Leonardo da Vinci |
Fil-faxxa taż-żmien li tinfirex bejn wieħed u ieħor mill-14 sas-17-il seklu
u li tgħaqqad il-Medju Evu mal-età Moderna insibu r-Rinaxximent, żmien li ta
lid-dinja bosta u bosta nies kbar f’kull qasam tal-ħajja. Wieħed minn dawn huwa
Leonardo da Vinci, li nazzarda nsejjaħlu ġenju għax kien kbir f’bosta oqsma
bħalma huma l-arti u x-xjenza.
Minn kien
Leonardo di ser Piero da Vinci twieled minn relazzjoni illeġittima bejn Piero da Vinci, nutar li meta twieled
Leonardo kellu 25 sena u Katarina Buti del Vacca, mara ta’ klassi soċjali mhux
għolja bħal ta’ Piero. Hemm min isostni li din il-mara kienet skjava li nġiebet
mil-Lvant Nofsani. It-twelid ta’ din
it-tarbija nsibuha mniżżla fi ktieb li kien iżomm in-notamenti u t-tifkiriet tal-familja
n-Nutar Antonio da Vinci li kien missier Piero. Hawn insibu miktub li s-Sibt 15
ta’ April, twieled l-ewwel neputi tiegħu fit-3 ta’ billejl, In-nannu ta’
Leonardo jsemmi wkoll il-magħmudija ta’ dan iċ-ċkejken neputi u jsemmi dawk li
attendew għaliha ġewwa l-knisja tas-Salib Imqaddes fir-raħal ta’ Vinċi. Kienet
is-sena 1452. It-tifel twieled ġewwa r-raħal ta’ Anchiano, fil-comune ta’ Vinci
fit-Toskana, illum l-Italja Ċentrali.
Leonardo minn ċkunitu wera li kien iħobb id-disinn u l-pittura u għalhekk
missieru, li kien sar nutar tal-Familja Signoria f’Firenze, daħħal lill-ibnu fil-ħanut tax-xogħol ta’
Andrea Del Verrocchio ġewwa Firenze li f’dawk is-snin kien qiegħed irawwem
bosta artisti żgħażagħ. Il-ħila ta’ dan iż-żgħażugħ ma damitx wisq ma laqtet
lill-imgħallem u dan ħeġġu biex qatt ma jħares lura. Leonardo fil-fatt sar
magħruf aktar mill-imgħallem tiegħu.
Milan u Franza
L-aħħar ċena |
Leonardo għadda wkoll xi snin fi Franza, għalkemm tajjeb insemmu li huwa
ħadem ukoll f’Venezja, Ruma, Mantova u Firenze. Imma Franza dejjem kienet art
li taffaxxina lill-artist. Is-snin li għadda fi Franza kienu tabilħaqq ta’
serħan għalih. Huwa għex fil-belt ta’ Amboise. Fi Franza insibu kapolavur ta’
dan il-ġenju, il-Mona Lisa għalkemm din tpittret il bogħod minn Pariġi fejn
tinstab illum.
Xjenzjat
Leonrado kien ukoll jinteressa ruħu fix-xjenza l-aktar fejn jidħol il-ġisem
tal-bniedem u kif jaħdem. Huwa ħażżeż il-famus bniedem vetruvjan, fejn
id-disinn juri l-ġisem uman f’forma geometrika. Ħalla wkoll disinji tal-għadam
tal-bniedem u kien dejjem jipprova jifhem kif jiġi ġġenerat bniedem. Insomma kien
ġenju dal-bniedem. Ħażżeż ukoll bosta
disini ta’ makkinarju għall-gwerra kif ukoll itteorizza l-ewwel helicopter. Huwa
wkoll xi drabi jitqies bħala missier il-paleontoloġija. Din hija x-xjenza jew
aħjar fergħa tax-xjenza naturali li tistudja ħlejjaq li kienu jgħixu
fl-imgħoddi. Da Vinci kien jistudja l-fossili ta’ għadam ta’ annimali tal-art
jew tal-baħar li kienu jinstabu fil-blat. Dan il-ġenju ħallaw wkoll xi pjanti
ta’ bini fosthom knejjes u fortizzi.
Leonardo kellu żvanaġġ. Huwa ma kienx jaf jitkellem bil-Latin, kien
jitkellem bit-Toskan u għalhekk din il-ħaġa kienet taqtgħu xi ftit
mill-kumplament tad-dinja elitista, iżda x-xogħol li wettaq xejn ma jnaqqaslu
mid-dinjità tiegħu billi kien jitkellem vulgari. Vulgari ma jfissirx li kien
jitkellem baxx imma li kien jitkellem bħan-nies komuni. Fatt ieħor ta’ dan l-artist huwa li kien
jikteb u allura anke jpitter b’idu ix-xellugija. Huwa kien jikteb bil-kontra u
għalhekk il-kitba tiegħu tinqara sewwa jekk tinqara f’mera. Hawn min jaħseb li
dan il-bniedem kien ibati bid-dislessja.
Ajruport
Monument ta' Da Vinci fl-ajruport ta' Fiumicino |
Leonrado ħalla din id-dinja fi fit 2 ta’ Mejju tas-sena 1519 ġewwa Amboise
fejn kien ilu jgħix sentejn. Huwa indifen fil-kappella
ta’ San Hubert fl-istess belt.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Awwissu 2019
Nessun commento:
Posta un commento