Kemm smajna teoriji dwar it-temp din is-sena? Għexieren ta’ previżjonijiet
dwar kif se jkun is-sajf ta’ din is-sena. Hu x’inhu issa li s-sajf uffiċjalment
jibda ftit jiem oħra, ejjew nagħtu ftit ħarsa lejn dan l-istaġun f’pajjiżna.
Hemm bosta attivitajiet li jsiru fil-jiem twal u sħan tas-sajf Malti, imma llum
nixtieq noħodkom sa xatt il-baħar. Mela tlaqna.
Fi ċkuniti
Ġurnata l-baħar fi ċkuniti kienet differenti minn dik tal-lum. Illum
nistqarr magħkom li x-xemx naħrabha u mhux infittixha kif kont nagħmel meta
kont għadni daqsxejn ta’ tifel. Intant, fi ċkuniti l-jum li konna nqattgħu
ħdejn il-baħar aktarx kien ikun nhar ta’ Tnejn. Nistaħajjilkom tistaqsuni
għalfejn it-Tnejn u mhux il-Ħadd? Billi l-familja tiegħi hija familja ta’
furnara, il-Ħadd kien ikun għalihom jum ta’ xogħol normali imma t-Tnejn
filgħodu ma kinux jaħmu ħobż u għalhekk kien ikun il-jum waħdieni ta’ mistrieħ
għan-nannu u z-zijiet li kienu jaħdmu fil-forn. Għalhekk it-Tnejn matul is-sajf
ħafna drabi konna nerħulha għall-Armier.
Mas-soqfa ta’ żewġ karozzi pparkjati bi ftit spazju bejniethom konna norbtu
liżar kbir biex noqgħodu taħtu u nistekknu xi ftit mill-qilla tax-xemx. Hemm
taħt in-nanna kienet tieħu ħsieb tlesti biex timla l-ħawsla tagħha u tagħna
billi hi ma kinitx tinżel tgħum. Il-kuġini kienu jehdew idoqqu d-diski bil-juke
box oranġjo li kellu z-ziju, taħdem bil-batteriji. Tispiċċa diska u joħorġuha
mill-kaxxa tad-daqq u jdaħħlu oħra. Dawk li ma kinux jafu jgħumu kienu jew
jinżlu jċafċfu fejn jilħqilhom jew jikkurdaw tubu ta’ rota ta’ karozza, jonfħuh
u jilbsuh madwar żaqqhom.
F’ħin l-ikel konna ninġabru taħt il-liżar li kien iservina ta’ kamp u
nieklu kisra ħobż biż-żejt u t-tadam, nixorbu l-luminata jew ir-ruġġata li
kienet tibqa’ kiesħa fil-picnic cooler, xi felli bettiegħa jew dulliegħa u
mbagħad konna mmorru nixtru ġelat mingħand tal-van li kien jarma ftit bogħod
minna. Wara l-ikel ma kinux iħalluna ninżlu ngħumu mill-ewwel imma wara xi
siegħa konna nkomplu ngħumu u nċafċfu. Mal-erbgħa jew l-erbgħa u nofs konna
nerġgħu lura lejn id-dar għax iz-zijiet u n-nannu kienu jkunu jridu jmorru
jibdew il-ħidma tagħhom fil-forn . Din kienet ġurnata tipika ta’ ċkuniti fejn
il-baħar.
Illum
Bla ma trid meta tqabbel ix-xena ta’ tfuliti ma’ dik tal-lum tara elf
differenza. Illum tmur sa ħdejn il-baħar u ma ssibx fejn tpoġġi l-karozza aħseb
u ara kemm tħalli spazju bejn żewġ karozzi biex tagħmel bħal speċi ta’ tinda
għal ftit dell. Illum ix-xtajtiet tagħna jkunu mimlijin umbrellel biex dak li
jkun jikrihom. Jien mhux kontra l-kummerċ, imma nemmen li għandu jkun hemm
spażju fejn jekk bniedem ikun irid imur fejn il-baħar bla ma jikri umbrella
jkun jista’ jmur bla nkwiet u jekk ikun irid jieħu umbrella miegħu isib post
fejn iwaħħalha. Ir-realtà turi li mhux faċli tmur f’ċerti bajjiet u ssib post
biex tiftaħ l-umbrella tiegħek. La qed nitkellmu fuq dan is-suġġett naqsam
magħkom ħsieb ieħor. Ħabib tiegħi, saċerdot Taljan kien Malta għall-vaganzi.
Mar f’bajja partikolari u kera umbrella u pultruna ta’ fejn il-baħar. Kienu
tlieta min-nies, allura kellhom tliet pultruni. Qalli li swiethom erbgħin ewro
biex qagħdu tliet kwarti bilqegħda għall-frisk taħt umbrella. Żgur li se nsib
min jgħidli li kellhom iħallsu tas-servizz, kollox sew, imma trid jew ma tridx
f’ċerti bajjiet l-umbrella u s-siġġu mikri trid toħodhom bil-fors għax inkella
ma ssibx post fejn toqgħod. Din naraha inġustizzja l-aktar ma’ dawk il-familji
li jieħdu lill-uliedhom sa fejn il-baħar.
Aktar qabel semmejt il-juke box li kienu jdoqqu l-kuġini. Illum il-mużika
fejn il-baħar toħroġ minn xi bar jew inkella kulħadd jisma’ l-mużika għal rasu
permezz tal-mobile. Hekk sirna llum, inkunu bilqegħda ħdejn xuxlin, qrib
fiżikament imma nkunu bogħod minn xulxin eluf ta’ mili bil-ħsibijiet tagħna.
Dak hu l-bniedem tal-bidu tat-tielet millejnu!
Indafa
Fi ċkuniti ma kellniex il-ħafna plastik li hawn illum. Kien jeżisti imma kien
għadu mhux fl-użu daqs illum. Basktijiet kienu taċ-ċaruta, ġewlaq kienu
jsejħulu, jew jekk kien ikun tal-plastik kien ikun oħxon li tużah għal snin
twal sakemm jispiċċa, mhux bħal tal-lum, uża u armi. L-istess il-fliexken
tax-xorb; kollox tal-ħġieġ u li kienu jiġu meħudin lura għand tal-ħanut
tal-merċa. Srievet tad-drapp konna nieħdu magħna l-baħar u mhux tal-karti
bħal-lum. Tabilħaqq li llum għamilna progress kbir imma meta konna nitilqu minn
ħdejn il-baħar ma konna nħallu xejn warajna għajr xi ftit karti strazzi,
ovvjament mhux fl-art imma fit-tankijiet li kien ikun hemm apposta. Illum anke
jekk nixħtu kollox fit-tankijiet xorta qed inħallu warajna għadd ta’ plastik li
jagħmel ħsara lill-ambjent. Tajjeb naħsbu ftit fuq dan u min għandu għal qalbu
l-ambjent jaħseb sewwa x’jieħu miegħu meta jmur ħdejn il-baħar.
Illum qabbilt naqra jum fejn il-baħar ta’ ċkuniti u wieħed tal-lum.
X’differnza! Tgħid aħjar dari jew aħjar illum?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Ġunju 2019
Nessun commento:
Posta un commento