Bologna hija l-kapitali tar-reġjun Emilia Romagna. Hija belt li fiha bosta universitajiet u għalhekk bla dubju hija belt mimlija studenti żgħażagħ. Hija belt li fil-medjuevu kienet imdawra bis-swar u kellha 12-il bieb. Kienet belt li tagħmel parti mill-istati pontifiċji. Hija belt ċentru ta’ kultura u attività artistika u tista’ tgħid li ta’ kuljum, sajf u xitwa ssib xi attivita kulturali għaddejja. Hemm insibu is-sitt l-akbar knisja fid-dinja, u jekk tqis il-bażilika tal-Vatikan bħala ’l barra minn l-Italja, tiġi it-tielet l-akbar knisja fl-Italja. Illum Bologna bejn iċ-ċentru u l-periferija hija d-dar ta’ madwar miljun ruħ, imma ċ-ċentru storiku ma huwiex daqstant kbir li wieħed idum ħafna sabiex iżuru. Iżda minkejja ċ-ċokon taċ-ċentru storiku, hemm bosta x’ wieħed iżur.
X’tara
Il-bosta mużewijiet ta’ din
il-Belt huma kollha bla ħlas is-sena kollha. Bejn mużewijiet statali u dawk
ekkleżjali nsibu xejn inqas minn 43 wieħed fiċ-ċentru ta’ Bologna. Forsi
l-aktar magħrufin u tajjeb wieħed iżurhom huma dak arkeloġiku, il Mużew Ċiviku
Medjevali, Il-pinoteka tal-arti kif ukoll il-mużew tal-Knisja ta’ San Petronju.
Barra minn dawn hemm bosta knejjes li huma mużew fihom
infushom. Forsi l-aktar qaddis magħruf fid-Dinja li għandu rabta ma’ din il-Belt huwa
San Duminku. Minkejja li huwa kien Spanjol, huwa għażel lil din il-belt biex
tkun pilastru tal-ordni tiegħu. Illum dan il-qaddis ghadu midfun hemm, fil-knisja
ddedikata lil San Nikola u lilu. Il-qabar ta’ dan il-qaddis huwa kapolavur ta’
arti, xogħol ta’ bosta surmastrijiet tal-arti bħalma huma Nicola Pisana,
Michelangelo Buonarrotti u Guido Reni
San Petronju
Semmejna aktar il fuq it-tielet
l-akbar knisja tal-Italja. Din hija l-Bażilika ta’ San Petronju. Semmejna diġa
l-mużew tagħha wkoll. Quddiem din il-bażilika hemm tliet pjazez imissu ma-
xulxin: Piazza Maggiore, Piazza del Nettuno u Piazza Re Enzo. Piazza maggiore
hija l-pjazza li għaliha Lucio Dalla, iben din il-Belt, kiteb il-kanzunetta
popolari Piazza Grande. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Petronju nsibu
wkoll għadd ta’ opri artisitċi. Forsi l-aktar ħaġa li tiġbed nies biex jaraw f’din
il-Knisja, u l-aktar opra li toħloq kontroversji hija l-pittura tal-ġudizzju
universali li fiha jidher Mawmettu. Interessanti wkoll f’din il-knisja huwa
l-arloġġ tax-xemx li hemm fl-art. Minn toqba żgħira fis-saqaf jidħol raġġ ta’
dawl li jimmarka l-ħin.
Knisja oħra li tajjeb wieħed iżur hija dik ta’ San Stiefnu. Fil-verità din hija kumpless ta’ knejjes, seba’ knejjes imissu waħda mal-oħra. It-tadizzjoni tgħid li kien San Petronju stess li ried li tinbena dil-knisja, li biż-żmien saret kumpless ta’ knejjes. Wieħed jista' jżur il-kjostru u jidħol ukoll fil-ħanut li jbiegħ prodotti tipiċi maħdumin mill-patrijiet tal-monasteru li hemm imiss mal-knejjes u minn monasteri oħra mifruxin madwar l-Italja.
|
Iċ-ċentru huwa dominat
mit-torrijiet Asinelli. Huma żewġ torrijiet simbolu tal-belt. L-itwal wieħed
huwa għoli 97 metru. L-itwal torri fl-Italja. It-torri ta’ ħdejh huwa iqsar u
huwa mmejjel u huwa twil 48 metru. It-torri t-twil huwa miftuħ għall-pubbliku u
wieħed jista’ jitla jara veduta mill-isbaħ ta’ din il-belt. Simbolu ieħor
tal-belt huwa l-istatwa ta’ Nettunu li nsibu fil-pjazza msemmija għalih. Ħaġa
unika ta’ Bologna hija l-għadd ta’ loġoġ li jdawru l-belt. Madwar 34 kilometru
ta’ loġoġ huma mifruxin mal-belt kollha. Din il-ħaġa tagħmel lil din il-belt
unika li anke fix-xita wieħed jista' joħroġ jippassiġa mingħajr ma jkun jeħtieġ
umbrella. Dawn il-loġoġ huma wkoll attrazjoni matul il-lejl. Passiġġata ħelwa
taħt dawn il-logog tista’ twasslek sas-santwarju tal-Madonna di San Luca. Dan
huwa l-aktar santwarju maħbub għall-Boloniżi u ta’ kull sena jsiru
pellegrinaġġi għalih. Hemm daqxejn telgħa mhux ħażin, imma meta wieħed jasal
fuq l-għolja fejn hemm dan is-santwarju jkun jista’ jgawdi veduta li minn imkien
ma jkun jista' jaraha.
Ikel
Bologna fuq kollox għandha
ajruport li minnu jtiru ajruplani lejn Malta għalhekk faċli li wieħed iżurha!
Fr. Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Novembru 2022
Nessun commento:
Posta un commento