Wied il-Għajn jew Marsaskala llum huwa mfittex kemm mill-Maltin kif ukoll
mit-turisti l-aktar fix-xhur tas-sajf iżda sa ħamsin sena ilu kien għadu biss
daqxejn ta’ raħal tas-sajjieda. Ikolli nistqarr li fi tfuliti ftit li xejn
kelli opportunitajiet li nżur dan ir-raħal, għax kif qed ngħid, kien sempliċi
raħal ċkejken għas-sajjieda u dak li jkun ma kienx ikollu għalfejn jersaq ’l
hemm jekk ma jkollux lil xi ħadd jiġi minnu li joqgħod hemm. X’differenza llum,
lanqas temmen!
Angel Gabriel
![]() |
Angel Gabriel |
Kien għad kelli 4 snin meta missieri kien ħadni miegħu biex naraw vapur li
kien inkalja mal-blat fl-inħawi ta’ Wied il-Għajn. Minkejja li kont ta’ età
daqshekk żgħira għadni niftakar ċar dik il-ġurnata. Inżilna minn Ħaż-Żabbar
għax it-triq il-ġdida li llum twassal għal dan il-post ma kinitx għadha
teżisti. Dorna max-xatt u ftit wara wasalna fil-post fejn kien inkalja
it-tanker taż-żejt Grieg bl-isem Angel Gabriel. Nemmen li din kienet l-ewwel
żjara tiegħi f’dan ir-raħal li f’dawk is-snin li qed insemmi kien għadu raħal
mill-aktar pittoresk fix-Xlokk ta’ Malta. Jekk hawn min għandu kurżità jkun
jaf meta seħħ dan il-każ ngħidlu li n-nawfraġju kien seħħ waqt tempesta fit-28
ta’ Settembru tas-sena 1969. Aktarx li missieri kien ħadni nara dan il-vapur
l-għada tan-nawfraġju, allura jiġi d-29 ta’ Settembru, festa tal-Arkanġli
Mikiel, Rafel u Gabrijel, isem il-vapur li spiċċa fuq il-blat ta’ xtutna.
Is-Salib tal-Fidda

Mhux villaġġ turistiku biss
Maż-żmien Wied il-Għajn inbidel minn lejl għal nhar. Ma baqax aktar
ir-raħal ta’ ftit mijiet ta’ sajjieda jew raħħala imma sar villaġġ mimli nies
b’ħafna lokalitajiet tad-divertiment, lukandi, ristoranti u ħwienet oħra. Iżda
b’dana kollu ma jfissirx li dan il-post huwa esklussivament għat-turisti u
għad-divertiment. Hemm parti kbira minnu
fejn jgħixu ħafna familji Maltin.
Wied il-Għajn sar parroċċa fl-1949. Il-kappella ddeddikata lil Sant ’ Anna
saret il-parroċċa minkejja li ma kinitx il-kappella waħdanija f’ dik
ix-xaqliba. Din il-kappella kienet iddedikata lil din il-qaddisa għax kien
il-Kapitlu tal-Isla li ħallas għall-bini tagħħa fl-1895 u billi l-Isla hija l-Belt
tal-Bambina, dawn xtaqu li kappella li kellha tinbena tkun taħt il-ħarsien ta’
Omm il-Bambina. Madanakollu sakemm dan ir-raħal sar parroċċa għalih, ma kienx
jagħmel mill-parroċċa tal-Isla imma kien parti mill-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar.
Wied il-Għajn sar Viċi-parroċċa fl-1918. Fl-1946 waslet il-vara ta’ Sant’ Anna
biex issir il-festa biha. Din inħadmet f’Bolzano mid-ditta ta’ Ferdinando Stuflesser.
Din waslet Malta f’Awwissu tas-sena ta’ wara.
Billi l-poplu ta’ dan ir-raħal baqa’ kull ma jmur jiżdied, il-kappella li
serviet bħala parroċċa saret ċkejkna wisq għalhekk kien deċiż li tinbena knisja
ġdida, il-knisja li naraw illum. Ma kinitx ħaġa faċli li tibni knisja ġdida
għax minkejja li l-ispejjeż kienu kbar ħafna, il-popolazzjoni tar-raħal kienet
għadha mhux dik li hi llum. Wara kważi 20 sena l-knisja tlestiet ukoll.
Żewġ ismijiet

Ta’ interess ngħidu li Marsaskala huwa r-raħal Malti li jifforma parti mid-Douzelage.
Dan huwa ġemellaġġ bejn xi raħal jew belt minn 24 stat membru fl-Unjoni
Ewropeja. Din l-idea bdiet fl-1991, meta Malta lanqas biss kienet għadha
applikat biex tidħol fl-Unjoni Ewropeja u Marsaskala beda jagħmel parti minnha
fl-2009. Biex jitfakkar l-20 anniversarju ta’ din l-inizjattiva ġie mwaqqaf
munument. Il-post magħżul għal dan il-munument kien propju x-xatt ta’ Wied
il-Għajn.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Awwissu 2019
Nessun commento:
Posta un commento