Ħaġa li dejjem laqtitni
ġewwa Ħaż-Żebbuġ hija d-devozzjoni qawwija li hemm lejn Marija Santissima.
Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li kważi fl-artali laterali kollha tal-knisja
parrokkjali b’xi mod jew ieħor insibu x-xbieha tal-Madonna. Mhux biss, imma
madwar ir-raħal, minn tarf sa tarf, insibu bosta kappelli li għandhom
lill-Marija Santissima taħt xi titlu jew ieħor bħala patruna tagħhom. Kull meta
nimxi fit-toroq tar-raħal dejjem dan il-ħsieb jiġi f’moħħi u llum nixtieq
naqsmu magħkom billi nduru fil-qosor xi wħud minn dawn il-kappelli Marjani. Ser
nagħmlu passiġġata f’xaqliba waħda tar-raħal, minn Ħal Qormi lejn is-Siġġiewi.
Tal-Ħlas
Jekk wieħed jibda riesaq
lejn Ħaż-Żebbuġ min-naħa ta’ Ħal Qormi minn qalb l-għelieqi, isib il-kappella
tal-Madonna tal-Ħlas bħala l-ewwel bini. Interessanti l-fatt li minkejja li din
il-kappella tinsab fil-konfini tar-raħal, tagħmel mal-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’
Ħal Qormi. Hemm storja interessanti dwarha u dwar kif din spiċċat tifforma
parti minn parroċċa ġara, li fi żmien antik kienet ikkonsidrata bħala waħda
kompetitriċi u kienet teżisti xi ftit (jew ħafna)pika magħha! L-ewwel kappella fil-post inbiddlet ma’ oħra
fl-1560. Din illum hija s-saġristija tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas.
Fl-1690 it-teżorier tal-Ordni ta’ San Ġwann bena l-knisja li naraw illum. Id-devozzjoni
lejn il-Madonna taħt dan it-titlu nxterdet u baqgħet tikber. Bdew isiru għadd
ta’ pellegrinaġġi għal dan il-post u għalhekk inbnew loġoġ quddiem il-kappella
għall-pellegrini biex dawn ikollhom fejn jistekennu mix-xemx jew mix-xita. Quddiem
il-kappella nsibu statwa kbira tal-ġebel fuq pedestall. Din turi lill-Madonna
tielgħa s-sema. Din il-kappella hija miżmuma tassew tajjeb u fiha ssir quddiesa
kull xahar. Fiha jista’ wkoll isiru żwiġijiet. F’din il-kappella ssir ukoll
il-festa ta’ Santa Marija fix-xahar ta’ Awwissu.
Il-Kunċizzjoni
Wied Qirda
Għalissa nħallu l-ħsieb
li nidħlu Ħaż-Żebbuġ mit-triq li aħna mdorrijin ngħaddu minnha u niġbdu lejn
is-Siġġiewi. Hawn ma ndumux ma naslu ħdejn id-daħla ta’ Wied Qirda. Hekk kif
nibdew nieżlin f’dan il-wied insibu daqsxejn ta’ kappella li hija ddedikata
lill-Viżitazzjon i ta’ Marija Santissima lill-qaribitha Santa Eliżabetta. Bħal
ħafna knejjes oħra, din ma hijiex l-ewwe binja li saret fil-post. Aktarx li l-knisja
li naraw illum kien bnieha Bartilmew Magro fl-1675. Dan il-benefattur jinsab
midfun f’din il-kappella stess. Din il-kappella fiha żewġ bibien, wieħed
fil-faċċata u ieħor fil-ġenb. Fil-faċċata naraw il-bieb prinċipali u fil-ġnub
żewġ twieqi fil-baxx, sewwasew bħal taż-żewġ kappelli li semmejna qabel. Fuq
il-bieb prinċipali hemm tieqa oħra. Fuq wara tal-kappella naraw bħal kampnar
magħmul minn żewġ arkati, li huwa wkoll nieqes mill-qniepen. Għal xi żmien din
il-kappella kienet intelqet għal kollox u kienet kważi waslet biex tiġġarraf iżda
llum ġiet irrestawrata u wieħed jista’ jgawdiha. Minkejja li din il-kappella ma
tintużax regolarment, xorta ġieli ssir xi quddiesa fiha għal xi okkażjoni
speċjali.
Illum imxejna mixja ma
wieħed mit-truf ta’ Ħaż-Żebbuġ. Matul din il-mixja sibna tliet kappelli li huma
Marjani. Jekk Alla jrid sena oħra nkomplu nimxu u narax xi kappelli Marjani
oħrajn li għandna f’Ħaż-Żebbuġ.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Filep 2019 maħruġ mill-Banda 12th May.


Nessun commento:
Posta un commento