L-aħħar jum tas-sena l-Knisja Kattolika
tiddedikah lil wieħed mill-papiet, sewwasew it-tlieta u tletin wieħed. Forsi
fostna ftit li xejn hu magħruf biss fl-Italja mhux hekk. Jekk xejn fl-aħħar jum
tas-sena t-Taljani jagħmlu dik li jsejħulha cenone
di San Silvestre. Ċena Taljana diġà ġġiegħlek timraħ fl-immaġinazzjoni
tiegħek aħseb u ara meta minflok ċena tkun cenone, ċena mill-kbar nett. Intant
qabel xejn ejjew naraw min kien dan il-papa qaddis.
Il-qaddis
Fi żmien il-papat tiegħu seħħet ġrajja ferm
importanti fil-Knisja. Fis-sena 313 l-Imperaturi Kostantinu u Liċinju kienu taw
il-ħelsien sħiħ lill-kult reliġjuż Nisrani b’dak li jissejjaħ l-editt ta’ Milan
u għalhekk kienet intemmet l-era tal-persekuzzjonijiet. Għalhekk kien fi żmien il-Papa
Silvestru li l-Knisja bdiet tgħix fis-sliem, ħarġet fil-beraħ b’hekk ħalliet
il-katakombi u kompliet tikber u tinfirex. Fi żmien dan il-papa wkoll iltaqa’
il-Konċilju ta’ Arles fis-sena 314, li kien ikkundanna l-ereżija tad-Donatisti
u beda jgħodd bħala validi s-sagramenti li kienu amministraw l-eretiċi. Huwa
approva l-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325, li kien ikkundanna l-ereżija ta’
Arju li kienet tgħid li Ġesù mhux Alla u għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla,
Konċilju li tana l-l-Kredu magħruf bħala dak ta’ Niċea. Billi issa kienet
intemmet il-persekuzzjoni kienu bdew jinbnew bosta knejjes. Inbniet
l-ewwel Bażilika ta’ San Pietru, dik ta’ Santa Croce u ta’ San Lawrenz fuori le
mura, kollha fil-belt ta’ Ruma. L-Imperatur Kostantinu kien għadda l-palazz
tal-Lateran lil dan il-papa fejn ħdejh aktar tard inbniet il-bażilika ta’ San
Ġwann, li llum huwa il-katidral tad-djoċesi ta’ Ruma.
Silvestru miet fil-31 ta’
Diċembru tas-sena 335, wara li kien ilu Papa 21 sena u ħdax-il xahar u kien
midfun fiċ-ċimiterju ta’ Prixxilla, fit-Triq Salarja, dejjem f’Ruma.
F’Malta
Minn sena għal oħra
Billi dan il-jum huwa l-aħħar
wieħed tas-sena u lejlet l-ewwel jum ta’ sena ġdida jsiru bosta festeġġjamenti.
Billi semmejt lil San Silvestru tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar l-ikla jew aħjar
l-iklun li biha jiffesteġġjaw il-maġġoranza tat-Taljani.
Fl-Italja hemm id-drawwa li bħal-lum
tkun imħejjija l-hekk imsejħa ċena jew ikla tal-ewwel tas-sena jew ta’ San
Silvestru, ikla abbundanti, li fiha l-aktar platt tradizzjonalment karatteristiku
huwa ż-zampone jew il-cotechino bl-għads. Ġeneralment hija drawwa li kulħadd jibqa’
mqajjem sa wara nofsillejl, biex jiċċelebra l-wasla tas-sena l-ġdida. Normalment
din il-lejla titqatta’ mal-familja jew mal-ħbieb f’xi pjazza fejn jiġu organizzati
kunċerti jew diversi festin, iżda ħafna jippreferu jgħadduha d-dar. Iċ-cenone
tkun tikkonsisti f’madwar erbatax-il platt, aktarx fuq bażi ta’ ħut u frott
tal-baħar, minbarra naturalment iż-zampne li huma roti tas-saqajn tal-majjal
imsajrin fl-għads. Billi l-festeġġjamenti fid-djar jew fir-risturanti jibqgħu
għaddejjin sas-sebħ, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu hemm min jerġa’ joffri
platt spagetti, biex taf int, dak li jkun ma jibdiex is-sena l-ġdida u jkun
debboli jew fjakk!
F’dan il-lejl żgur li jinxtorob
l-akbar ammont ta’ xampanja, għax din id-drawwa hija mifruxa mad-dinja kollha.
Kurjuż il-fatt li jseħħ fi Spanja bħal-lum. In-nies miġbura fil-pjazza jieħdu
magħhom tnax-il għenba u mat-tokki ta’ nofsillejl jieklu għenba ma’ kull tokk. L-Ispanjoli
jekk iżommu din it-tradizzjoni ma tantx jitgħabbew bl-ikel dakinhar mhux
bħat-Taljani. Biss din hija drawwa Spanjola u żgur li dak li jkun ma jtemmx
is-sena bi tnax-il għenba biss, żgur li jsib fejn jimla l-ħawsla qabel jew
wara.
U l-festa ta’ San Silvestru
tintemm hekk, b’festeġġjamenti kullimkien, u nissopponi li ftit huma dawk li
jaħsbu fil-qaddis!
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento