tal-Lhud Ewropej matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Bejn l-1941 u l-1945, il-Ġermanja Nażista u l-kollaboraturi tagħha qatlu sistematikament madwar sitt miljun Lhudi madwar l-Ewropa okkupata mill-Ġermaniżi. Dan in-numru kien jammonta għal madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni Lhudija tal-Ewropa. Il-qtil sar kemm f’massakri u sparar tal-massa kif ukoll bi programm ta’ politika ta’ sterminazzjoni permezz ta’ xogħol fil-kampijiet ta’ konċentrament. Sar ukoll fi kmamar tal-gass u vannijiet tal-gass fil-kampijiet ta’ sterminazzjoni Ġermaniżi, prinċipalment Auschwitz-Birkenau , Bełżec , Chełmno , Majdanek , Sobibór , u Treblinka fil-Polonja okkupata.

Il-Ġermanja implimentat il-persekuzzjoni fi stadji. Wara l-ħatra ta' Adolf Hitler bħala Kanċillier fit-30 ta’ Jannar 1933, ir-reġim bena għadd ta’ kampijiet ta' konċentrament fil-Ġermanja għall-avversarji politiċi u dawk meqjusa bħala “mhux mixtieqa”. L-ewwel kamp ta’ konċentrament kien dak ta’ Dachau li fetaħ fit-22 ta' Marzu 1933. Wara li għadda dak li jissejjaħ l-Att ta’ Enabling, fl-24 ta’ Marzu, 1933 Hitler ġie mogħti poteri plenarji dittatorjali, bid-dritt li jgħaddi liġijiet mingħajr ħtieġa ta’ maġġoranza fil-parlament jew approvazzjoni tal-President. Minn dan il-waqt il-gvern Nażista beda jiżola l-Lhud mis-soċjetà ċivili; dan kien jinkludi l-bojkott tan-negozji Lhud f'April 1933 u l-promulgazzjoni tal- Liġijiet ta' Nuremberg f'Settembru 1935. Bejn id-9 u l-10 ta' Novembru 1938, tmien xhur wara li l-Ġermanja ħakmet l-Awstrija , in-negozji Lhud u s-sinagogi kollha u bini Lhudi ieħor ġew meqrudin jew inħarqu madwar il-Ġermanja u l-Awstrija kollha, f’dik li saret magħrufa bħala Kristallnacht, li bil-Malti nistgħu nsejħulu “il-Lejl tal-Ħġieġ imkisser”. Dan kollu seħħ wara li żagħżugħ Lhudi kien qatel diplomatiku Ġermaniż f’Pariġi. Dak li seħħ f’dak il-lejl  kien sinjal għal-Lhud fil-Ġermanja u l-Awstrija biex jaħarbu minn darhom kemm jista’ jkun malajr. Mijiet ta’ eluf ta’ Lhud sabu kenn f’pajjiżi oħra, iżda mhux kulħadd, numru kbir ta’ Lhud fosthom xjuħ u morda, baqgħu f’darhom.

Kristallnacht

Wara li l-Ġermanja invadiet il-Polonja f’Settembru tal-1939, li nistgħu ngħidu kien il-bidu għat-Tieni Gwerra Dinjija, ir-reġim waqqaf gettos biex jissegrega l-Lhud. Eventwalment, mijiet ta’ kampijiet u siti oħra ta’ detenzjoni ġew stabbiliti madwar l-Ewropa okkupata mill-Ġermaniż. Matul is-snin tal-gwerra l-Olokawst wettaq atroċitajiet li sal-lum għadhom iħammru wiċċ id-dinja.

Politika ta’ razza

Il-bidu ta’ dan il-perjodu ikrah fuq id-dinja kien frott ta’ filosofija żbaljata fejn il-bniedem beda jemmen, ovvjament għax hekk ġie mgħallem minn dawk ta’ fuqu, li neżistu aħna u jeżistu huma u min mhux magħna jew bħalna huwa kontra tagħna u min hu kontra tagħna huwa għadu tagħna mela għandna neħilsu minnu kemm jista’ jkun malajr. Il-poplu Ġermaniż ġie ddottrinat li hemm razza ta’ bnedmin puri u min mhux minn dik ir-razza għandu jitwarrab. Fil-verità aħna bħala umani nappartjenu għal razza waħda, ir-razza umana u la iżjed u lanqas inqas. Biss il-politika Nażista għallmet diversament. Ma tistax tlum lil min ġie ddotrinat b’dan il-mod li jemmen li dak li tgħallem huwa s-sewwa.

Meta nsemmu l-Olokawst spiss nifhmu l-ġenoċidju tal-Lhud, iżda matul is-snin tal-gwerra, jiġifieri bejn l-1933 u l-1945, seħħew kemm-il darba qtil sistematiku tal-massa jew ta’ gruppi oħra tal-popolazzjoni. Dawn kienu jinkludu lir-Rom jew Żingari , Pollakki , Ukrajini , Sovjetiċi ċivili u priġunieri tal-gwerra. Gruppi iżgħar kienu wkoll vittmi taʼ persekuzzjoni Nażisti, bħall-membri tax- Xhieda taʼ Ġeħova, il- Ġermaniżi Suwed, il- persuni b’diżabilità, il- komunisti u l-omosesswali.

Għalfejn niftakru?

Imma gaħlfejn ta’ kull sena nerġgħu niftakru fi żmien li d-dinja kollha tixtieq tinsa? Huwa propju għalhekk li rridu niftakru għax kif jgħid sewwa l-filosfu George Santayana: “Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kkundannati li jerġgħu jgħixuh.” Din il-frażi tinsab miktuba f’waħda mid-daħliet tal-barrakki ġewwa l-kamp ta’ konċentrament f’Auchwitz. Għalhekk ma rridux ninsew dak li d-dinja għaddiet minnu għax inkella jkun hemm ir-riskju li terġa’ tgħaddi minnu. Dak li seħħ fi żmien il-gwerra seħħ minħabba politiku b’ideoloġija li llum nafu li kienet żbaljata iżda fi żmienha kienet aċċettata. Għalhekk it-tifkira, biex ma ninsew qatt u biex forsi ma nerġgħux ngħaddu minn dak li għaddew minnu dawk ta’ qabilna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Jannar 2023


 

 

 

 

 

Nessun commento:

Posta un commento