venerdì 19 luglio 2019

Ġrajjiet uniċi


L-istorja tal-bniedem tinbena bil-ġrajjiet. Dawk il-fatti li jseħħu minn żmien għal żmien jibnu sensiela ta’ ġrajjiet li biż-żmien iisru storja. Għalhekk huwa importanti li niftakru f’dawk il-ġrajjiet li fasslu l-istorja tagħna, dawk l-avvenimenti li sawru lilna u lil pajjiżna.

Sette Giugno
Il-funeral tal-vittmi tas-Sette Giugno
Żgur li l-akbar avveniment li qegħdin infakkru f’pajjiżna din is-sena huma l-ġrajjiet li seħħew sewwasew mitt sena ilu fil-Belt Valletta, meta l-Maltin irvellaw kontra l-mexxejja Brittaniċi minħabba l-prezz għoli tal-aktar ħaġa importanti fil-manteniment tagħhom: il-ħobż. Illum il-ħobż ma tantx għadu jidher fuq il-mejda tad-dar Maltija. Fi ċkuniti, niftakar l-għalliem tagħna, Is-Sur Cardona, jgħidilna li fir-raħal tagħna, Ħal Qormi, kien hemm żmien li kien hemm il fuq minn mitt forn u llum fadal biss erbgħa u erbgħin. Dan li qed insemmi jmur lura ftit aktar minn erbgħin sena. Illum mhux żgur fadal nofs tużżana fran jaħdmu fir-raħal magħruf għall-ħobż! Dan kollu juru kemm in-nies naqqset milli tiekol il-ħobż. Allura jekk sa erbgħin sena ilu l-ħobż kien aktar meħtieġ mill-ġurnata tal-lum, nistgħu nimmaġinaw mitt sena ilu kemm kien aktar jittiekel.  Dan wassal biex il-Malti jqum u jsemma leħnu, bir-riżultat li erbgħa minn ulied din l-art sfaw martri.

Din hija waħda biss mill-ġrajjiet li bnew l-istorja ta’ pajjiżna, ġrajja ta’ mitt sena ilu li llum sirna niftakru fiha b’mod speċjali għax is-Sette Giuno, dak il-jum li fih saru dawn l-irvellijiet, sar jum nazzjoanli ta’ pajjiżna.

Ħamsa u sebgħin sena
San Bastjan 
Din is-sena wkoll qed niċċelebraw żewġ avvenimenti importanti oħra, li għad li ma humiex fuq livell nazzjonali, xorta huma ta’ interess partikolari għal min iħobb l-istorja.

Fl-1944 saret l-ewwel purċissjoni bl-istatwa ta’ San Bastjan ta’ Ħal Qormi. L-istatwa tal-injam maħduma mill-istatwarju Qormi Ġorġ Borġ kienet lesta xi snin qabel iżda minħabba li dawk kienu snin il-gwerra, din l-istatwa baqgħet ma ħarġet qatt. Il-Qormin ta’ San Bastjan stennew li tgħaddi l-gwerra biex setgħu jiċċelebraw il-festa tagħhom u jżanżnu l-istatwa. Biex jitfakkar dan l-avveniment sar pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ dan il-qaddis. It-triq tal-pellegrinaġġ kienet tinkludi wkoll parti mill-parroċċa x-xiħa ta’ Ħal Qormi, dik iddedikata lil San Ġorġ. Dan sar nhar it-Tlieta 9 ta’ Lulju.

La qed nitkellem fuq San Bastjan ippermettuli ngħid xi ħaġa li tassew tagħtini fastidju. Għalfejn lil dan il-qaddis irridu nibdlulu ismu meta niktbu? Għalfejn niktbu San Sebastjan? Meta nitkellmu bejneitna San Bastjan ngħidu għax dik hija l-kelma Maltija. U din il-ħaġa tiġri wkoll Birkirkara. Jekk il-qaddisa li sabet is-salib ta’ Kristu bil-Malti ngħidulha Lieni, għalfejn fil-festa ma niktbux  Santa Liena imma narawha miktuba bħala Santa Elena jew agħar minn hekk Santa Helena? Xi ħaġa simili nsibuha wkoll il-Furjana u Ħal Kirkop. Bil-Malti ngħidu San Pupulju u San Anard – hemm għalfejn niktbu San Publju u San Leonardu? M’inix ċert dwar il-qaddis tal-Furjana għax fl-Atti tal-Appostli bħala Publju insibuh imniżżel minkejja li aħna kollha nsejħulu Pupulju. Jekk ser nibqgħu nagħtu bis-sieq lill-ilsien ta’ art twelidna anke f’ dawn in-naqriet  ma ndumux ma nispiċċaw b’xejn!

Aktar anniversarji
San Lawrenz lura fil-Birgu fl-1944
Din is-sena wkoll qed jiġi ċċelebrat il-ħamsa u sebgħin sena minn meta l-istatwa ta’ San Lawrenz tal-Birgu ittieħed lura lejn il-knisja tiegħu wara li kien ittieħed ġewwa r-Rabat biex jitħares mill-bombi tal-għadu li waqgħu bla għadd fl-inħawi tal-Kottonera matul it-tieni gwerra dinjija. Biex jitfakkar dan l-avveniment il-vara ta’ San Lawrenz sejra tittieħed fil-kolleġġjata ta’ Marija Immakulata ta’ Bormla u minn hemm tittieħed b’pellegrinaġġ lejn il-kolleġġjata tal-Birgu. Dan ser isir nhar it-Tlieta 30 ta’ Lulju.

Issa ippermettuli nerġa’ ngħid oħra dwar il-Malti. Jekk nużaw il-kelma anniversarju ma nużawx ukoll il-kelma sena  fl-istess frażi għax dawn ifissru l-istess ħaġa. Sirna naraw spiss din il-froġa miktuba fil-ġurnali tagħna u fuq l-internet kif ukoll nisimgħuha tingħad fuq il-mezzi tax-xandir. Jekk ngħidu ħamsa u sebgħin sena anniversarju nkunu qed nagħmlu l-iżball bħalma kieku nsejħu lil Joe Borg bħala Is-Sur Mister Joe Borg. F’dan il-każ jew nużaw Sur jew Mister, imma qatt it-tnejn f’daqqa. Allura għalfejn nużaw anniversarju u sena flimkien? Tajjeb li ma nibqgħux nirrepetu dan l-iżball.

Mhux dawn biss
Semmejt tliet avvenimenti li qegħdin niċċelebraw din is-sena. Dawn ma humiex l-avvenimenti waħdanin li qed infakkru. Hemm bosta avvenimenti oħra mhux fuq skala nazzjonali jew parrokjali imma jista’ jkun fuq skala familjari. Pereżempju il-ġenituri ta’ ħabiba tiegħi din is-sena qed jiċċelebraw is-sebgħin anniversarju miż-żwieġ tagħhom.  Din ukoll hija grajja unika. Kemm hawn min jasal biex jiċċelebra ġrajja bħal din?

Kull tifkira ta’ avveniment importanti sew fil-pajjiż kif ukoll f’ħajjitna hija ġebla mill-binja tal-istorja tagħna. Għalhekk tajjeb li niftakru fil-ġrajjiet li għaddew u sawru lilna biex aħna dak li aħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Lulju 2019








Nessun commento:

Posta un commento