venerdì 26 luglio 2019

Inti djamant


Min minna qatt ma sema’ jew kanta d-diska tal-grupp famuż Għawdxi The Tramps, Inti djamant? Diska li titratta l-ġżira ta’ Għawdex u s-sbuħija tagħha. Tant hi popolari din id-diska li anke Michela li rrappreżentat lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest kantatha waqt il-provi. Nazzarda ngħid li l-kliem ta’ din id-diska il-Maltin jafuh aktar mill-kliem tal-Innu Nazzjonali!

Calypso
Għawdex huwa wkoll imlaqqam bħala l-Gżira ta’ Kalipsu. L-oriġini ta’ dan l-isem imur lura fil-mitoloġija Griega u nsibu dan kollu fil-kitba tal-Odissea ta’ Omeru. Skont Omeru Kalipsu żammet lil Oddissej għal seba’ snin sħaħ f’għar fuq ir-Ramla l-Ħamra bħala priġunier tal-imħabba. Omeru jsejjaħ lil din il-gżira bħala Oġiġa. Din hija mitoloġija antika u mhux storja, imma xorta waħda rabtet lill-Għawdex mal-kumplament tad-dinja. Ma ninsewx li fi żmien Omeru, li għex aktar minn mitejn sena qabel Kristu, il-Greċja kienet fl-aqwa tagħha fejn jidħlu arti, letteratura, filosofija u armata. Kienet biex ngħidu hekk l-Amerika tal-lum. U Għawdex jissemma fil-ktiba ta’ dan il-kittieb kbir u magħruf.

Dan l-isem għadu biex ngħidu hekk imwaħħal magħna għax għat-Taljani il-gżejjer Maltin sa madwar mitt sena ili jew xi ftit aktar kienu magħrufin bħala le Isole Calipsee, il-gżejjer ta’ Kalipsu.
Dan il-ħsieb iffakkarni fi professur li kien jgħallimni t-teoloġija. Kien professur Taljan magħruf ħafna. Kien dejjem jgħidli li jixtieq iżur Malta biex imur fil-gżira ta’ Kalispu għax dik issemmiha Omeru. Stedintu kemm-il darba imma dejjem qalli li jibża’ jitla’ fuq ajruplan! Dan il-biża’ dejjem ċaħħad lil dan il-professur tant intelliġenti milli jżur dak li dejjem xtaq iżur. U hawn jiġi f’moħħi kliem Santu Wistin; id-dinja hija ktieb, dawk li ma jivvjaġġawx jaqraw biss folja waħda minnu.

Vaganza fil-qrib
Għalina l-Maltin hija ħaġa faċli biex naqbdu l-karozza u morru jumejn Għawdex. Imma llum ħafna qed jaħsbuha darbtejn qabel jieħdu din il-vaganza fil-qrib. Illum kulħadd bl-arja kkondizzjonata id-dar, fl-uffiċċju, fil-karozza, fis-supermarket u kullimkien. Meta mmorru vaganza nistennew li nsibu post fejn inkunu paxxuti. Issa jekk immur Għawdex u nikri post fejn se mmut bis-sħana, allura naħsibha darbtejn għax ikun jaqbilli nibqa’ d-dar. Il-kumdità tabilħaqq trid tħallas għaliha, imma tajjeb li dak li jinvesti fi flats jew djar biex jinkrew, jaħseb sewwa għal dan l-apparat li llum ma għadux lussu imma sar bżonn, sar parti mill-ħajja tagħna. Naf li hemm ħafna li diġà investew f’apparat ta’ arja kkondizzjonata fil-flats jew djar li jikri, u hekk għadnu jkun.

Mina jew pont
Kemm ilna nisimgħu diskors dwar jekk hux ser isir pont jew jekk hijiex sejra tinbena jew titħaffer mina bejn iż-żewġ gżejjer! Issa wara tant snin ta’ argumenti, qbil jew nuqqas ta’ ftehim, sirna nafu li se ssir mina. Għadna ma nafux jekk din hix sejra titħaffer taħt qiegħ il-baħar jew jekk hijiex sejra tinbena fil-qiegħ tal-baħar. Hu x’inhu sa issa nafu li se ssir mina xi darba. Ngħid għalija nippreferi mina milli pont.
Bil-mina li tgħaqqad iż-żewġ ġżejjer ewlenin tal- arċipielgu Malti nkunu nistgħu ngħidu li ma baqgħux żewġ ġżejjer imma saru magħqudin. Il-biża’ ta’ bosta Maltin huwa li Għawdex jitlef il-karattru tiegħu. Diġà tilef ħafna minn dak li kellu, bit-tagħqid tiegħu ma’ Malta jitlef dak li fadallu. Allura ħafna drabi nispiċċaw ngħidu li aħjar ma ssir xejn il-mina. Imma meta taħseb dwar dawk l-Għawdxin li ta’ kuljum, xemx u xita, sħana jew kesħa, iridu jsebbħu kmieni biex jaqsmu dax-xiber baħar li jifred lil dawn iż-żewġ  gżejjer, bla ma trid tgħid “Iġri ssir il-mina”.

Biss nemmen li hemm soluzzjoni biex Għawdex ma jintilifx għal kollox wara l-ftuħ tal-mina. Nissuġġerixxi li l-Malti li juża l-mina jkollu noll bil-wisq ogħla min-noll li jitħallas fuq il-vapuri. Dan ma jkunx jgħodd għall-Għawdxi li jkollu jaqsam lejn Malta kuljum. Anzi, l-idea tiegħi hi li dak l-Għawdxi li jkollu jiġi Malta kuljum, ikollu pass biex ikun jista’ juża l-mina b’xejn ladarba jkun qed jaqsam lejn Malta biex imur għax-xogħol.

Paċi
Ħafna minna mmorru sa Għawdex biex insibu ftit kwiet u serħan il-moħħ, biex insibu ftit paċi li tant aħna neqsin minnha aħna li ngħixu fl-ibliet Maltin. Tiskanata kif Għawdex baqa’ daqstant differenti. Fih għadek issib dak li f’Malta illum intilef. Il-qniepen tal-knejjes sbieħ li jdoqqu u jinstemgħu fil-kampanja Għawxija hija ħaġa waħda biss li f’Malta minħabba l-istorbju lanqas għadna nisimgħuhom jew nintebħu i qed idoqqu. X’ma jiktibx mużika sabiħa Albert Ketelbey meta jkun Għawdex u jsemmiha “Bells across the Meadows”. Fejn se ssib fit paċi bħalma ssib Għawdex? Mhux ta’ b’xejn il-mibki Dominic Grech tat-Tramps isejjaħlu Djamant!

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Lulju 2019

Nessun commento:

Posta un commento