Ninsabu fl-eqqel is-sajf, żmien li fih immorru nieħdu xi għuma, żmien fejn
nieqfu xi ftit mir-rutina ta’ kuljum u nieħdu xi vaganza, żmien ta’ sħana,
għaraq, qtugħ ta’ nifs u dak kollu li jġib miegħu dan l-istaġun. Waħda
mill-attivitajiet l-aktar popolari bħalissa huma dawk il-laqgħat bejn
il-familjari jew il-ħbieb, tard filgħaxija, ħdejn xi xtajta jew fuq il-bejt ta’
xi ħadd, fejn nixwu l-ikel fuq in-nar u nixorbu xorb kiesah. Dawn il-laqgħat
spiss jissejħu barbecues.
Kif tinkiteb
Il-kelma barbecue mhux Maltija imma nużawha daqs li kieku kienet tagħna.
Wara kollox hemm eluf ta’ kliem mhux tagħna u nużawh anke meta jkollna kliem
Malti għalih. Intant ejjew ma nidħlux f’polemiċi bla bżonn. Il-kelma Barbecue
ġieli narawha miktuba hekk u ġieli narawha miktuba barbeque. Dan iqajjem
kurżità għal dawk li huma bħali, idaħħlu xi mistoqsija f’rashom u jibqgħu jaraw
minn fejn se jsibu tweġiba għal dak li jkunu qed jistaqsu. U jien hekk għamilt,
mort infittex kif tinkiteb sewwa din il-kelma wara li rajt li xi ħbieb tiegħi
tefgħu xi ritratti fuq facebook ta’ lejla ħdejn il-baħar fejn xwew il-laħam u
l-kumplament tal-prodotti l-oħra kollha.
Il-kelma barbecue tista’ titqies bħala kelma Ngliża u ma tinkitibx bil-Q
imma biċ-C. Iżda llum hemm ħafna, l-aktar fejn jidħlu ristoranti u lukandi li
qegħdin jiktbuha bil-Q u saret aċċettata, nistgħu ngħidu saret varjanti
tal-kelma l-oħra. Biex ngħidu kollox hawn min jaqta’ fil-qasir u jikteb Bar B Q
jew terġa’ iqsar BBQ biss. Aktarx li l-kelma barbecue ġejja mill-Ispanjol barbacoa.
Illum barbacoa huwa platt għal kollox differenti minn dak li nsibu fl-iljieli
tagħna ħdejn il-baħar. Barbacoa huwa laħam, aktarx tal-muntun jew ħaruf jew
ċanga li jissajjar ġo borma bl-ilma u l-ħwawar fuq nar li jitqabbad f’ħofra
fl-art. Mill-ewwel nindunaw li l-laħam imsajjar b’dan il-mod ma għandu x’jaqsam
xejn max-xiwi li nagħmlu aħna fil-barbecues. Min jaf kif evolviet din il-kelma?
Ingredjenti

Ingredjenti importantissimi f’iljieli bħal dawn huma l-patata mgħollija
imremmbla fil-karti tal-fidda li mbagħad tintefa’ fil-faħam biex issir itjeb,
iz-zalzett mir-roża; żalżett qasir u smin. Qisu jekk ma jkunx hemm zalzett
mir-roża ma jkunx barbecue. Qatt ma naf li mort barbecue u ma kienx hemm minn
dan iz-zalzett! Mhux għax jiddispjaċini, xejn affattu għax inħobbu, imma hekk,
dejjem innutajtha din il-ħaġa. Ingredjent ieħor, apparti l-laħam li jkun ser
jinxtewa, huwa l-inbid. Jekk ma jkunx hemm inbid huwa dnub mejjet u ma dan
il-birra u l-minerali. Ftit li xejn jixorbu ilma fil-barbecues. Għax ħa
ngħiduha kif inhi, tiekol minn kull xorta ta’ ġid imbagħad ħa toqgħod lura għal
qatra inbid jew flixkun birra? Issa d-dieta nibdewha nhar it-Tnejn mhux ilum!
Il-post

Illum ħadkom sa xatt il-baħar, jew forsi fuq il-bejt jew fil-ġnien. Insomma
morna nagħmlu xiwja biex ngħaddu lejla flimkien. Kemm huma okkażjonijet sbieħ
dawn il-barbecues fis-sajf, wara ġurnata ta’ sħana li toħonqok, issib ftit
frisk u kumpanija. L-aqwa li jkollna l-inbid, il-birra u ara ma tinsewx
iz-zalzatt ir-roża!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Awwissu 2019
Nessun commento:
Posta un commento