sabato 5 novembre 2022

Requiem Aeternum

Ix-xahar ta’ Novembru jfakkarna b’mod speċjali f’dawl l-għeżież tagħna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. F’dan ix-xahar bosta jkunu dawk li jżuru l-oqbra fejn ikun hemm il-fdalijiet ta’ qrabathom jew ħbiebhom mejtin. Forsi nistaqsu x’sens fiha li żżur post fejn hemm biss fdalijiet bla ħajja? Aħna l-Insara nemmnu li l-bniedem huwa maħluq bħala ġisem u ruħ; il-ġisem li jintemm u r-ruħ li tibqa’ għal dejjem. Għalhekk inżuru l-oqbra, nixgħelu x-xemgħa u npoġġu l-fjuri għax it-twemmin tagħna jgħidilna li xi darba f’dak il-fdal ta’ taħt ix-xorok tal-qabar kien hemm ruħ li llum qed tgħix il-ħajja li għaliha nħalqet. Nemmnu wkoll li fl-aħħar taż-żminijet din ir-ruħ għad terġa’ titlibbes il-ġisem, mhux aktar dgħajjef ta’ bniedem imma ġisem glorjuż. Il-fidi Nisranija tat dimensjoni ġdida anke lill-mewt. Fil-prefazju tal-quddiesa tal-mejtin ngħidu li “għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel.” Interessanti wkoll il-fatt li sa żmien il-Kristjaneżmu, il-post tad-dfin kien jissejjaħ Nekropoli, kelma ġejja mill-Grieg antik: νεκρόπολις (necropolis) li tfisser il-belt tal-mejtin. L-Insara bdew isejħu dan il-post Ċimiterju li wkoll ġejja mill-Grieg: κοιμητήριον (koimeterion) li tfisser post fejn wieħed jorqod jew jisterieħ. Hawn naraw id-differenza mhux biss fl-isem bejn id-dinja Pagana u dik Kristjana. Din id-differenza fl-isem turi wkoll id-diffeenza fit-twemmin.

Il-qima tagħna lejn dawk li llum ma għadhomx magħna ma tieqafx biss biż-żjajjar fiċ-ċimiterji. Isir bosta talb u quddies għalihom. Il-Knisja Kattolika għandha talba speċifika għall-erwieħ, dik li nsejħulha r-Requiem Aeternum.

It-talba

It-talba għall-mistrieħ ta’ dejjem bdiet mit-tradizzjoni tal-quddiesa tal-mejtin. Din il-quddiesa kienet għal dawk kollha li mietu sew jekk tkun quddiesa ta’ funeral kif ukoll quddiesa b’suffraġġji għal ruħ xi ħadd. Illum ma għadhiex hekk. Fir-rit liturġiku qadim din il-quddiesa dejjem kienet tibda b’dan il-kliem: Requiem aeternam dona ei, Domine… Billi kienet dejjem l-istess u dejjem bil-Latin in-nies bdiet tuża dan il-kliem ukoll għat-talb għall-mejtin barra l-quddiesa wkoll. Imma issa tajjeb immorru aktar bogħod u naraw minn fejn oriġina dan l-introjtu tal-quddiesa.

Kien il-ktieb apokrafu ta’ Eżdra, sewwasew ir-raba’ wieħed, li minnu ġie meħud il-kliem ta’ dan l-introjtu. Ktieb apokrafu, jew ktieb li ma huwiex magħdud bħala parti mill-Bibbja, ma jfissirx li hu xi ktieb ħażin imma sempliċiment huwa ktieb li ma huwiex meqjus baħala l-Kelma ta’ Alla. Hemm bosta kotba apokrafi li minnhom ħadna bosta tagħrif bħal ngħidu aħna isem il-Ġenituri tal-Madonna. Ġwakkin u Anna ma nsibuhom imkien fil-kotba mqaddsa imma niltaqgħu magħhom fl-Evanġelju apokrafu ta’ San Ġakbu. Intant, waqt li l-ewwel u t-tieni ktieb ta’ Eżdra (it-tieni wieħed jissejjaħ Neħemija) huma kotba kanoniċi, li jiffurmaw parti mill-Bibbja, it-tielet u r-raba’ wieħed ma humiex.

F’dan il-ktieb insibu lill-awtur iwissi lill-poplu Lhudi biex jistenna lir-ragħaj tiegħu li ġej biex jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem u d-dawl etern.

“Dan ngħidilkom o ġnus, isimgħu u ifhmu: stennew lir-ragħaj tagħkom għax huwa jagħtikom id-dawl ta’ dejjem (requiem aeternitatis), għax dak li ġej fl-aħħar taż-żminijiet huwa fil-qrib. Kunu lesti għall-premju tas-saltna għaliex id-dawl ta’ dejjem (lux perpetua) jiddi fuqkom għal dejjem.” [4 Eżdra 2:34-35]

Propju dan huwa li nitolbu fit-talba tar-Requiem Aeternum. Il-kliem requiem aeternitatis u lux perpetua juruna li din it-talba ħarġet minn dan il-ktieb li aktarx inkiteb madwar ħames mitt sena qabel Kristu.

Mistrieħ u dawl ta’ dejjem

Minkejja li t-talba għall-erwieħ għandha l-għeruq tagħha fi ktieb apokrafu hemm fejn f’kotba tal-Bibbja nsibu riferiment għal dan. Fil-Bibbja il-mewt u l-mistrieħ ta’ dejjem huma sinonimi.

Fil-ktieb ta’ Bin Sirak insibu hekk: “Aħjar il-mewt minn ħajja ta’ mrar, u l-mistrieħ ta’ dejjem minn marda għal għomrok.” [Sir:30:17]

Għall-Insara il-mewt mhix sempliċi raqda imma hija stat fejn jintemm kull uġigħ fejn wieħed jista’ jistrieħ mill-mard u l-miżerja ta’ din id-dinja.

San Pawl jgħidilna: “Għax min jidħol fil-mistrieħ ta' Alla jistrieħ hu wkoll mix-xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu.” [Lhud:4:10] Hawn forsi l-Appostlu qed jirreferi għall-mistrieħ f’Jum il-Mulej imma nistgħu nifhmu wkoll li biex wieħed jidħol fil-mistrieħ ta’ Alla jrid ikun ma’ Alla.

Fil-Ktieb tal-Għerf insibu riferiment għal Alla bħala d-dawl etern u l-għerf li huwa l-Iben: “Hu raġġ tad-dawl ta' dejjem, mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta' Alla, u xbieha tat-tjieba tiegħu.” [Għerf:7:26] San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid li Alla huwa l-għajn tad-dawl: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta' tidwir.” [Ġak:1:17]

Minn dan nistgħu naslu biex ngħidu li l-ġenna hija post ta’ mistrieħ u dawl. Għalhekk kull meta nitolbu għall-erwieħ inkunu qed nitolbu biex dawn jidħlu għal dejjem fil-preżenza ta’ Alla li bħalma jgħid il-Profeta Isaija: “Ma ddawwlekx aktar ix-xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl, għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek.” [Is:60:19]


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Novembru 2022



Nessun commento:

Posta un commento