Ftit huma dawk ix-xbihat ta’ San Ġorġ li fihom ma jidhirx id-dragun. Illum
l-immaġini ta’ kavallier riekeb żiemel qed jissielet mad-dragun iġġib dlonk
f’moħħ kulħadd il-figura ta’ San Ġorġ. Imma sewwasew id-dragun kif sab ruħu ma’
din ix-xbieha?
L-awtur tal-istorja tad-deheb
Dik li bil-Latin tissejjaħ Legenda aurea jew Legenda sanctorum, jiġifieri l-Istorja tad-deheb jew l-Istorja
tal-Qaddisin hija kitba medjevali magħmula minn ċertu isqof Dumnikan bl-isem
ta’ Ġakbu De Fazio magħruf aktar bħala Ġakbu ta’ Varazze, jew Varagine, l-isem
Latin ta’ belt twelidu. Dan il-kittieb
twieled ġewwa Varazze ġewwa l-Ligurja u wara li ħaddan l-Ordni tal-Predikaturi
laħaq Isqof ta’ Ġenova.
Dan l-awtur twieled fl-1228 fil-familja nobbli ta’ De Fazio u wara
l-edukazzjoni primarja tiegħu daħal mal-Ordni tal-Predikaturi fl-1244. Tajjeb
ngħidu li l-Ordni Dumnikan li ħaddan De Fazio kien relattivament fil-bidu
tiegħu. Ma ninsewx li dan kien approvat mill-Papa Onorju III fl-1216, inqas
minn 30 sena qabel. Il-fundatur tal-Ordni, San Duminku miet fl-1221, jiġifieri
ftit aktar minn 20 sena qabel ma Ġakbu ssieħeb
fil-ħajja reliġjuża. Huwa okkupa l-karigi ta’ pirjol f’xi kunventi fosthom dak
ta’ Bologna fejn hemm il-fdalijiet tal-fundatur tal-Ordni tal-Predikaturi
Duminku ta’ Gużman. Kien magħżul ukoll bħala Ġeneral tal-Ordni fl-1267.
Fis-sena 1292 dan il-patri kien imsejjaħ Ruma mill-Papa Nikola IV sabiex ikun
ikkonsagrat Isqof ta’ Ġenova. Ġakbu wasal Ruma fit-30 ta’ Marzu. Dakinhar kien
Ħadd il-Palm. Huwa sab lill-Papa marid sewwa, tant li dan miet nhar l-4 ta’
April, jum il-Ġimgħa l-Kbira. Il-Kardinali ma marrux kontra x-xewqa tal-Papa u
għalhekk Ġakbu kien ikkonsagrat Isqof nhar Ħadd il-Għid.
Ta’ min jgħid li mal-mewt ta’ dan il-Papa, il-Knisja daħlet fi kriżi, tant
li l-papa leġittimu li mexxa lill-Knisja warajh kien Ċelestinu V li kien elett
papa fil-5 ta’ Lulju tas-sena 1294 wara aktar minn sentejn bi Knisja bla mexxej
leġittimu. Dan il-papa warrab minn fuq it-tron ta’ Pietru wara 161 jum u reġa
mar jgħix fil-monasteru Benedittin li kien fih qabel.
Intant Ġakbu ta’ Varagine miet fl-1298 fil-belt ta’ Ġenova u fl-1816 kien
ibbeatifikat mill-Papa Piju VII.
Storja tad-deheb
Imma ejjew naraw ftit x’kienet din il-kitba li bdejna nsemmu fil-bidu.
Bħalma kien isir dejjem l-isem tal-kitba kien ikun twil ħafna. Fil-każ ta’ dan
il-manuskritt ma kienx hemm eċċezzjoni għax ismu sħiħ kien: Abbreviatio in gestis et miraculis sanctorum,
iżda aktar kien popolari l-isem qasir, Legenda
aurea u għal bosta oħrajn Legenda
sanctorum. Il-kitba inbdiet
għall-ħabta tas-sena 1260 u ntemmet mal-mewt ta’ dan l-isqof.
Xbieha ta’ San Ġorġ li dehret fil-Legenda aurea li kien stampat fis-sena 1382 |
Żgur li kienu saru’l fuq minn 800 kopja tal-manuskritt, ovvjament kollha
miktubin bl-idejn. Meta lejn nofs is-seklu XV kien ivvintat l-istampar dan
ix-xogħol dlonk ġie stampat mhux biss fil-lingwa oriġinarja tiegħu, il-Latin,
iżda f’bosta ilsna ewlenin tal-Ewropa. Bħala edizzjonijiet ta’ din il-kitba
jingħad li saru aktar milli kienu saru tal-Bibbja. Fl-Ingilterra William Caxton,
il-famuż stampatur u fundatur ta’ stamperiji kemm fi Bruges kif ukoll
f’Westiminister, fl-1483 stampa dan ix-xogħol bl-Ingliż għall-ewwel darba. Sa
madwar 40 sena wara din l-istess kitba inħarġet f’disa’ edizzjonijiet, dejjem
mill-istess stamperija ta’ Caxton.
Ħajjiet tal-qaddisin
Il-kontenut ta’ din il-ktiba twila ma hija xejn għajr stejjer ta’ ħajjiet
ta’ qaddisin li kienu magħrufin fi żmien l-awtur tagħhom De Fozio. Bħala
riferiment għal kitbietu huwa sab bosta manuskritti antiki fil-bibljoteki u fuq
l-ixkafef tal-arkivji tal-kunventi Dumnikani. Studjużi awtorevoli llum isostnu
li dan l-awtur għamel użu minn aktar minn 130 ktieb jew aħjar manuskritt biex
għaqqad din l-istorja tad-deheb. Il-fantasija u forsi wkoll l-immaġinazzjoni
għandhom mnejn ġieli grew b’Ġakbu ta’ Varazze. Biex nieħdu idea nistgħu nsemmi
l-istorja fejn San Silvestru kellu dehra minn San Pietru u dan urih kif kellu
jagħmel eżorċiżmu fuq dragun li kien daħal fil-belt ta’ Ruma u kien qed jiekol
madwar 300 bniedem kuljum. Simili għal dan il-fatt hija l-leġġenda ta’ San Ġorġ
u d-dragun. Jidher iżda li aktar huwa popolari l-qaddis Ġorġ fejn tidħol
il-bhima feroċi milli Silvestu.
L-istorja fiha wkoll għadd ta’ rakkonti ta’ mirakli u stejjer ta’ relikwi
ta’ qaddisin. Interessanti wkoll li f’din il-kitba nsibu wkoll imsemmi l-Profeta Mawmettu fil-kapitlu li jitkellem
dwar San Pelagju Papa.
Dan kien il-bidu tad-dragun ma’ San Ġorġ, ħaġa li ħafna ma jifhmuhiex u
forsi anke jitħawdu meta jsibu ruħhom quddiemha bla ma jkunu jistgħu jaslu għal
tweġiba meta jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom minn fejn ġie d-dragun ma’ San
Ġorġ. Il-problema hija li anke fid-dinja Ortodossa, dan il-qaddis ukoll jidher
bid-dragun. Ħafna jemmnu li kollox beda mill-kitba ta’ dan il-patri Dumnikan.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Ġorġ Martri Ħal Qormi 2019, maħruġ mill-Kumitat Festi Esterni
Nessun commento:
Posta un commento