venerdì 18 novembre 2022

Sinċerità


Jiena żgur li kulħadd jaf xi tfisser il-kelma “Sinċerità” jew li tkun sinċier fil-ħajja. Madanakollu kultant donnu aktar ma tkun sinċier fid-din ja aktar tinduna bin-nuqqas ta’ sinċerità li teżisti madwarek. Is-sinċerità hija l-karatteristika ta’ min jgħid id-dritt, ta’ min hu leali, ta’ min hu ġenwin, ta’ min hu onest u llum ngħidu wkoll li s-sinċerità hija karatteristika ta’ dak li huwa skjett jiġifieri ma joqgħodx idur mal-lewża u l-abjad jgħidlu abjar u l-iswed jgħidlu iswed minkejja li jista’ jidher ikrah ma’ bosta nies, għax is-sinċerità hekk titlob. Min hu sinċier jippreferi jbati billi jgħid jew iwettaq is-sewwa  milli jgawdi għax jgħawweġ u jħawwad. Ma ninsewx li l-kuntrarju ta’ sinċerità hija falsità u kultant nistgħu nsejħulha wkoll ipokrezija.

Oriġini tal-kelma

Il-kelma “Sinċerità” u kliem derivat minnha bħal sinċier jew sinċiera ġejjin minn żewġ kelmiet Latini: Sine Cera. Dawn iż-żewġ kelmiet ifissru “mingħajr xema’.” Nistħajjilkom tistaqsuni x’għandhom x’jaqsmu dawn il-kliem mas-sinċerità. Ngħidilkom għax hemm storja ħelwa. Mela fi żmien ir-Rumani kien hemm dawk li jaħdmu l-bombli tal-fuħħar. Xi wħud kienu jiksu l-qiegħ tal-bomblu bix-xema’ biex dan jekk ikun xi ftit imxaqqaq jew mhux maħdum kif suppost ma jqattarx l-ilma jew l-inbid li jitpoġġa fih. Biss wara ftit żmien din il-lega ta’ xema’ kienet tispiċċa u għalhekk il-bomblu kien ikollu jintrema għax jibda jqattar u ma jkun jiswa għal xejn. Għalhekk dawk il-fuħħarin tal-affari tagħhom li l-bombli tagħhom ma kienx ikun fihom xema’ minn ġewwa kienu jnaqqxu l-kliem “Sine Cera” fuq il-prodott tagħhom. Minn hawn ħarġet il-kelma “Sinċier” – dak li qed tara tieħu bla ebda brikkunati ta’ xejn!

Fil-ħajja

Martin Luther King darba qal: “Biex tagħmel l-għedewwa ma hemmx bżonn tiddikkjara gwerra, biżżejjed tgħid dak li tabilħaqq taħseb.” Kemm hi frażi li fiha x’taħseb! Meta tkun sinċier ma tistax tigdeb, ma tistax tqarraq u għalhekk għandu mnejn ikun hawn min joffendi ruħu bil-kliem li tkun għidt. Il-verità u l-onestà għandhom prezz għoli u xejn inqas is-sinċerità. Wara kollox dawn it-tliet nomi huma qrib xulxin ħafna fit-tifsira tagħhom.

Biss kemm fadal sinċerità fid-dinja? Forsi lanqas aħna stess ma nintebħu bin-nuqqas tagħha. Ħa nġib  eżempju żgħar. Jekk nixtri żarbun, flok jew xi ħaġa oħra li suppost hi tad-ditta imma nixtriha bi kwart tal-prezz li suppost tiswa jekk tkun oriġinali, dak li qed iħħajjarni nixtrieha mhux sinċier għax jaf li dik hija xi ħaġa falza imma lanqas jien ma nkun qed nimxi bis-sinċerità. Nilbes dak l-oġġett taparsi tad-ditta imma fil-fond ta’ qalbi naf li hu falz. Anke jekk kulħadd jaħseb li dak l-oġġett huwa oriġinali, xorta waħda jiena nkun naf li dak falz u nista’ nidħaq b’kulħadd imma bija nifsi ma nista’ nidħaq qatt. Ma naħsibx li nkun qed nesegera jekk ngħid li jekk nagħmel hekk inkun qed nonqos mis-sinċerità lejja nnifsi.



Bejn tnejn min-nies

Fil-ħbiberija s-sinċerità hija fundamentali. Ma jistax ikollok ħbieb li ma jkunux sinċieri għax f’dak il-każ ma jkunu ħbieb xejn. L-istess ngħidu għall-kollegi tax-xogħol. Ix-xogħol jiġi tajjeb meta fi grupp ta’ ħaddiema jkun hemm is-sinċerità. Sfortunatament spiss nisimgħu stejjer ta’ ħaddiema fejn xi ħadd, forsi biex jingħoġob mas-sinjur, ma jkunx sinċier u jipprova joskura lil xi ħadd mill-kollegi tiegħu. U xi ngħidu għaż-żwieġ? Biex żwieġ jirnexxi jrid ikun mibni fuq l-imħabba u s-sinċerità. Jonqos wieħed minn dawn l-elementi u jisfaxxa ż-żwieġ.  Mela nistgħu ngħidu li s-sinċerità ġġib l-għaqda filwaqt li l-falsità tbejjet il-firda – dejjem u kullimkien.

Biss attenti

Is-sinċerità hija tajba imma wieħed kultant jista’ jużaha b’mod ħażin. Li tkun sinċier huwa virtù u li tkun giddieb hu difett, imma meta din is-sinċerità tintuża biex tweġġa’ jew tkisser lil ħaddieħor tista’ tagħmel ħsara daqs il-gideb. Nagħmlu mod li jien ngħid kemm jien tajjeb, kemm nifhem, kemm naf u nkun quddiem bniedem li bilkemm jaf jikteb u jaqra ismu, minkejja li jien inkun qed ngħid id-dritt, inkun sinċier fi kliemi, lil dak li qed jisma’ nkun qed inkissru. Ġibt eżempju fuqi stess ħalli ma nsemmi lil ħadd u lil xejn biss taħsbux li verament jien tajjeb, nifhem u naf! Ġibt eżempju biss fuqi, issa tgħidux li jien mhux sinċier!

Kemm hi ħaġa sabiħa u tajba kieku kull bniedem ikun sinċier, ikun bħal dak il-bomblu ta’ żmien ir-Rumani li kif tarah tieħdu, bla ebda brikkunati bla ebda qerq. Imma jkollna nammettu li fid-dinja jeżistu l-ideali ta’ ħajja imma ħajja ideali ma teżistix.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Novembru 2022




Nessun commento:

Posta un commento