martedì 9 luglio 2019

Wistin Camilleri

Wistin Camilleri
Ninsabu fl-istaġun tas-sajf, l-istaġun li fih aħna l-Maltin niċċelebraw il-festi tradizzjonali tagħna. Wieħed mill-elementi l-aktar importanti f’dawn il-festi hija l-istatwa titulari, tal-patrun jew patruna tar-raħal jew tal-belt jew tal-knisja li minnha ssir il-festa. F’pajjiżna għandna vari proċessjonali li wħud minnhom inħadmu lokalment, minn artisti Maltin bħalna. Il-lista ta’ dawn l-artisti hija twila mhux ħażin, lista ta’ nies ta’ ħila li ħallewlna opri tal-arti li jagħmluna kburin.

Fost il-bosta mgħallmin Maltin bħalna li sawru dawn l-istatwi nsibu lil Wistin Camilleri, magħruf ħafna għall-arti fil-kartapesta li għandu xogħol madwar Malta kollha. F’dawn il-jiem Wistin jagħlaq erbgħin sena li ħalla din id-dinja u għalhekk xieraq naraw xi ħaġa dwar dan l-artist kbir Malti.



Minn Malta għal Għawdex għal barra minn Malta
Dejjem kont naħseb li l-familja ta’ Wistin hija Għawdxija imma sirt naf li missieru u ommu, Ġużeppi u Katarin, xebba Bonnet, kienu t-tnejn li huma miż-Żejtun li telqu raħal twelidhom u marru jgħixu u jibnu familja ġewwa Għawdex. Wistin, l-iżgħar iben tal-familja Camilleri,  twieled fil-mitħna ta’ Għajn Qatet fir-Rabat Għawdex nhar it-2 ta’ Mejju tas-sena 1885.

Irħama mad-dar fejn għex u ħadem Wistin
Sa minn ċkunitu Wistin wera l-ħajra lejn l-arti Jingħad li fi tfulitu, meta kellu madwar għaxar snin,  kien beda jagħmel xi pasturi u statwi żgħar tat-tafal u jmur ibigħhom. Huwa kien jistudja fl-iskola tas-seminarju ta’ Għawdex u hemmhekk beda jitgħallem l-arti taħt id-direzzjoni ta’ patri Ġiżwita. Ta’ ħmistax-il sena, Wistin ħadem l-istatwi ta’ San Pietru u San Pawl fil-ġebel għal fuq il-fontispizju tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Ghawdex, dik il-knisja li hemm kif tibda n-niżla lejn Marsalforn.  Wara kompla jistudja fl-iskola tal-arti ġewwa l-belt Valletta. L-artist Ġużè Duca kien wieħed mill-ewwel għalliema tiegħu u aktar tard Wistin kompla taħt id-direzzjoni tal-pittur famuż Ġużeppi Calì. Meta dan l-artist kbir Malti ra t-talenti li kellu Camilleri bla dewmien ħajru jinkiteb fl-akkademja tal-arti San Luca ta’ Ruma, assoċċjazzjoni  ta’ artisti antika u ferm prestiġġjuża. Huwa għadda xi snin jistudja Ruma. Hemmhekk sar ħabib tal-iskultur Filippo Coppa li mingħandu tħarreġ l-arti tal-kartapesta. Meta ġie lura Malta baqa’ jaħdem il-kartapesta bħalma kienu qegħdin jagħmlu bosta artisti oħrajn ta’ żmienu.

Huwa iżżewweġ lil Franġiska, imwielda Cauchi u kellhom sitt itfal. Baqgħu joqgħodu dejjem ġewwa t-triq hekk imsejħa Għajn Qatet. Illum mad-dar ta’ dan l-artist insibu rħama kommemorattiva.

Mhux biss kartapesta
 Tabilħaqq li Wistin kien artist tajjeb fejn tidħol il-karatapesta u nsibu mijiet ta’ statwi maħdumin minnu minn dan il-materjal, imma dan l-artist għandu wkoll xogħol fil-ġebla Maltija. Fis-santwarju nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu nsibu l-iskultura fil-ġebla Maltija maħduma minnu. Hemmhekk insibu madwar elf u tmien mitt disinn differenti, kollha xogħol li ħareġ minn taħt l-idejn abbli tiegħu. Wistin kien fost l-ewwel artisti, jekk mhxu ukoll l-ewwel wieħed, li ħadem ukoll statwi fil-konkos. Irridu niftakru li l-konkos mhux xi materjal antik wisq. Wistin għaraf li jista’ jużah ukoll għall-opri artistiċi tiegħu.

Xbihat sagri
Ġuda tan-Naxxar
Qalb ta'  Ġesù - Fontana
Iż-żmien li għex u ħadem fih Wistin Camilleri kien bejn wieħed u ieħor l-istess żmien li għex San Ġorġ Preca. Fil-fatt dan l-artist għandu bosta kurċifisssi f’ħafna oqsma tal-Museum imxerdin ma’ Malta u Għawdex. Jingħad li San Ġorġ Preca kien jinsisti li jekk xi ħadd irid ikollu kurċifiss devot għandu jordnah għand Wistinu.

Ta’ dan l-artist ukoll hija l-vara titulari mill-isbaħ tar-raħal pittoresk tal-Fontana, f’Għawdex. Ix-xbieha tal-Qalb ta’ Ġesù hija waħda mill-isbaħ li nsibu fil-gżejjer tagħna. L-artist ma ntilifx biss fuq il-ġmiel fiżiku tal-persuna imma wkoll irnexxielu joħloq xbieha ta’ devozzjoni liema bħalha.

Dan l-imgħallem għandu bosta statwi tal-Ġimgħa l-Kbira. Ma nistgħux ma nsemmux il-monument tal-Mosta, kapolavur f’kull sens tal-kelma! Wistin fassal id-disinn ta’ dan il-munument u ħadem il-korp ta’ Kristu li hemm fih kif ukoll l-anġli li jsebbuh. Interessanti wkoll li s-sett kollu tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira taż-Żebbuġ ta’ Għawdex inħadem minnu kollu kemm hu. Billi kienet saret xi ħsara f’dan is-sett, Wistin kien irrestawrah u kien hemm fejn ħadem mill-ġdid statwi li kienu spiċċaw.

Wistin ma' Uliedu
Alfred u Pawlu Camilleri Cauchi
Wisin baqa’ jaħdem sa mewtu għax għalih l-iskultura ma kinitx biss l-għixien imma kienet passjoni. Kienet ħajtu. L-aħħar xogħol kbir tiegħu huwa l-vara ta’ Ġuda tal-parroċċa tan-Naxxar. Din għamilha meta kellu 90 sena. Huwa kien onorat mill-Papa Pawlu VI bħala Kommendatur tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Wisitn Camilleri miet nhar l-erbgħa ta' Lulju 1979, sewwasew erbgħin sena ilu fl-età ta' 94 sena.

Għal 10 snin Għawdex kellu momument għal dan ibnu imma l-post fejn kien ma kienx wisq gawdut. Illum sab ruħu fi Triq ir-Repubblika ir-Rabat, barra Villa Rundle, post eċellenti li jixraq lil dan l-artist lokali.

Illum għadna ngawdu bosta opri ta’ dan l-artist li tana mhux biss opri imma tana wkoll ulied u neputijiet li wkoll imxew fil-passi tiegħu u għadhom jagħtuna opri artistiċi mill-aqwa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Lulju 2019


Nessun commento:

Posta un commento