domenica 23 giugno 2019

Lidda fil-kotba mqaddsa


Il-qaddis patrun tagħna, Ġorġ Anici kien mill-Kappadoċja, post li llum jinsab fi-Turkija iżda minħabba n-natura ta’ xogħlu huwa kien ħalla dan il-pajjiż. Nafu li huwa kien midfun f’qabar ġewwa belt li kienet tissejjaħ Lidda jew Lod, f’Israel. Xieraq inkunu nafu xi ħaġa dwar dan il-post li laqa’ l-fdalijiet ta’ San Ġorġ speċjalment meta jissemma fil-Bibbja. 

Il-qabar ta' San Ġorġ
Din il-belt tinsab madwar 15-il kilometru bogħod minn Tel Aviv u llum fiha madwar 75,000 abitant. Meta fl-1948 kien hemm il-gwerra bejn l-istat ġdid ta’ Israel u l-Għarab, din il-belt rat taqlib kbir. Bosta Palestinjani kellhom iħallu djarhom. Bosta Lhud li kienu jgħixu f’pajjiżi għarab kienu ħadu post dawn il-Palestinjani madanakollu xorta kien fadal madwar elf Għarbi f’dik il-belt.

L-istorja ta’ Lidda hija antilka ħafna. Hija belt li tissemma anke fil-Bibbja. Fl-ewwel ktieb tal-Kronaki nsibu miktub hekk: “Ulied Elfagħal kienu: Għeber, Misgħam, Semed, li bena Onu u Lod bl-irħula tagħha, u Berigħa u Sema.”  [1Kron:8:12-13] Mela minn din is-silta nintebħu li kien Semed li waqqaf raħal bl-isem ta’ Lod kif ukoll ieħor bl-isem ta’ Onu. Illum dan ir-raħal sar belt kbira u għadu jżomm l-isem li kellu sa mill-bidu.  Hawn jista’ jkun li jkun hawn min jistaqsi għalfejn aħna nsejħulha Lidda l-belt fejn kien midfun San Ġorġ meta llum kulħadd isejħilha Lod. Tajjeb nifhmu li kull ilsien jista’ jibdel isem ta’ xi pajjiż. Pereżempju aħna l-Maltin insejħu l-belt kapitali Taljana Ruma u mhux Roma bħalma jsejħulha t-Taljani. L-istess Londra, ma ngħidux London bħall-Ingliżi imma mbagħad ngħidu Madrid bħall-Ispanjoli għall-kapitali ta’ Spanja. L-istess ħaġa tmur għall-isem ta’ Lod jew Lidda. Lidda huwa l-isem Latin tal-belt ta’ Lod. Billi din l-art kienet tagħmel parti mill-Imperu Ruman, l-isem ġie Latinizzat u min Lod sar Lydda, (li fil-verità ħaduh mill-Grieg) li bil-Malti niktbuh Lidda.

Lod jerġa’ jissemma’ fil-Bibbja fil-Ktieb ta’ Esdra. Wara l-eżilju fil-Babilonja, il-Lhud reġgħu lura lejn arthom u f’dan il-ktieb insibu bħal ċensiment ta’ kemm nies reġgħu lura lejn Israel wara li nħelsu mill-jasar. F’dan il-ktieb insibu hekk: “ulied Lod, Ħadid u Onu, seba' mija u ħamsa u għoxrin.”  [Esd:2:33] Hawn nerġgħu insibu isem Onu ma’ Lod kif ukoll isem raħal ieħor: Ħadid. Dan l-istess ċensiment jerġa’ jkun preżentat fil-Ktieb tal-Profeta Neħemija iżda n-numru ta’ dawk li reġgħu lura mill-Babilonja jvarja b’erba’ persuni. Hekk insibu mniżżel f’dan il-ktieb: “In-nies ta' Lod, Ħadid, u Onu, seba' mija u wieħed u għoxrin.” [Neħ:7:37] F’dan l-istess ktieb nerġgħu nsibu isem dan ir-raħal. Issa jissemma biex juri fejn kienu jgħixu wlied Benjamin: “Ulied Benjamin kienu jgħammru minn Geba 'l hemm, f'Mikmas, Għaj, Betel u l-irħula tagħha, Għanatot, Nob, Għananija, Ħażor, Rama, Gittajm, Ħadid, Sebogħim, Neballat, Lod, Onu, Geħaħarasim. [Neħ:11:31-35] Hawn nerġgħu niltaqgħu mal-irħula l-oħra ta’ Onu u Ħadid flimkiem ma’ għadd ta’ rħula oħrajn.

Lod illum
Fit-Testment il-Ġdid, sewwasew fl-Atti tal-Appostli nsibu mill-ġdid isem din il-belt. Naraw lil San Pietru jxandar lil Kristu. Hawnhekk insibu wkoll rakkont ta’ miraklu li wettaq dan il-qaddis. “Ġara li Pietru, huwa u jdur dawk l-inħawi kollha, niżel wkoll għand il-qaddisin li kienu joqogħdu Lidda.  Hemmhekk sab raġel mifluġ, jismu Enea, li kien ilu tmien snin mixħut  fis-sodda. Pietru qallu: "Enea, Ġesù Kristu jfejjqek; qum u ifrex is-sodda inti stess." U dak minnufih qam. In-nies kollha li kienu joqogħdu f'Lidda u f'Saron rawh, u daru lejn il-Mulej. [ Atti:9:32-35]

Tajjeb li qabel intemmu naraw ftit il-qedem ta’ din il-belt. Minn skavi li saru, nistgħu nikkonkludi li dawn l-inħawi kienu ilhom abitati sa minn aktar minn 5000 sena qabel Kristu. Billi semmejna l-kotba tal-Antik Testmenet xieraq ngħidu meta nktibu.  Ir-ritorn tal-Lhud mill-eżilju ta’ Babel sar fis-sena 539 qabel Kristu. Għalhekk nikkonkludu li dan il-ktieb kif ukoll dak ta’ Neħemija inkitbu wara dan ir-ritorn. L-Atti tal-Appostli li wkoll isemmu li din il-Belt inkitbu għall-ħabta tas-sena 80 wara Kristu. Minn dan naraw kemm il-belt li ħadnet il-fdalijiet ta’ San Ġorġ hija antika u b’dana kollu għadha wieqfa sal-lum.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa maħruġ mill-Għaqda tan-Nar 23 ta' April - San Ġorġ Ħal Qormi - Festa 2019


Nessun commento:

Posta un commento