sabato 10 dicembre 2022

Il-liri tal-Knisja


Spiss nisimgħu min jgħid li l-Knisja hija entità sinjura u li jmissha tbigħ ir-rikkezzi li għandha biex tqassamhom lill-foqra. Jien ngħid mill-ewwel li ma nafx x’għandha l-Knisja universali, la naf x’ġid għandu l-Vatikan u lanqas naf x’tippossedi l-kurja ta’ Malta, imma ser nikteb dwar realtà li ngħixha kuljum.

Patrimonju

Tabilħaqq li f’bosta knejjes naraw opri tal-arti li jiswew il-miljuni ta’ ewro. Imma kemm minnhom tista’ tiddisponi l-Knisja biex bi flushom ittaffi tant tbatija li hawn madwar id-dinja? Dawn l-opri llum huma patrimonju tad-dinja u għalhekk ħadd ma jista’ jmiss xejn minnhom aħseb u ara jbigħ! Min jaf kemm tiswa il-Pietà ta’ Michelangelo kieku kellha tinbiegħ? Imma l-Vatikan ma jistax ibigħha għax dik hija patimonju ta’ kull bniedem u ma għandha tkun qatt f’xi kollezzjoni privata. Mur erġa’ agħmilha llum! Mur erġa qajjem lil Michelangelo mill-qabar biex jerġa’ jisklopiha!

U dan il-patrimonju ma jinsabx biss fil-Vatikan. Anke l-knejjes ta’ pajjiżna fihom bosta rikkezzi, biss l-ebda opra minnhom ma tista’ tinbiegħ. Ħa nġib eżempju wieħed biss. Ħa nsemmi statwa titulari li naħseb il-Maltin kollha jammettu li hi waħda mill-isbaħ li nsibu f’pajjiżna. Timmaġina li l-kapitlu ta’ Birkirkara jbigħ l-istatwa ta’ Santa Liena? Min ser jerġa’ jqajjem lil Salvu Psaila minn ġewwa qabru biex jerġa’ jagħtina opra oħra bħal dik? Allura jkollna nammettu li minkejja r-rikkezzi u l-opri imprezzabbli li naraw fil-knejjes, kemm ta’ pajjiżna kif ukoll fi knejjes madwar id-dinja kollha, ma jiswew xejn fejn jidħol l-argument li l-Knisja għandha tbigħ id-dehbijiet u l-fided tagħha biex tqassam flushom lill-fqar għax fil-verità ma għandha l-ebda setgħa fuqhom imma hija biss tieħu ħsiebhom.

Djar u bini

Hemm xi wħud li jgħidu li l-knisja sinjura għax għandha bosta bini. Tajjeb wieħed ikun jaf li llum f’Malta, il-bini li ma jintużax għal skopijiet ekleżjastiċi ma għadux f’idejn il-Knisja imma d-dħul minnu jmur biex jitħallsu l-għalliema tal-iskejjel tal-Knisja – anzi parti mill-pagi tal-għalliema għax id-dħul minn dawn il-binjiet u djar ma jlaħħaqx mas-somma li hija meħtieġa biex iżżomm daqstant għalliema.

Hawn forsi hawn min jgħid li minn dan id-dħul qed igawdu biss parti mill-poplu Malti, dawk li għandhom uliedhom imorru fi skola tal-Knisja. U hawn huma wkoll żbaljati. L-iskejjel tal-Knisja qed jiffrankaw lill-gvern Malti miljuni ta’ ewro fis-sena. Kieku ma jkunux dawn l-iskejjel l-istat ikollu jaħseb hu għall-edukazzjon i ta’ tant eluf ta’ tfal. Dan ifisser li l-pagi tal-għalliema jibda jkollu jaħllashom il-gvern u allura dan irid iġib il-flus mit-taxxi taċ-ċittadini. Mela anke jekk indirettament, kull Malti qed igawdi mill-kirjiet tad-djar li għandha l-Knisja għax kieku l-istorja mhux hekk ikollu jħallas hu għall-edukazzjoni ta’ dawk l-istudenti li jattendu xi skola tal-Knisja.

Ħajja ta’ lussu

Forsi hawn min jaħseb li s-saċerdoti jgħixu ħajja ta’ lussu. Is-saċerdot djoċesan għandu l-paġa imma s-saċerdot reliġjuż, li jappartjeni għal xi ordni reliġjuż għandu biss pocket money. Jiena bħala saċerdot reliġjuż nista’ nitkellem dwari u ma nafx x’għandu ħaddieħor. Il-pocket money tiegħi huwa ta’ €50 fix-xahar, iva ħamsin ewro fix-xahar li jiġu €1.64, ewro u erba’ u sittin ċenteżmu kuljum. Dik ħajja ta’ lussu li jista’ jgħaddi bniedem b’€1.64 kuljum! Jekk ikollok karozza trid timliha bil-petol, tħallsilha l-insurance u l-liċenzja, toħodha għas-service u meta tinqala’ ħsara toħodha għand il-mekkanik. Illum lanqas tifel ma tagħtih €1.64 biex jgħaddi bihom ġurnata.

Ma rridux ninsew li l-kontijiet jaslu wkoll lis-saċerdoti u lill-kunventi tal-patrijiet ukoll. Naf parroċċi li l-kont tad-dawl biss jaqbeż il-ġbir li jsir fil-knisja. Barraminnhekk hemm spejjeż oħra li ftit jaħsbu li jeżistu. Mhux se nsemmi l-ostji u l-inbid, ix-xemgħat u issa anke s-sanitizer li jridu jinxtraw, imma nsemmi manutenzjonijiet li binjiet kbar bħalma tkun knisja jirrikjedu. Akbar ma tkun il-binja akbar ikun il-kont. U la fil-bidu semmejt l-opri tal-arti, ir-restawr tagħhom ma jsirx b’xejn, anzi llum ħafna minn dan ix-xogħol qed jiġi ffinanzjat, jew tal-anqas parti kbira minnu mill-Unjoni Ewropea.

Imbagħad hemm id-donazzjoni tal-quddies. Biex tagħmel quddiesa tagħti €5 fid-djoċesi ta’ Malta. Din l-elemosina, (għax ma hijiex tariffa, għax min ma jagħtihiex xorta ssirlu l-quddiesa) ilha hekk xi għoxrin sena. Kemm għoliet il-ħajja f’għoxrin sena? Kemm żdiedet il-paga f’għoxrin sena? Imma d-donazzjoni biex issir quddiesa baqgħet l-istess naħseb mill-millenju l-ieħor.

Illum qbadt argument li nemmen li bosta saċerdoti jafu bih imma jibżgħu jitkellmu dwaru. Biss min huwa barra ma jibżax jgħid li l-knisja hija sinjura. Illum ridt nuri kemm min jgħid dan il-kliem ikun żbaljat.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' diċembru 2022




Nessun commento:

Posta un commento