venerdì 12 luglio 2019

Għalfejn Lourdes?

Matul ix-xhur tas-sajf bosta minna jfittxu li jgħaddu xi jiem ta’ mistrieħ il bogħod minn xtutna. Illum il-Maltin saru jmorru kullimkien, f’kull parti tad-dinja issib li mar xi wieħed minna, imma hemm post partikolari li donnu huwa marbut wisq ma’ qalb il-Malti. Dan huwa Lourdes fi Franza. Issib min mar f’dan il-post bosta drabi, anke aktar minn għoxrin darba u jgħidlek li jerġa’ jmur kull meta tiġih l-okkażjoni. Imma x’hemm f’dan il-post li jiġbed tant Maltin lejh? Għalfejn Lourdes u mhux post ieħor?



Il-post
Lourdes -  Is-Santwarju
Mhux l-iskop tiegħi li nirrakkonta l-istorja tad-dehriet li kellha Santa Bernardetta Suobirus fl-1858 għaliex nemmen li dawn kulħadd jafhom u jkun ħela ta’ ħin kieku kelli noqgħod nirrakkonta dak li nafu sewwa. Imma rrid nikkummenta xi ħaġa dwar il-post li hu tant popolari magħna. Min mar jifhimni mill-ewwel u għal dawk li qatt ma żaru l-post ser nipprova npinġilkom xena ta’ dan il-post. In-naħa tax-xmara Gave, li tgħaddi eżatt minn quddiem l-għar tad-dehriet donnha fruntiera li tifred żewġ dinjiet. Fuq naħa hemm art kważi vojta, ftit li xejn bini għajr bini li għandu rabta mas-santwarju filwaqt li n-naħa l-oħra hekk kif toħroġ mill-kanċelli li jaqtgħu lis-santwarju mill-belt issib kull xorta ta’ ħwienet, kull xorta ta’ negozji; dinja għal kollox differenti mix-xatt l-ieħor tax-xmara.

Forsi hija din id-diveristà li tiġbed daqstant nies lejn Lourdes. Hemmhekk wieħed jista’ jsib il-kwiet, kemm mentali kif ukoll spiritwali kif ukoll jista’ jgawdi l-ħajja ta’ belt mimlija ħajja u kummerċ.

Il-lukandi li normalment joqgħodu fihom il-Maltin huma kollha qrib is-santwarju u għalhekk dak li jkun ma jkollux problemi jekk ikun jixtieq imur fil-grotta ta’ Massabielle anke kmieni filgħodu jew tard filgħaxija għax fi ftit minuti jkun jista’ jasal. Dan huwa vantaġġ. Mill-banda l-oħra min ikun irid joħroġ jiekol – għalkemm ġeneralment il-prezz tal-lukandi jkun jinkludi l-ikel kollu, jew jixrob jew jieħu xi ġelat, isib kollox tefgħa ta’ ġebla bogħod minn fejn ikun alloġġjat.

La qed insemmu l-ħwienet!
Triq kollha ħwienet f'Lourdes
Aħna l-Maltin ladarba nsiefru irridu nitgħabbew b’xi xirja li nagħmlu. U hawn min jitgħabba sewwa u mbagħad problema meta jasal l-ajruport għax isib li jkun qabeż sewwa l-piż li jkun sabilit li jista’ jtella’ fuq l-ajruplan. Jekk il-Maltin iħobbu jixtru, Lourdes għandhom isibu post u ħin biex jeżerċitaw dan il-passatemp tagħhom. Forsi naħsbu li Lourdes issib tixtri biss statwi tal-Madonna jew kuruni tar-Rużarju u ħwejjeġ reliġjużi biss. Xi żball għandu min jaħseb hekk! Tassew li dawn il-ħwejjeġ issibhom, anzi issib aktar milli timmaġina, imma ssib ukoll dak kollu li ssib tixtri f’kull post turistiku ieħor.

Ħuma bosta dawk li jixtru fliexken tal-plastik forma ta’ Madonna u mbagħad jimlewhom bl-ilma ta’ Lourdes u jagħtuhom lil sħabhom meta jiġu lura Malta. Imma f’ġieħ kemm hemm, kemm se żżomm fliexken bl-ilma tal Lourdes? Kull min imur hemm iġiblek wieħed minnhom! Napprezza l-ħsieb, imma ma għandniex neseġeraw.

Fil-qrib
Pont d'Espagne
Min imur Lourdes jista’ wkoll igawdi xi postijiet li hemm qrib. Bosta, biex ma ngħidx li kull grupp li jmur hemmhekk, iżuru Pont d’Espagne. Ħalli ngħiduha kif inhi, mhux ta’ min jitlifha żjara sa dan il-post mimli kaskati ta’ ilma li jinżel b’qawwa tal-għaġeb. Ngħid għalija kull meta mort Lourdes dejjem mort f’dan il-post, kemm sempliċiment nimxi mixja u nieħu kafè mill-bar waħdieni li hemm. Ħarġa oħra hi għal Gavanie. Fit-triq dak li jkun jista’ ieqaf fuq il-pont imsejjaħ ta’ Napuljun. Dan huwa pont għoli aktar minn sittin metru li jaqsam ix-xmara Gave, dik l-istess xmara li tgħaddi minn ħdejn l-għar ta’ Lourdes. Gavarnie hu raħal ċkejken li joffri ftit ħin ta’ mistrieħ li min iżuru. Tista’ tmur tippassiġġa fit-triq waħdanija li hemm, mimlija ħwienet li bosta minnhom ibiegħu affarijiet artiġjanali jew tmur rikba fuq żiemel. Jekk la tħobb tixtru u lanqas tirkeb iż-żwiemel, allura mur ħu kafè jew birra. Post ieħor li min ikun Lourdes tajjeb iżur huwa Artouste. Hawn, wara li dak li jkun jitla’ bil-cable car, isib ferrovija ċkejkna li tieħdu dawra fuq il-muntanji. Hawn wieħed jista’ jgawdi xeni mill-isbaħ li hawn Malta lanqas qatt ħlomna bihom. Mhux bilfors; mela Malta għandna l-muntanji?

Lourdes; il-post tant imfittex minn bosta Maltin, Lourdes il-post li bosta jgħidulek li jmorru kemm imorru fih ma jiddejqu qatt. Lourdes il-post fejn tista’ tieħu vaganza, li biex ngħidu kollox mhix wisq għolja, u ssib kemm xi ħaġa spiritwali kif ukoll dak kollu materjali li joffru bliet turistiċi oħrajn. Naħseb dan hu s-sigriet li jiġbed tant eluf ta’ Maltin ta’ kull sen  lejn dan il-post. Għalhekk Lourdes.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Lulju 2019


Nessun commento:

Posta un commento