Fi ċkuniti il-kelma “Bully”
kienet tfisser xi ħadd li jkun għamel suċċess, xi persuna li tkun kisbet xi
unur jew xi ħadd li jkun wettaq xi opra tajba. Għadna sal-lum nirreferu għal xi
persuna bħal dawn billi ngħidu; “Dak bully!” Din il-kelma konna nużawha bħalma
konna nużaw il-kelma “Champion”. Il-kelma bully nużawha wkoll meta nkunu rridu
nuru li qbilna ma’ xi argument jew mistoqsija. Pereżempju jekk xi ħadd
jistaqsini jekk nistgħux niltaqgħu fl-erbgħa u jien ngħidlu li ma nistax, dak
li jkun jistaqsini nistgħux mela niltaqgħu fil-ħamsa, jien nista’ nwieġbu billi
ngħidlu: “Bully”, jiġifieri kollox sew, qbilna dwar il-ħin.
Iżda llum, minkejja li din
il-kelma għadha tintuża minn xi wħud fis-sens li tkellimt dwaru hawn fuq, sirna
aktar konxi xi tfisser sewwa meta bniedem ikun il-bully. Ilna għexieren ta’
snin li sirna konxi li fid-dinja jeżistu persuni li jħobbu jintimidaw lil
ħaddieħor, li jagħmlu ħajjet ħaddieħor infern, li jħobbu jdaħħqu minn fuq dahar
il-proxxmu. Dan l-atteġġjament huwa l-bullying.
Fost it-tfal
Il-bullying fosti t-tfal hija
ħaġa komuni ħafna. It-tfal huma l-aktar vulnerabbli u suġġetti għal din il-ħaġa
għaliex ikunu għadhom ma jafux jiddefendu lilhom innfushom. Il-bullying jista’
jsir b’modi differenti, minn bullying bil-kliem jew billi dak li jkun jiġi
rredikulat quddiem il-ħbieb jew jista’ jkun ukoll b’atti fiżiċi fejn tifel jew
tifla jissawtu. Għalhekk l-edukaturi għandhom dejjem ikunu b’għajnejhom
miftuħin beraħ għal xi każi bħal dawn. Il-ġenituri wkoll għandhom joqgħodu attenti
u jaraw li uliedhom ma jkunux qegħdin jagħmlu xi bidliet kbar fl-istil ta’
ħajjithom. Mhux diffiċli biex il-ġenituri jindunaw b’xi bidliet f’uliedhom.
Jekk jaraw dan il-fenomenu għandhom jieħdu azzjoni mill-ewwel billi jkellmu
lill-għalliema ta’ uliedhom. Imma l-bullying mhux bilfors ikun qed isir
fl-iskola, għandu mnejn ikun qed iseħħ f’xi għaqda li l-ulied ikunu qed
jattendi, bħal ngħidu aħna xi club tal-futbol jew xi għaqda oħra.
Fost il-kbar ukoll
Fost iż-żgħażagħ ukoll insibu
bullying. Il-mod ta’ bullying fost din il-faxxa ta’ persuni jinbidel minn dak
li jsir fosti t-tfal. Fost il-bullying issa nibdew insibu l-bullying fuq
il-mezzi ġodda ta’ teknoloġija li għandna llum, hekk imsejjaħ cyberbullying.
Is-cyberbullying jista’ jsir permezz ta’ sms fuq il-mobile, fuq il-komputer jew
it-tablet. Cyberbullying iseħħ meta xi ħadd ixerred kontentut falz jew
imbarazzanti dwar xi persuna fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni li għandna llum
il-ġurnata. Informazzjoni privata dwar xi persuna li titpoġġa f’qagħda xejn
pjaċevoli jew umiljanti. Dawn l-atti jistgħu jsiru fuq il-media soċali bħal
Facebook, Instagram jew Twitter, billi jixxerdu SMS jew jintbagħtu e mails.
Billi llum il-mezzi tal-media
soċjali huma użati anke mit-tfal, allura hawnhekk il-problema tal-bullying fuq dawn il-mezzi tinstab ukoll fosti
ż-żgħar. Il-bullying, kemm fiżiku, verbali kif ukoll fuq il-mezzi tal-media
huma atti li jmorru kontra l-liġi u għalhekk wieħed għandu jirrapporta
lill-pulizija mill-ewwel meta jnduna b’xi att bħal dawn. Ma għandniex
nitraskuraw jew inħallu għal għada għax il-konsegwenzi tal-bullying jistgħu
jkunu kbar. Il-korp tal-puluzija ta’ Malta għandu sezzjoni li tispeċjalizza u
tħadem kontra dawn l-atti. Din hija s-Cyber Crime Unit li taħdem anke ma’ entitajiet
barra minn Malta sabiex tiġġieled dawn l-atti li jistgħu jkissru li dak li
jkun.
Dwar xiex?
Għandna mnejn nistaqsu dwar xiex
jista’ jsir bullying. Bniedem li jkun bully jista jaqbad ma’ ħaddieħor fuq
kollox, fuq it-twemmin politiku ta’ dak li jkun, fuq l-orjenatmanet sesswali,
dwar il-qagħada soċjali ta’ dak li jkun, dwar il-mod ta’ ilbies li jilbes, dwar
postijiet li jifrekwenta. Ġieli smajna b’każi fejn persuni soffrew bullying
għax kienu jifrekwentaw xi għaqda tal-Knisja jew reliġjuża, smajna wkoll
b’bullying fuq persuni għax għandhom twemmin politiku differenti minn dak ta’
sħabhom. Il-persuni omosesswali huma fost dawk li l-aktar li jsoffru bullying u
spiss nisimgħu b’atti ta’ bullying kontriehom li xejn ma jagħmlu unur lil min
iwettaqhom.
Il-bullying iġib miegħu bosta u
bosta waġgħat u jinvolvi mhux biss lill-persuna li tirċievi dan l-att imma anke
lil dawk l-aktar qrib ta’ din il-persuna. Il-bullying jista’ wkoll iġib miegħu
fatalitajiet. Għalhekk tajjeb li min jibda jġarrab xi tip ta’ bullying, ikun
kif kun, għandu jitkellem mill-ewwel. Mhux faċli għax il-bully jipprova
jirredikola lill-vittma, imma dak li jkun għandu jsib bniedem li jafdah biex
jigwidah u jirrapporta dan l-att kriminali. Il-ġenituri wkoll għandhom joqgħodu
b’għajnehom miftuħin beraħ u jekk ikollhom xi suspett jaraw sewwa jekk hemm xi
każ ta’ bullying fuq uliedhom.
Nagħalaq billi naqsam magħkom
ħsieb: Jekk veru trid tkun “bully” iġġieled il-bullying!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Awwissu 2019
Nessun commento:
Posta un commento