mercoledì 3 luglio 2019

Notre Dame


Nhar il-15 ta’ April li għadda id-dinja donnha tbikkmet, bħal waqfet tħares lejn ikona internazzjonali li kienet qegħda tinħaraq. Qed ngħid għall-katidral iddedikat lill-Madonna ġewwa Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza. Personalment inħoss li d-dinja ħasset l-istess sentiment li kienet ġarrbet fil-11 ta’ Settembru tas-sena 2002 meta saru attakki terroristiċi fuq il-World Trade Centre fi New York. Fl-2002 id-dinja daħlet f’era ġdida. Il-11 ta’ Settembru ta’ dik is-sena għad ikun immarkat bħala bidu ta’ żmien ġdid fl-istorja tal-bniedem. Għaddew kważi 17-il sena minn dik il-ġrajja. Tul dawn is-snin id-dinja nbidlet għal kollox. Ma rridx ninftiehem li n-nar li ħakem il-katidral Pariġin kien attentat terroristiku bħal dak tat-Twin Towers imma rrid nirreferi għas-sentiment li l-bniedem iħoss quddiem il-qerda ta’ xi monument jew binja li tkun saret ikona, saret xi ħaġa għażiża u marbuta mal-essere uman. Min kien imur New York u ma jittawwalx lit-torrijiet? U min kien imur Pariġi u ma jmurx jara ftit il-katidral maestuż ta’ din il-belt?

Naqra storja 
Notre Dame ta' Pariġi qabel il-15 ta' April 2019
Il-katidral tal-belt kapitali Franċiża jissejjaħ il-Katidral ta’ Notre Dame jew sempliċiment Notre Dame li tfisser “Is-Sinjura tagħna”, kif isejħu lill-Madonna l-Franċiżi. Dan il-katidral minn dejjem kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa xogħolijiet tal-bini Gotiku Franċiż u huwa fost l-akbar knejjes fid-dinja kif ukoll fost l-aktar magħrufin.

Fis-sena 1160 il-katidral ta’ Pariġi sar il-knisja parrokkjali tal-familji rjali tal-Ewropa. L-isqof ħass li l-bini tal-katidral ma kienx denju għal dan it-titlu prestiġġjuż u għalhekk ħaseb li jwaqqgħu u jibni wieħed isbaħ u akbar. Il-bini tal-katidral ta’ Notre Dame beda fl-1163 fi żmien ir-renju ta’ Luwiġi VII. Minkejja li l-artal maġġur kien ikkonsagrat fl-1182, il-knisja kien fadlilha bosta xogħol xi jsir fiha, xogħol li baqa’ sejjer sa madwar is-sena 1240.

F’dan il-katidral saru bosta ċelebrazzjonijiet importanti fosthom l-inkurunazzjoni illeġittima tar-Re Enriku VI tal- Ingliterra kif ukoll l-inkurunazzjoni ta’ Napuljun Bonaparte bħala Imperatur tal-Franċiżi. Fih sar ukoll il-proċess ta’ Santa Ġovanna d’ Arco. Fih saru wkoll il-funerali ta’ bosta personaġġi famużi.
Fl-1548 għadd ta’ Protestanti Franċiżi daħlu fil-katidral u għamlu bosta ħsarat fl-opri tal-arti għax għalihom dawn kienu meqjusin bħala idolatrija. Matul it-tmexxija ta’ Luwiġi XIV u Luwiġi XV il-katridral sarulu għadd ta’ tibdiliet bil-għan li jiġi modernizzat bħal bosta katidrali Ewropej oħrajn. Fl-1793, żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża dan il-katidral ittieħed mir-Revoluzzjonarji u beda jservi bħala tempju għall-qima tar-raġuni. F’dak iż-żmien bosta opri li kien fih tkissru jew insterqu. Fuq l-artali minflok il-Madonna bdiet tidher ix-xbieha tas-Sinjura Libertà –kunċett li kienu jxerrdu r-Revoluzzjonarji Franċiżi. Wara dan kollu l-knisja ntużat bħala maħżen għall-ikel.

Fl-1845 inbeda r-restawr tal-katidral li kien reġa’ għadda f’idejn il-Knisja Kattolika. Dan ir-restawr ħa 25 sena minħabba l-ħsara kbira li kienet saret fih. Matul it-tieni gwerra dinjija dan il-katidral sofra ħafna ħsarat. Ħafna mit-twieqi li kellhom stained glass tkissru. Wara l-gwerra dawn reġgħu saru imma ma baqgħux juru xeni mill-Bibbja bħalma kienu qabel imma sempliċiment disinji kkuluriti.
Il-Papa San Ġwanni Pawlu II żar dan il-katidral fit-30 ta’ Mejju 1980 filwaqt li l-Papa Benedettu XVI żaru fit-12 ta’ Settembru tas-sena 2012.

Noqgħodu attenti
Notre Dame taħt in-nar
Il-ħruq li seħħ fil-katidral ta’ Pariġi għandu jiftaħ għajnejn id-dinja. Qegħdin attenti għal xi att terroistiku imma issa nistgħu nindunaw li opra tal-arti tista’ tinqered anke minħabba nuqqas ta’ attenzjoni jew prekawzjoni. Meta jkun qed isir xi restawr bosta drabi jintużaw kimiċi li jekk wieħed jaljena naqra rasu jistgħu jitħalltu flimkien u joħolqu reazzjoni kimika li ġġib aktar ħsara milli ġid. Għalhekk fejn ikun hemm dawn il-kimiċi għandu jkun hemm apparat adegwat għal kull emerġenza li tista’ tinħoloq. Inutli nibku wara li tkun saret il-froġa. Forsi l-katidral ta’ Pariġi jerġa’ jitla’ kif kien imma mhux kull opra tal-arti tista’ tieħu post oħra li tkun inqerdet. Illum qegħdin nisimgħu b’ħafna restawri anke f’pajjiżna. Tajjeb li dak li seħħ fi Franza jpoġġina konxji ta’ x’jista’ jiġri anke f’Malta. Pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, jista’ jiftaħar li huwa d-dar ta’ xi opri tal-arti mill-aqwa, xogħol ta’ artisti ta’ fama dinjija. Ejjew ma nipperikolawx dan il-patrimonju. Ftit ħsieb kull ma wieħed ikun irid biex ikun b’moħħu mistrieħ. Ftit nuqqas ta’ ħsieb jista’ jissarraf f’diżgrazzja.

Mill-ġdid f’Pariġi
Wara l-ħsara li ġarrab dan il-katidral, aktar kmieni din is-sena, kien hemm min issuġġerixxa li jerġa’ jinbena imma fuq stil differenti. Personalment ma qbiltx li jsir dan. Aktar tard ħarġet il-konferma li Notre Dame sejjer jerġa’ jingħata d-dinjità tiegħu sewwasew kif kien qabel inħakem min-nar. Hekk naħseb li hu xieraq.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Ín-Nazzjon -  29 ta' Ġunju 2019





Nessun commento:

Posta un commento