Mhux darba jew tnejn smajna bil-profezija ta’ ċertu Malakija li tiġbor fiha
xi tbassir dwar mija u tnax-il papa. Xi wħud jgħidu li l-elezzjoni ta’ Papa
Franġisku tfisser it-tmiem tad-dinja. Hija l-viżjoni ta’ qaddis tas-seklu XII
jew ix-xogħol ta’ profeta falz?
Min kitibha
Malakija
kien qaddis Irlandiż u Arċisqof ta’ Armagh, li lilu ġew attribwiti diversi
mirakli. Wara żmien twil ta’ studji hu ġie ordnat saċerdot fl-1119. Huwa
twieled f'Armagh fl-1094. San Bernard jgħid li Malakija kien imwieled minn familja
nobbli. Fil-ktieb Life of Saint Malachy, il-bijografu tiegħu San Bernard ta’
Clairvaux jgħid li Malakija kien magħruf għall-ħeġġa, l-umiltà, l-ubbidjenza,
il-pudur, u d-diliġenza vera fl-istudji tiegħu. San Karlu Borromeo faħħar lil
San Malakija talli dejjem għen lil min kien fil-bżonn, ġab li s-sagramenti
mqaddsa jingħataw għal kulħadd bl-istess
mod u kabbar il-ħrara tal-poplu meta jirċevihom. Kien abbati ta’ diversi
abatiji Benedittini fosthom dak ta’ Bangor. Fl-1124 inħatar Isqof ta’ Down u
fl-1132 wara li miet l-Arċisqof Ċelasju ta’ Armagh, kien magħżul hu biex imexxi
din id-djoċesi wkoll. Ħalla influwenza kbira fid-djoċesijiet tiegħu tant li
ġieli jitqabbel ma’ San Bonifaċju u dak li wettaq fil-Ġermanja. Huwa rtira minn
arċisqof fl-1136 jew sena wara. Fl-1148 żar Ruma għat-tieni darba u fi triqtu
lura għadda Clairvaux, fi Franza. Hemmhekk huwa marad u miet f’idejn San
Bernard fit-2 ta’ Novembru ta’ dik is-sena. Huwa ndifen hemmhekk. Il-festa
tiegħu tiġi ċċelebrata l-għada għax jum il-mewt tiegħu jaħbat l-Għid
tal-Imwiet.
Il-profeziji
L-allegati profeziji tiegħu madankollu, ma konniex nafu bihom sal-ħabta
tal-1590. Hemm leġġenda li tgħid li Malakija kellu viżjoni li fiha ġie mogħti
dehra lejn il-papiet tal-passat, tal-preżent u tal-futur, u li hu kiteb kollox
dwar din il-viżjoni bħala serje ta’ versi kriptiċi. Il-profeziji kienu pjuttost
preċiżi sa madwar l-1590, iż-żmien li
fih instabu, iżda mbagħad saru pjuttost vagi, u ħafna bdew jaħsbu ħażin dwarhom
u kien hemm min qal li kienu profeziji foloz. Ix-xettiċiżmu dwar din il-kitba
għadha fostna sal-lum.
Il-previżjonijiet ta’ dan Malakija
jinsabu miġburin f’lista ta’ 112-il frażi simbolika li suppost
jirrappreżentaw lista ta’ 112-il Papa wara xulxin. X’aktarx li l-profeziji
nħolqu bħala tentattiv biex jinfluwenzaw l-elezzjoni papali tal-1590 favur
il-Kardinal Girolamo Simoncelli billi l-profezija ta’ San Malakija tidentifikah
bħala l-papa li kien jmiss. Iżda Simoncelli ma ġiex elett, u minfloku kien
magħżul Niccolò Sfondrati, li ħa l-isem ta’ Girgor XIV.
L-aħħar papa
Ejjew ninsew mija u għaxar papaiet mil-lista ta’ Malkija u nsemmu l-aħħar
tnejn. Malakija jagħti isem kriptiku, imħawwad jew moħbi lil kull papa. Il mija
u ħdax-il wieħed kien msejjaħ bħala “Glorja taż-Żebbuġ,” u ta’ warajh, li
jaħbat l-aħħar wieħed fil-lista jissejjaħ “Pietru Ruman.” Skont il-kronoloġija,
dawn huma l-Papa Benedettu XVI u l-Papa Franġisku.
Dawk li jsegwu din il-profezija qalu li Benedettu Sittax huwa l-“Glorja
taż-Żebbuġ” minħabba li l-Benedittini għandhom fergħa msejħa l-Olivetani,
(taż-żebbug, minn Olive bit-Taljan jew Olives bl-Ingliż) għalkemm Benedittu
nnifsu mhux Benedittin u allura lanqas Olivetan.
Hekk kif il-papa l-ġdid ħabbar ismu; Franġisku xi “esperti
tal-profezija,” jew dawk li jipretendu
li huma esperti tagħha, qalu li l-papa l-ġdid huwa “Pietru r-Ruman”, u għalhekk
seħħet il-profezija ta’ San Malakija u b’hekk dan ser ikun l-aħħar papa u
warajh ser jasal it-tmiem tad-dinja.
Minkejja li l-Papa attwali huwa Kardinal Arġentin li għażel Franġisku bħala
l-isem papali tiegħu, dawk li jemmnu fil-profezija bdew jgħidu u jargumentaw li
Jorge Mario Bergoglio għandu l-isem Pietru xi mkien fl-isem tat-twelid tiegħu u
li l-Papa Franġisku huwa verament Ruman, peress li l-ġenituri tiegħu huma
Immigranti Taljani li marru jgħixu l-Arġentina. Mur merihom!
Il-profezija tkompli tgħid dwar il-Papa suppost finali: “Fil-persekuzzjoni
finali tal-Knisja Mqaddsa Rumana, hemm ipoġġu
lil Pietru r-Ruman, li se jirgħa n-nagħaġ tiegħu f’ħafna
tribulazzjonijiet, u meta dawn il-ħwejjeġ jintemmu, il-belt ta’ seba ’ għoljiet
(riferenza għal Ruma) se tinqered, u l-imħallef terribbli se jiġġudika n-nies
tiegħu.”
Nemmen jew le?
Kemm
nistgħu noqgħodu fuqha din il-profezija? Hemm lok li wieħed jallarma ruħu u
jaħseb li waslet l-aħħar tad-dinja? Il-Knisja ma torbotx fuq din il-propfezija,
din żgur li ma hijiex xi domma ta’ fidi. Wara kollox meta kien hemm min staqsa
lil Ġesù meta
ser tispiċċa d-dinja, dan wieġeb li din lanqas l-Iben, jiġifieri Hu stess ma
kien jafha għax hija xi ħaġa tal-Missier biss. Allura jiena ngħodd ma dawk
ix-xettiċi li jaħsbu li din il-kitba kienet tassew parti mill-kampanja
elettorali għall-elezzjoni tal-Papa fl-1590. U allura jekk inhu tassew hekk,
din ma hija profezija ta’ San Malakija xejn.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Marzu 2021
Nessun commento:
Posta un commento