sabato 20 marzo 2021

Duluri

 

Waħda mill-akbar devozzjonijiet reliġjużi popolari ta’ pajjiżna hija mċrbuta mal-Ġimgħa l-kbira u tiġi ċċelebrata sewwasew ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Qed nirreferi għad-Duluri. Minkejja li anke pajjiżna, bħall-kumplament tad-dinja, l-aktar fl-Ewropa, għaddej minn żmien ta’ sekularizazzjoni, xorta l-pelleġrinaġġi li jsiru fil-parroċċi kollha bl-istatwa ta’ Marija Addolorata jiġbdu lejhom folol kbar ta’ nies. Biex ngħid d-dritt, il-Knisja Kattolika tiċċelebra t-tifkira ta’ Marija Addolorata nhar il-15 ta’ Settembru imma l-pelleġrinaġġi jsiru fir-Randan.

Il-Belt Valletta

Duluri - Belt Valletta
Ma naħsibx li nkun qed niżbalja jekk ngħid li l-akbar purċissjoni bl-istatwa tad-Duluri issir fil-Belt Valletta. Din toħroġ mill-knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri magħrufin aktar bħala “ta’ Ġieżu”, fejn hemm sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Kontra rħula u bliet oħra, fil-Belt toħroġ purċissjoni waħda bl-istatwa tad-Duluri, mhux bħalma jsir pereżempju f’Tas-Sliema, Ħal Qormi, Birkirkara, Raħal Ġdid jew il-Marsa. Barra l-Beltin fil-purċissjoni tad-Duluri tal-Belt ikun hemm bosta u bosta nies mhux Beltin. Normalment imexxi dan il-pellegrinaġġ  l-Arċisqof ta’ Malta.

L-istatwa tad-Duluri tal-Belt inħadmet mill-artist Salvu Laferla fl-1740, biss sar bosta tibdil fiha. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu r-restawr ma kienx isir bħal-lum. Illum restawr jipprova jġib opra tal-arti kemm jista’ jkun qrib l-istat oriġinali tagħha, qabel min jirrestawra kien jibdel u jżid u jnaqqas kif jidhirlu hu u hekk seħħ fuq l-istatwa tad-Duluri tal-Belt Valletta. L-istatwarju Laferla huwa artist importanti fl-istorja tal-arti ta’ Malta għaliex aktarx kien hu l-ewwel wieħed li ħadem il-kartapesta. Minbarra li għandu statwi oħra fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Belt, huwa ħadem ukoll statwi għall-parroċċi ta’ Ħaż-Żebbuġ u tan-Naxxar.

Irħula Maltin

Il-Kappella tad-Duluri - Tal-Pietà
Malta għandna raħal li jismu għad-Duluri. Tal-Pietà ħa ismu mill-kappella antika li nsibu f’dan ir-raħal. Il-Knisja tad-Duluri nbniet fl-1590 fil-post fejn kien hemm ċimiterju tal-mejtin bil-pesta. Fl-1617 ħdejn din il-knisja ġie mibni kunvent żgħir tal-Patrijiet Agostinjani li marru joqogħdu fih fl-1652, iżda ma damux wisq hemm. Fl-1721 il-knisja saret viċi-parroċċa ta’ San Pawl tal-Belt għan-nies li kienu joqogħdu fix-xatt tal-Pietà, illum magħruf aktar bħal Sa Maison jew ala Maltija Sammiżun,  iżda ma baqgħetx aktar viċi-parroċċa fl-1740 meta viċi-parroċċa saret il-knisja ta’ San Publiju fil-Furjana. Mis-sena 1974 is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù ħadu f’idejhom il-kunvent u bdew jieħdu ħsieb il-knisja. Minn Jannar 2005, b’Digriet ta’ Mons. Arċisqof, Ġużeppi Mercieca, il-Kappella tad-Duluri u l-kunvent ġew fdati f’idejn iċ-Cenacolo Community għall-pastorali taż-żgħażagħ. Min din il-kappella antika ħa ismu r-raħal Tal-Pietà għax wara kollox il-kelma Pietà hija l-kelma Taljana għad-Duluri, flimkien mal-kelma Addolorata.

Minkejja li ma għandux isem id-Duluri, San Pawl il-Baħar għandu l-parroċċa ddedikata lil Madonna taħt it-titlu tad-Duluri u Sultana tal-Martri. San Pawl il-Baħar kien minn dejjem post ta’ villeġġjatura, iżda fil-bidu tas-seklu għoxrin tant kiber li s-santwarju ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ ma baqax kbir biżżejjed, u għalhekk il-Markiża Anna Bugeja, b’tifkira tas-Sena Mqaddsa tal-1900, bniet knisja ddedikata lid-Duluri u tatha lill-patrijiet Franġiskani Konventwali. Il-knisja saret parroċċa fl-1905 u wara ġiet imkabbra kif inhi llum bejn l-1968 u l-1979. Din il-parroċċa hija waħda matriċi għax minnha ħarġu l-parroċċa ta’ Burmarrad fl-1971 u dik tal-Qawra fl-2004. Sa ftit snin ilu l-istatwa titulari tad-Duluri kienet toħroġ kemm fil-festa titulari kif ukoll fir-Randan, biss illum fir-Randan toħroġ statwa oħra u b’hekk titnaqqas il-ħsara li tista’ ssir lill-istatwa titulari.

L-aktar pittura antika
tad-Duluri f'Malta
Minbarra dawn iż-żewġ irħula nsibu għadd ta’ kappelli madwar Malta li huma ddedikati lil Madonna tad-Duluri. Nibdew billi nsemmi dik ta’ Birżebbuġa li fl-1913 saret il-knisja parrokkjali mat-twaqqif ta’ din il-parroċċa u serviet dan ir-rwol għal ħamsa u għoxrin sena. Insibu kappelli oħra ddedikati lid-Duluri fl-Imqabba, Ħaż-Żebbuġ, il-Ħamrun u Ħal Qormi. Il-kappella taċ-ċimiterju taż-Żebbuġ Għawdex hija ddedikata lid-Duluri wkoll u ċ-ċimiterju nazzjonali ta’ Malta, f’Raħal Ġdid huwa wkoll imsemmin għall-Addolorata.

Tajjeb ngħidu li l-aktar kwadru antik tad-Duluri f’pajjiżna jinsab fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Dan il-kwadru medjevali kien parti minn trittiku li kien il-kwadru titulari tal-knisja Qormija minn nofs is-seklu XV sal-1632.

Doppji

Żejtun- Depożizzjoni 
Fost il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta, insibu tnejn li li fihom vara tad-depożizzjoni jew it-tlettax-il stazzjon. Xi Maltin isejħu din l-istatwa bħala “d-Duluri l-kbira” għax fl-istess purċissjoni hemm statwi tad-duluri tradizzjonali. Dawn insibuhom fil-purċissjoni ta’ Ħal Qormi u f’dik taż-Żejtun. Il-vara ta’ Ħal Qormi saret fl-1965 minn Salvatore Bruno minn Lecce imma kien jaħdem Bari. Dik taż-Żejtun saret fl-istess sena minn Angelo Capoccia ta’ Lecce u hija kopja tal-famuża Pietà ta’ Michelangelo bil-figuri ta’ Ġużeppi ta’ Arimatea u Nikodemu. Dik tal-Qriema hija aktar iffullata għax minbarra Marija u biha Ġesù mejjet fi ħdanha, Gużeppi u Nikodemu naraw ukoll lil San Ġwann u lil Marija Madalena.

Illum rajna xi ftit tagħrif dwar ix-xbieha tad-Duluri, xbieha li f’dawn il-jiem li qegħdin fihom narawha spiss, niltaqgħu magħha kullimkien, fid-djar, fit-toroq tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol u fuq kollox fil-knejjes tagħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Marzu 2021 






Nessun commento:

Posta un commento