Żgur li lkoll kemm aħna kull meta
noħorġu naraw li ma ninsewx nieħdu magħna l-portafoll. F’dan spiss ikun hemm
karti ta’ flus u llum anke dawk li sirna nsejħu flus tal-plastik, biss magħhom
spiss ikollna xi ftit muniti. Żgur li ftit huma dawk li qatt ħasbu kif oriġinaw
dawn il-muniti.
Storja
Bosta storiċi jaqblu li l-muniti
oriġinaw fl-Anatolja fil-Punent tal- Asja Minuri f’nofs is-sitt seklu qabel Kristu. L-istoriku Erodotu, storiku u
ġeografu Grieg, imwieled madwar is-sena 480 qabel Kristu f’Halicarnassus fil-
Caria (illum Bodrum fit-Turkija ) u miet madwar is-sena 425, jgħid li l-flus
huma invenzjoni ta’ Kresu, sultan ta’ Lidja. L-arkeoloġi sabu muniti maħruġa
mir-Re Kresu jew missieru Alyatte II f’nofs is-sitt seklu, naturalment qabel
Kristu. Dawn għandhom xbieha ta’ ljun fuq in-naħa ta’ quddiem u fuq in-naħa ta’
wara l-marka jew l-arma tas-Sultan. Madankollu, skoperti arkeoloġiċi oħra juru
l-ewwel muniti li nistgħu nsejħulhom "privati"
tas-seklu sebgħa qabel Kristu.
Stater ta' Alessandu l-Kbir |
L-ewwel muniti Rumani kienu
tal-bronż u kienu jissejħu Ass. Il-kummerċ mal-Griegi ffavorew l-iżvilupp tal-muniti
tad-deheb u tal-fidda. Id- Denarju, mil-Latin denarius, wieħed minn għaxra ta'
Ass, deher madwar it- tieni seklu qabel Kristu u baqa’ jintuża sal-waqgħa
tal-Imperu Ruman.
L-istorja tal-munita hija waħda
twila u kkumplikata u mhux faċli wieħed jikteb kollox fuq dan is-suġġett.
Illum
Illum il-ġurnata, il-muniti u
l-karti tal- flus huma l-bażi ta’ kull sistema ekonomika moderna. Muniti
ddisinjati għaċ-ċirkolazzjoni ġeneralment jiswew ftit flus u l-karti tal-flus
jiswew aktar. Għalhekk, fil-maġġoranza tas-sistemi ekonomiċi moderni, il-munita
bl-ogħla valur tiswa inqas mill-karta tal-flus bl-inqas valur. Biex nifhmu sew
ngħidu li l-ogħla valur ta’ munita li nużaw f’pajjiżna hija dik ta’ żewġ Ewro
filwaqt li bħala flus tal-karti inqas waħda hija dik tal-ħames Ewro. Il-valur
monetarju rappreżentat mill-muniti mhux bilfors jirraprezenta l-ispiża
tal-metall użat biex tiġi prodotta. Nerġgħu nagħtu eżempju bil-muniti tal-Ewro.
Forsi munita ta’ żewġ ewro ma fihiex b’żewġ ewro metall, iżda jekk nieħdu l-muiti
taċ-ċenteżmu jew taż-żewġ Ċenteżmu u anke l-munita tal-ħamsa, żgur li l-metall
li fihom jiswa aktar mill-valur tagħhom. Kien hemm żmien fejn il-valur
tal-metall kien ikun dak li tirrappreżenta l-munita.
Eċċezzjonijiet għar-regola
tal-valur rappreżentat li jkun ogħla mill-valuri attwali tal-munita jeżistu
wkoll f'ċerti muniti prezzjużi magħmula minn fidda jew deheb u rarament metalli
oħra bħall- platinu , biss dawn normalment ikunu prodotti għal kolletturi jew
għal min jinvesti fil-metall prezzjuż. Pereżempju, l-Istati Uniti tipproduċi
l-Ajkla tad-Deheb Amerikana, li għandha valur nominali ta’ US $ 50.
Pajjiżna
L-użu tal-muniti f’Malta jmur
lura għal bejn is-sitt u t-tielet seklu qabel Kristu meta f’pajjiżna, dak
iż-żmien taħt il-Kartaġiniżi, kienet tintuża munita tal-bronż magħmula fi
Sqallija u Kartaġni. Il-muniti f’Malta nbidlu ma’ kull min ħakem fuq Malta u
nstabu diversi eżempji ta’ muniti li jmorru lura għall-perjodi Rumani,
Biżantini, Għarab u Normanni u l-ħakkiema ta’ wara bħall-Aragoniżi u
l-Kastellani, b’uħud mill-muniti maħsuba li ġew maħdumin f’Malta stess.
Bil-miġja tal-Ingliżi f’Malta ngħalqet
iż-żekka u t-tagħmir tagħha kien mibjugħ fil-Greċja. Malta bdiet tuża muniti
magħmula fir-Royal Mint. Malta adottat is-sistema dDeċimali fl-1972, bl-ewwel
muniti nħadmu fir-Royal Mint fir-Renju Unit. Din kienet l-ewwel munita maħruġa
minn Malta bħala nazzjon indipendenti. Is-sett ta’ muniti tad-Deċimali nbidel
tul iż-żmien sakemm pajjiżna daħal fiż-żona Ewro fl-2008 u mill-ġdid inbidlu
l-muniti li nużaw.
Minkejja l-kumdità li ġab mieħgu
l-Ewro, speċjalment meta nsiefru, ikollna nammettu li tlifna ftit mill-identità
tagħna, kif wara kollox seħħ f’pajjiżi oħra taż-żona Ewro. Biss minkejja li
l-Ewro huwa l-istess fuq quddiem f’kull
pajjiż ta’ din iż-żona ekonomika, fuq wara hemm xi ħaġa li turi pajjiżna.
Personalment kont nippreferi kieku saru aktar varjazzjonijet, mhux tlieta biss.
Il-muniti Ewro Taljani għandhom xbieha differenti għal kull munita. Imma din
hija idea tiegħi!
Rajna fil-qosor ħafna xi ħaġa dwar
il-muniti, dawk li nġorru f’butna bla ma naħsbu kemm storja hemm warajhom.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Jannar 2023
Nessun commento:
Posta un commento