Wieħed mill-argumenti l-aktar jaħarqu li bdew ikunu spiss fuq fomm il-poplu tal-Ewropa huwa dak li jitratta l-imigrazzjoni. F’dawn l-aħħar deċenji rajna fenomenu li qatt ma konna naħsbu dwaru jew nimmaġinaw li għad jiġri f’pajjiżna u fil-bqija tal-Ewropa. Hawn irrid nagħmilha ċara u tonda mill-ewwel li bla ma nidħol f’kontroversji, irridu niddistingwu bejn barrani li jibda jgħix fl-Ewropa, fosthom f’pajjiżna, b’mod regolari u kif titlob il-liġi u barrani li jidħol b’mod klandestin. Hemm liġijiet li għandhom ikunu osservati minn kulħadd.
Xi darba konna aħna
migranti
Xena li ma ninsa qatt hija dik ta’ meta ommi u missieri
ħaduni magħhom il-Marsa, mingħalija fit-tinda li tissejjaħ “tal-patata” biex
naraw lin-nanna, omm ommi, li kienet sejra temegra lejn l-Awstralja flimkien
maż-żewġ zijiet iż-żgħar. Kien lejn l-aħħar tas-snin sittin meta l-Maltin kienu
għadhom ifittxu xortihom il bogħod minn art twelidhom. Bħan-nanna u bħaz-zijiet
kien hemm eluf oħrajn ta’ Maltin li emegraw lejn xi art oħra biex isibu ħajja
aħjar. Din ma kinitx storja tal-Maltin biss, imma għaddew minnha bosta Ewropej
oħra, fostom il-ġirien tagħna l-Isqallin u t-Taljani tan-naħa ta’ isfel
tal-Italja.
Min jaf mal-wasla tagħhom kemm kien hemm min qal l-istess kliem li llum aħna l-Ewropej ngħidu għall-Afrikani u l-Ażjatiċi li jaslu fil-kontinent tagħna. Għax din ħaġa normali, kulħadd jibża’ mit-tibdil l-aktar jekk dan it-tibdil isir għal għarrieda.
Addattament jew le
Maż-żmien l-Ewropej, fil-biċċa l-kbira tagħhom adattaw
irwieħom għas-sistemi u d-drawwiet tal-pajjiżi li fihom marru jfittxu xortihom.
Biss jekk wieħed joqgħod jaħseb naqra fil-fond jara kemm l-għeruq ta’ dak li
jkun mhux faċli li wieħed jitbiegħed wisq minnhom. Ejjew nieħdu eżempju
tal-Maltin fl-Awsralja jew il-Kanada jew l-Amerika. Naf żgur li jeżitu għaqdiet
ta’ Maltin li jorganizzaw il-festi tal-qaddisin bħalma norganizzawhom aħna
l-Maltin jew il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Żgur li għan-nies ta’ dawn
il-pajjiżi dawn ma humiex tradizzjoni għax mhux imdorrijin bihom, biss illum isiru
ta’ kull sena.
Dan ma jfissirx li l-Maltin ma addattawx ruħhom għall-pajjiż
li bdew jgħixu fih imma ħadu magħhom ukoll id-drawwiet tagħhom u integrawhom
fil-pajjiż il-ġdid. Min ma riedx jadatta ruħu kellu jew jgħix ħajja ta’
disprament jew jaqbad it-triq u jerġa’ lura lejn art twelidu. Min qara r-rumanz
ta’ Juann Mamo “Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka” jifhem sewwa dak li qed ngħid.
Il-folja nqalbet
Illum ma għadhomx l-Ewropej li jemegraw imma l-Ewropa saret
il-post fejn tilqa’ bosta persuni minn barra l-kontinent. Imma wara dawn
is-snin kollha ta’ nies deħlin fl-Ewropa, kultant bla ebda kontroll, sar xi
pjan għalihom?
Ikollna nammettu li ċerti xogħlijiet ma għadhomx isiru
mill-Ewropej u allura jkollna ngħidu li mnalla hawn il-barranin. Biss xorta
waħda hemm lok fejn il-preżenza ta’ dawn il-persuni tista’ tiġi regolata aħjar.
L-ewwel ħaġa li nemmen li għadha ssir hija li jekk barrani jiħġi aċċettat
f’pajjiż, dan għadnu jitgħallem l-ilsien tal-post. Illum f’Malta spiċċajna
b’nies li jagħtuk servizz, bħal assistenti tal-ħwienet, telephone operators,
xufiera u waiters, li lanqas Ingliż ma jitkellmu sewwa. Jien immur spiss
l-Italja u nara bosta stranġieri. Dawn kollha jitgħallmu t-Taljan għax inkella
ma jimxux il quddiem. Allura f’pajjiżna għaliex le?
Programm
L-idea tiegħi hija li l-pajjiż għandu juża l-ħiliet ta’ dawn
il-persuni u jgħallimhom snajja li jkunu ta’ ġid għall-pajjiż li jkunu għażlu
li jgħixu fih.
Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna ġabet lid-dinja fuq
sieq waħda. Issa qed nindunaw li l-qamħ li nipproduċu aħna mhux biżżejjed
għall-konsum tagħna. Kieku kellu jsir programm li dawn il-barranin jingħataw
il-makkinarju u art mhux ikkultivata biex jaħdmuha u jiżirgħuha qamħ ikunu qed
jaqilgħu għixien diċenti u jagħtu prodott tant meħtieġ lill-kontinent. Dan huwa
eżempju wieħed biss. Hemm oqsma oħra fejn bi ftit għajnuna dawn il-barranin
mhux talli ma jkunux piż fuq il-pajjiż anzi jagħtu kontribut siewi.
Razziżmu
Ma tistax tikteb dwar dan l-arġument bla ma ssemmi
r-razziżmu. Ir-razziżmu ħafna drabi jitwieled minħabba n-nuqqas ta’
integrazzjoni. Il-Lhud fil-Ġermanja matul it-tieni gwerra dinjija għaddew minn
dak li għaddew għax minkejja li kienu Ġermaniżi, twieldu hemm, tgħallmu hemm,
ħadmu hemm, ħallsu t-taxxi tal-pajjiż daqs kull ċittadin ieħor, dawn baqgħu maqtugħin
għalihom u kienu jidhru bħala sfida lejn il-kumplament tal-poplu. Għalhekk
flimkien mat-tagħlim tal-ilsien tal-post irid ikun hemm tagħlim tad-drawwiet u
tagħlim tal-kultura għax inkella dak li jkun jibqa’ barrani anke jekk jgħaddu
mitt sena minn fuqu. U mal-barrani jinbet ir-razziżmu, aħna u huma, aħna mhux
huma u huma mhux aħna meta fl-aħħar mill-aħħar ilkoll ikunu qed jgħidxu
flimkien, imma mifrudin.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Diċembru 2022
Nessun commento:
Posta un commento