venerdì 21 giugno 2019

Min jgħid wisq


L-ilsien tagħna l-Maltin huwa għani fejn jidħlu qwiel. Hija tabilħaqq ħasra li bosta minn dan il-għerf li għaddewlna n-nanniet tagħna llum aħna m’aħniex ngħadduh lil uliedna u lill-ulied uliedna. Nemmen li bosta tfal illum ma jafu xejn mill-qwiel u l-idjomi li bihom hu mżejjen l-ilsien ta’ din id-daqxejn ta’ ġżira f’nofs il-Mediterran. Ma għandnix għalfejn nistgħaġeb jekk ma jafux il-qwiel u l-idjoni, wara kollox hawn minnhom li lanqas il-Malti stess ma jafu aħseb u ara l-għadd sabiħ ta’ qwiel li fih!

Wieħed mill-qwiel li dejjem laqatni huwa dak li jgħid li “Min jgħid wisq ftit fih riżq”.

Min jgħid wisq
Il-kliem huwa l-mezz li bih aħna l-bnedmin nikkomunikaw flimkien, bil-kliem infissru dak li jkollna f’moħħna u f’qalbna, bil-kliem infissru l-qagħda tagħna, infissru l-emozzjonijiet tagħna kif ukoll nistgħu nuru r-rabja li jkollna ġewwa fina. Il-kliem huwa għodda importanti għall-bniedem għax mingħajru l-komunikazzjoni u allura anke l-ħajja flimkien, issir wisq u wisq diffiċli. Il-problema mhux il-kliem li ngħidu imma l-kliem żejjed.

Ir-riżq
Bħala poplu tal-Mediterran aħna wkoll xi ftit jew wisq superstizzjużi. Ir-riżq jew ix-xorti nemmnu biha daqs kemm nemmnu b’Alla. Iva aħna jkollna nammettu li aħna superstizzjużi, nemmnu li hemm xorti tajba u hemm xorti ħażina. Mhux għax nemmnu ħażin għax l-esperjenza turina li hemm min kull ma jmiss isirlu deheb u hemm min kull ma jagħmel jiswielu suf, kif jgħid qawl Malti ieħor. Ir-riżq ifisser prosperità, ifisser ġejjieni tajjeb, ifisser ġid. Mela l-qawl li qed nitkellmu dwaru llum ifisser li l-kliem żejjed ma jagħmilx  ġid. Issa la bdejna bil-qwiel Maltin jaqbel inkomplu. Ġieli smajt min jgħid il-qawl li l-paroli żejjed lanqas għall-avukati mhu tajjeb. Issa l-avukat huwa l-imgħallem fid-diskors u l-kliem, imma lìkliem iż-żejjed aktar jagħmel ħsara milli ġid.

Bla bla bla
Kemm nisimgħu kliem żejjed kutant? Bdejna żmien il-festi tal-bliet u l-irħula tagħna. Dawn huma arena fejn il-kliem fil-vojt jibrilla. Kemm tgħajjir lil dawk ta’ kontra? Kemm kliem bombastiku biex imbagħad meta tagħsar kollox ma ssib xejn? Kemm insulti lil dawk li ma jaqblux magħna? Imma possibbli biex nifirħu rridu mmaqdru jew ninsulentaw lil ħaddieħor? Bla bla bla bla, kliem fil-vojt li ħafna drabi joħroġ minn fomm xi persuna li ma tkunx daħħlet seba’ wieħed fl-ilma mbierek għall-festa, imma dak li ma tagħmilx b’idejha tipprova tagħmlu b’ilsiena u jaħasra aktar tagħmel ħsara milli ġid. L-esperjeza għallmitni li dan il-kliem fil-vojt aktar issibu fejn ma hemm xejn għax min ikollu biex jehda ma jagħtix każ ħaddieħor.

Wegħdi
U la qed nitkellmu dwar dawk li jgħidu wisq, ma nistgħux inħallu barra l-politiċi. Dan huwa x-xogħol tagħhom, li jitkellmu u jwegħdu u jlabalbu biex jiġbdu s-simaptija tal-votanti. Ma hemmx naħa u oħra, ma hemmx aħmar, blu, oranġo jew ħadar jew kannella jew abjad jew iswed, il-bnedmin huma kollha xorta. Biss hawn tajjeb wieħed joqgħod attent li ma jwiegħedx dak li ma jkunx jista’ jwettaq għax ’il quddiem kif jgħid il-Malti, joħroġ ta’ ħmar! Tabilħaqq li l-politikant irid ikun professur fl-arti tal-wegħdi u l-kliem sabiħ, imma ma jridx jgħid wisq għax jiddispjaċih meta tasal is-siegħa biex iwettaq dak li jkun wiegħed u ma jkunx jista’ jżomm kelmtu. Mela aħjar kelma inqas milli iżjed.

Kullimkien
Issib dawk il-persuni li donnhom jifhmu f;kollox, donnhom kollox jafu u titkellem dwar xiex titkellem dejjem jaqbżu biex imeruk u jpoġġu l-argument tagħhom fuq tiegħek. Dawn it-talin issibhom kullimkien, fuq il-post tax-xogħol, għand tal-merċa, l-iskola, fil-każini u mill-esperjenza tiegħi ngħid ukoll li nsibuhom fil-Knisja fost il-qassisin u l-patrijet ukoll. Bniedem li jparla u jwiegħed u jaħseb li jista’ jdawwar id-dinja fuq idejh, jissuġġerixxi elf metodu imma jitfa’ l-piż fuq spallejn ħaddieħor. Iva nies bħal dawn insibuhom ma’ saqajna kullimkien. Nies li tabilħaqq jgħodd għalihom dawn il-qawl għax minn fommhom joħroġ kliem kemm trid imma meta tiġi għas-Si u n-No lanqas tarahom b’nemes. Bla bla bla u xejn aktar, duħħan kliemhom li jtir mar-riħ. Imma mbagħad tiskanta kif nies bħal dawn ikunu kapaċi jippromovu lilhom infusushom u jaslu fejn iridu minkejja li qajla jkunu kapaċi. Sewwa jgħid il-Malti li min għandu wiċċu għandu żewġu, għax bil-kliem jaslu imma fil-fatti ma jaslux, imma xorta waħda jkun waslu! Jekk taħseb ftit żgur li taqbel miegħi għax dawn il-każijiet ma humiex xi ħaġa rari!

Min jgħid wisq, ftit fih riżq, sewwa jgħidu. Mela tajjeb inżommu lura mill-paroli. Ma ninsewx xi jgħidu: il-bniedem għadnu żewġ widnejn imma ħalq wieħed biss għandu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Ġunju 2019


Nessun commento:

Posta un commento