Kemm-il darba ngħaddu mir-raħal pittoresk tal-Mellieħa u naraw quddiemna dak is-santwarju fil-quċċata? Kemm naħsbu dwaru u dwar l-istorja antika li fih? Nibża’ li huma aktar Turisti li jafu dwaru milli aħna l-Maltin għalhekk tajjeb li llum ngħidu xi ħaġa fuq dan.
Devozzjonijiet
Pajjiżna għandu bosta
devozzjonijiet partikolari lejn il-Madonna. Dawn imorru lura mijiet ta’ snin u
llum nistgħu ngħidu li saru parti mill-patrimonju reliġjuż ta’ pajjiżna. Hawn
bosta kappelli u knejjes iddedikati lill-Madonna ġewwa Malta u bosta minnhom
għandhom xi devozzjoni speċjali, biss imbagħad hawn oħrajn li d-devozzjoni
lejhom hija mifruxa ma’ Malta kollha bħalma hija propju d-devozzjoni lejn
Il-Madonna hekk imsejħa tal-Mellieħa.
Il-Madonna tal-Mellieħa
It-tradizzjoni tgħidilna li
d-devozzjoni lejn il-Madonna f’dan il-post bdiet mal-wasla tal-fidi Nisranija
ġewwa artna. Tant hu hekk li din it-tradizzjoni tgħid li x-xbieha li hemm
fl-għar tal-Madonna fil-Mellieħa, li nsibu sewwasew taħt il-knisja parrokkjali
tal-post, kienet impittra minn San Luqa li wasal Malta nawfragat fuq l-istess xini ma’ San Pawl madwar is-sena
60. Ma nafux minn ikkonsagrat dan il-għar u lanqas meta. Xi wħud jaħsbu kien
ikkonsagrat minn San Pawl u xi oħrajn huma tal-fehma li l-konsagrazzjoni tiegħu
saret minn San Publiju l-ewwel Isqof ta’ Malta. Imbagħad hemm oħrajn li jemmnu
li dan kien ikkonsagarat fl-1090 mill-Konti Ruġġieru. Li nafu hu li reġa’ ġie kkonsagrat mill-Isqof Alferan De Bussan,
fl-21 ta’ Mejju tal-1747.
Aktarx li dan is-Santwarju
fil-bidu kien iddedikat lill-maternità tal-Madonna iżda wara l-Assedju l-Kbir,
fl-1565, dan ġie ddedikat lit-twelid ta’ Marija Santissima, il-Bambina, jew kif nafuha aħjar, il-Vitorja. Fl-1436
l-Isqof Senatore de Mello kiteb lista tal-għaxar parroċċi Maltin tal-kampanja
li kienu jeżistu, il-Mellieħa kienet waħda minnhom. Kien f’dan is-Santwarju li
twaqqfet il-paroċċa tal-Melliieħa li kellha t-territorju tagħha jmiss
man-Naxxar u l-Mosta. Fl-1551
it-Torok ħabtu għal Malta u l-Mellieħa kienet fost l-aktar irħula li batiet.
Wara dan l-attakk il-parroċċa kellha tingħalaq għaliex il-Mellieħa tbattlet
min-nies minħabba l-biża’ ta’ aktar attakki.
Wara l-1565
Wara l-Assedju l-Kbir is-sigurtà fuq xtajtna żdiedet u għalhekk
in-nies reġgħu bdew imorru joqgħodu fil-Mellieħa. Fl-1584 beda jieħu ħsieb dan
is-santwarju wieħed patri Agostinjan li
xerred bil-kbir id-devozzjoni lejn il-Madonna f’dan il-post. Fl-1587,
is-santwarju għadda f’idejn Dun Bennard Cassar li fl-1603 inħatar bħala rettur
tiegħu.
Waqt ħbit ieħor mit-Torok fuq Malta fl-1614
jingħad li dawn daħlu fis-santwarju u għamlu ħerba. Hemm storja li tgħid li
wieħed suldat Tork ħareġ is-sejf tiegħu u giref ix-xbieha tal-Madonna. Dan ftit
wara nħakem minn marda qalila. Huwa ntebaħ li dik il-marda kienet kastig ta’
dak li wettaq u għalhekk talab lill-Madonna biex ifieq. Talbu kien mismugħ u
bħala radd ta’ ħajr bagħat ħafna xemgħat lil dan is-santwarju. Dan
il-fatt inkiteb mill-Isqof Balaguer fil-viżita pastorali tiegħu. Il-Gran Mastru Alof de Wignacourt kien
imur iżur dan is-santwarju kull nhar ta’ Sibt. Minn hawn id-devozzjoni
lejn il-Madonna tal-Mellieħa kibret u nxterdet ma’ Malta kollha.
Mill-ġdid parroċċa
Fl-1844 il-Mellieħa reġgħet saret
parroċċa u s-santwarju beda jintuża bħala knisja parrokkjali. Fl-1881 bdiet
tinbena l-knisja parrokkjali l-ġdida fuq is-santwarju stess. Din tlestiet
fl-1898, ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Mauro Caruana fit-18 ta' Frar 1930.
Il-parroċċa ġiet dikjarata Arċipretali minn Monsinjur Arċisqof Charles J.
Scicluna nhar it-8 ta' Settembru 2015.
L-għar tal-Madonna tal-Mellieħa
huwa post ta’ pellegrinaġġi. Fih nistgħu naraw għadd ta’ kwadri eks voto li
waħedhom huma xhieda tad-devozzjoni li kien u għadu jgawdi dan is-santwarju.
Inkurunazzjoni
Ix-xbieha tal-Madonna
tal-Mellieħa ġiet inkurunata nhar il-Ħadd 24 ta’ Settembru 1899 mill-Isqof ta’
Malta Pietru Pace, l-Isqof Giovanni Maria Camilleri ta’ Għawdex u mill-Isqof
Awżiljarju Savatore Gaffiero f’isem il-Papa Ljun XIII.
F’Ġunju 2016 tlesta r-restawr li
sar fuq ix-xbieha tal-Madonna tal-Mellieħa. Dan ir-restawr reġa’ ta d-dehra
oriġinali tal-pittura. Studjużi llum jaħsbu li din hija xogħol tas-seklu XV u
aktarx sar minn xi artist minn Sqallija.
Waqt l-ewwel żjara tiegħu f’Malta, il-Papa San Ġwanni Pawlu II żar dan is-santwarju fis-26 ta’ Mejju 1990. Dakinhar huwa kien iltaqa’ mal-familjari tal-missjunarji Maltin.
Dan huwa ftit dwar dan
is-santwarju għażiż għal bosta minna l-Maltin. Nispera li issa li qrajt dan, la
tkun il-Mellieħa u quddiem għajnejk tara l-knisja, tiftakar xi storja għandha warajha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Jannar 2023
Nessun commento:
Posta un commento