Meta wieħed iżur il-belt
kapitali tal-Portugall, Lisbona, jista’ jilmaħ kastell prominenti fuq għolja.
Dan il-kastell iġib l-isem ta’ San Ġorġ. Dan huwa kastell mibni fil-Medjuevu
mit-Torok li jħares lejn iċ-ċentru storiku ta' Lisbona u x-Xmara Tagus li
tgħaddi minn din il-belt. Dan il-kastell huwa wieħed mil-postijiet turistiċi
ewlenin ta’ Lisbona.
Għalkemm l-ewwel
fortifikazzjonijiet fuq din l-għolja tmur lura sat-tieni seklu QK, skavi
arkeoloġiċi sabu preżenza tal-bniedem fil-post sa mis-sitt seklu QK. Aktarx li
l-ewwel fortifikazzjoni nbniet hawnhekk fis-sena 48 QK, meta Lisbona saret
muniċipalità Rumana. Fis-seklu X inbena l-kastell mill-ġdid mill-qawwiet
Musulmani.
Fl-1147 il-Portugall reġa’
ntrebaħ mill-Insara bis-saħħa tal-kavallieri li kienu mmexxijin minn Alfonsu
l-ewwel. Meta fl-1255 Lisbona saret il-belt kapitali tal-Portugall, dan
il-kastell serva bħala r-residenza fortifikata għall-Gvernatur Alfonsu III u
madwar ħamsin sena wara is-Sultan Denis l-ewwel biddel dan il-kastell f’palazz
irjali.
Tajjeb ngħidlu li f’dak
iż-żmien kien hemm bosta assedji fuq dan il-katell, mhux aktar mit-Torok iżda
mill-ġirien Kastiljani. Il-qawwiet ta’ Kastilja xtaqu jiksbu din il-parti
tal-peninsula Iberika u kienu spiss jattakkaw lil Lisbona. Lejn tmiem is-seklu
XIV is-Sultan Ġwanni, li kien miżżewweġ
lil Filippa ta’ Lancester, membru tal-Familja Rjali tal-Ingilterra, semma dan
il-kastell għal San Ġorġ, qaddis popolari u li għandu devozzjoni kemm
fil-Portugall kif ukoll fl-Ingilterra.

Meta l-Portugall reġa’
kiseb il-ħelsien mill-Ispanjoli, kien hemm il-ħsieb li Lisbona tissaħħaħ
b’fortifikazzjonijiet qawwija. Fl-1648 inbeda xogħol ta’ bini ta’ swar u tisbieħ
tal-kastell ta’ San Ġorġ iżda għat-tieni darba dan ġarrab bosta ħsara
fit-terremot li seħħ fl-1 ta’ Novembru 1755. Dan it-terremot ġab ħerba sħiħa
fil-belt ta’ Lisbona u qatel għexieren ta’ eluf ta’ nies. Il-Kastell minn dak
iż-żmien ġie mitluq u baqgħet issirlu ħsara minħabba n-nuqqas ta’ kura li kien
jingħata.
Fi żmien il-Prim Ministru
António de Oliveira Salazar (1932-1968) dan il-kastell beda jingħata l-importanza
li jistħoqqlu. Sar fih restawr estensiv u l-bini li kien żdied matul is-snin
twaqqa’ sabiex reġa’ ingħata d-dehra oriġinali li kellu. Ir-restawr kien lest
fl-1938
Illum il-Kastell ta’ San Ġorġ huwa post
imfittex mit-turisti li jżuru l-kapitali Portuġiża, l-aktar għall-istorja li
fih.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Ġorġ maħruġ mill-Banda Anici Festa 2019
Nessun commento:
Posta un commento