Ta’ kull sena il-perjodu ta’
qabel il-festi tal-Għid il-Kbir ikun wieħed intensiv ħafna. Mhux qiegħed
nirreferi għal-lat reliġjuż ta’ dan iż-żmien tas-sena iżda mil-lat
organizzattiv ta’ ħafna ħidmiet u attivitajiet li jsiru fir-Randan ġewwa
pajjiżna.
Tħejjijiet
F’pajjiżna llum il-ġurnata
fil-Ġimgħa Mqaddsa sirna naraw bosta wirjiet marbutin mal-passjoni ta’ Kristu.
Sa nofs seklu ilu dawn kienu rari imma llum sirt issibhom mifruxin ma’ Malta
kollha. Bosta minn dawn il-wirjiet ikun fihom xogħol verament ta’ livell għoli.
Wieħed iżur xi wirja minn dawn u jitlaq wara ftit minuti iżda l-preparamenti
għaliha ikunu ilhom għaddejja bosta xhur. Dawn it-tħejjijiet ikunu jinvolvu
bosta persuni u bosta snajja: mastrudaxxi, electricians, ħajjata, ħaddieda u
min jaf kemm-il sengħa oħra tidħol bla ma forsi nintebħu meta nżuru
dal-wirjiet. Dawn il-wirjiet jiġġeneraw ukoll xi ftit xogħol indirett bħal
stampar ta’ posters jew libretti. Ħafna minn dawn il-wirjiet jibdew jiġu
mħejjijin f’xi maħżen. Dawn l-imħażen huma tassew imħażen ta’ talenti għax meta
wieħed jara l-prodott finali li ħafna drabi jkun frott il-ħidma volontarja,
jara mhux xogħol ta’ dilettanti imma ta’ professjonisti fil-passatemp tagħhom.
Huwa għalhekk xieraq li nżuru dawn il-wirjiet u ngħinu kif nistgħu.
Ħoss
Tħejjija oħra li tibda f’dawn
il-jiem hija l-prattika tad-daqq tal-marċi funebri fil-każini tal-banda.
Il-marċi funebri ma jindaqqux daqs kemm jindaqqu l-marċi hekk imsejħin volanti
allura żmien ir-Randan huwa ż-żmien li jerġgħu jibdew jiġu pprattikati
mill-bandisti. La qed insemmu l-baned ma nistgħux inħallu barra id-diversi
kunċerti u programmi ta’ mużika sagra u mużika oħra adattata għal dawn
iż-żminijiet li bdew isiru mis-soċjetajiet mużikali dawn l-aħħar ftit għexieren
ta’ snin. Ħalli ngħid kollox. L-ewwel għidt li l-marċi funebri ftit li xejn
jindaqqu għajr f’dawn il-jiem, biss hawn min jibda jdoqqhom mill-għada
tal-Milied. Lil min hu dilettant ma tistax tlumu”
Xogħol
Kont qed nitkellem ma’ wieħed li
xogħlu huwa ta’ dulċier. Dan qalli li f’dan iż-żmien jibdew jaħsbu
għall-figolli u l-bajd tal-Għid. Kull staġun iġib xi naqra xogħol differenti
miegħu. Hawn irrealizzjat li kull pajjiż għandu xi ħelu tipiku tal-Għid imma
donnha l-bajda tal-Għid issibha kull fejn ikun iċċelebrat dan il-jum. Fi ċkuniti
kienu popolari ħafna l-Karamelli tal-ħarrub iżda llum donnu ħadd ma għadu
jfittixhom. Fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira mbagħad insibu l-qagħaq tal-Appostli
iżda dawn ma jistgħux isiru kmieni bħall-figolli għax billi huma ħobż, iridu
jkunu friski għax jekk ikunu xotti ma jkun fihom l-ebda gost. Qabel ħallejt lil
dan id-dulċier bi tbissima qalli “Father intom tgħidu lin-nies biex isumu
fir-Randan, u aħna nibdew naħsbu biex kif jispiċċa jpattu ta’ kemm ikunu ilhom
imxennqin!” Osservazzjoni ħelwa għax kos, qabel ir-Randan nieklu ikla
prinjolata u kif jispiċċa nduru għall-figolli! Tabilħaqq li bejn il-karnival u
l-festa tal-Għid il-Kbir hemm il-jiem tas-sawm u astinenza, imma ma tantx hawn
min jogħlob minħabba s-sawm.
Fil-knejjes
Fuq kollox dan iż-żmien huwa żmien
liturġiku. Fil-ħajja ċivili u soċjali ma jinbidel xejn imma hija l-ħajja
spiritwali li tgħix f’dan ż-żmien li tagħmel differenza minn żminijiet oħra
matul is-sena. Għalhekk ma jistax jonqos li fil-knejjes bħalissa jkun hemm
bosta preparamenti għaddejjin li forsi ftit huma dawk li jindunaw bihom.
Fil-knejjes minn fejn toħroġ il-purċisjoni jibdew it-tħejijjiet għalihom.
Ilbies ġdid, manutenzjoni ta’ ieħor qadim, tindif tal-aċċessorji li jintużaw
fil-purċissjoni u mitt ħaġa oħra. F’bosta knejjes minn dawn hemm id-drawwa li
tinħareġ vara kull ġimgħa. Forsi din hija l-aktar ħaġa li tagħti fil-għajn,
biss ibqgħu fuq kliemi li dawn il-ġranet huma mimlijin xogħol għas-sagristan u
dawk li jgħinuh. Aktar ma tersaq il-Ġimgħa Mqaddsa, aktar nibdew naraw dak li
jkunu wettqu dawn it-talin minn wara l-kwinti. Bosta minn dak li naraw fl-aħħar
ikun ilu lest jew imħejji ġimgħat sħaħ. Bir-raġun għaliex fuq kollox dawn
il-jiem li qed insemmu huma festi tal-Knisja u għalhekk jixraq li jiġu
ċċelebrati bl-akbar solennità.
Nagħtu sehemna
Dawk kollha li jorganizzaw xi
wirja, dawk kollha li huma involuti f’xi għaqda tal-mużika kif ukoll ħafna minn
dawk li jagħtu sehemhom fl-armar tal-knisja jagħmlu dan bħala delizju. Għalhekk
tajjeb li napprezzaw l-isforzi kollha li jsiru minnhom. L-akbar apprezzament li
nistgħu nagħtu huwa li nattendu għall-attivitajiet li jkunu organizzati
minnhom, Il-wirjiet ikunu miftuħin għal madwar ġimgħa jew aktar, il-programmi
mużikali jsiru aktarx f’ Ħadd il-Palm jew f’xi jum matul il-Ġimgħa Mqaddsa u
ċ-ċelebrazzjonijniet liturġiċi jilħqu l-qofol tagħhom bejn Ħadd il-Palm u Ħadd
il-Għid. Tajjeb li nsibu ħin nattendu għal dawn l-attivitajiet li wara kollox
huma maħsubin għall-publiku kollu. Tassew li ma tistax tmur tara kull wirja, ma
tistax tmur tisma’ kull kunċert mużikali li jsir imma tajjeb wieħed imur jara u
jisma’ dak li jista’. Dan huwa l-akbar
sehem li nistgħu nagħtu aħna bħala pubbliku.
Jonqos ftit biex dak li qed
jitħejja joħroġ għad-dawl! Ejjew napprezaw il-ħafna sforsi u sagrifiċċi li
bosta dilettanti jagħmlu bħalissa biex joffrulna t-talenti tagħhom fil-jiem
tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento