sabato 14 marzo 2020

Iġbed il-hand break


Ikollna nammettu li aħna l-bnedmin ta’ dan it-tielet deċenju tat-tielet millenju qisna metaforikament imġienen; dejjem sejrin minn ħaġa għal oħra bla waqfien ta’ xejn, minn attività għal oħra, minn post għal ieħor. Sirna ma għandna ħin għal xejn, id-djarju mimli sa ruħ ommu bl-appuntamenti u l-laqgħat u xogħol ieħor, minn xogħol għal xogħol u ftit ħin għalina bilkemm insibu. Naħseb li l-biċċa l-kbira ta’ dawk li qed jaqraw dan l-artiklu diġà qablu miegħi u qed jgħidu li għandi raġun.

Ġirja u ġlieda

Kultant inħoss li l-ħajja li qed ngħixu llum saret ġirja waħda biex naslu fejn irridu naslu, kemm f’sens fiżiku kif ukoll f’sens ieħor. U fuq kollox biex niġru din il-ġirja jkollna ħafna drabi niġġieldu mal-ħin li aktar minn qabel sar l-għadu tas-soċjetà. Imma jekk ikollna nieqfu ftit minn din il-ġirja u nissospendu ftit il-ġlieda mal-ħin għandna mnejn insibu li t-tort ta’ dan kollu li ninsabu fih hu biss tagħna u ta’ ħadd aktar. Aħna stess bnejna ħajja b’bosta impenji li bilkemm nistgħu nlaħħqu magħhom. U agħar minn hekk wikkejna dan l-istil ta’ ħajja lil uliedna.

Aħsbu ftit dwar kemm huma mgħobbijin it-tfal tal-lum u qabblu ħajjithom ma’ dik tagħna. Tassew li d-dinja tbiddlet għal kollox minn meta konna tfal aħna. Illum it-tfal ma għandhomx il-ftuħ tal-kampanja u l-għelieqi qrib id-djar tagħna bħalma kellna aħna. Illum għandhom it-teknoloġija li toħodhom f’dinja fittizja. Illum uliedna ma jistgħux iduqu dak li doqna aħna għax l-ewwel ħaġa bosta minn dawk l-ispazji li fihom ġrejna u lgħabna aħna llum saru bini u t-tieni għax għabbejniehom bi mpenji li serqulhom il-ħin liberu tagħhom.  Ma rridx noqgħod insemmi kemm attivitajiet jagħmlu t-tfal u li forsi aktar ikunu ta’ sodisfazzjon għall-ġenituri milli għalihom.

Imma ejjew ninsew ftit lit-tfal u nitkellmu dwarna l-kbar. Kemm għad hawn minna li fadlilhom ħin liberu f’ħajjithom? Illum lanqas il-penzjonanti ma għad fadlilhom ħin għax in-nanniet ħadu post il-ġenituri fit-trobbija billi bosta ġenituri jaħdmu u għalhekk iħallu lil uliedhom magħhom. Dan kollu naqqas il-ħin li l-anzjan kien igawdi qabel. Ilkoll kemm aħna dħalna, forsi bla ma ridna, f’din il-ġirja u bdejna l-ġlieda biex nibqgħu niġruha. Forsi mwaħħlu fis-soċjetà tal-lum li jkollna nadattaw ruħna għaliha. Imma ejjew ma ninħbewx wara subgħajna, ejjew nagħnlu mistoqsija u nagħtu tweġiba sinċiera għaliha: min hi s-soċjetà, min jibniha s-soċjetà? Is-soċjetà mingħajri u mingħajrek x’jifdal fiha?

Waqfa
Bil-ġenn kollu ta’ din il-ħajja, ikollna xi drabi nwaqqfi ftit ir-rota u nieħdu pawsa, jew kif semmejt dan l-artiklu niġbdu ftit il-hand break. Il-waqfiet ta’ dari kienu jkunu xi ġurnata Għawdex ma’ xi grupp ta’ ħbieb jew mal-familja. Ilum bit-teknoloġija li għandna lanqas ġurnata bħal din ma għadha tista’ titqies bħala waqfa. Tmur ġurnata Għawdex biex taparsi tieqaf ftit mir-rutina tas-soltu imma bil-mobile fil-but u min irid ikellmek iċempillek daqslikieku xejn. U addio l-ġurnata relax li tkun twebbilt biha. Għandu mnejn li jkollok tirritorna lura d-dar qabel il-ħin għax ikun wasallek xi messaġġ jew kellmek xi ħadd u l-tibda tara li aktar ikun jaqbel tibda l-ħidma li tkun waslitlek bla ħsieb milli tibqa’ tgawdi l-ġurnata. U jekk tibqa’ hemm moħħok ma jkunx kalm. Din x’waqfa hi?

Allura llum ħafna minna biex tassew jieqfu ftit ikollhom iħallu din l-art u jsierfu nqar għal tmiem il-ġimgħa. Tal-anqas bogħod minn Malta anke jekk tirċievi telefonata jew messaġġ li daħallek xi xogħol , ftit li xejn tkun tista’ tagħmel. Hekk biss tkun tista’ tiġbed naqra l-hand break tal-ħajja!

Randan
Billi bħalissa qegħdin fiż-żmien tar-Randan tajjeb li anke b’mod spiritwali nieħdu pawsa, niġbdu waħda l-hand break u nistrieħu ftit mill-ġenn ta’ matul is-sena. L-artikli tiegħi ma jkunux fuq linja ta’ spiritwalità, imma bosta drabi ma tistax tifred il-materjali mill-ispiritwali għaliex il-bniedem huwa annimal spiritwali wkoll u għalhekk bosta drabi l-ispiritwali jingħaqad mal-materjali. Fir-Randan ħafna jippruvaw jagħmlu xi tip ta’ sagrifiċċju. Is-sawm mill-ikel jista’ jkun ta’ ġid fiżiku għall-persuna. Qed taraw kif l-ispiritwali u l-materjali ma jinfirdux? Intant, fir-Randan tajjeb insibu ftit ħin għalina, ftit quality time. Hemm bżonn li niġbdu ftit il-hand break u nirriflettu ftit.

Użajt metafora f’isem dan l-artiklu, qabbilt lilna l-bnedmin ma’ karozzi. Ktibt li għandna niġbdu l-hand break biex nuri li għandna bżonn nieħdu pawsa mill-ħajja mgħaġġla u mimlija ġenn li qed ngħixu fiha. Nemmen li waqfa tista’ sservi ta’ ġid għal kulħadd, nemmen li waqfa tista’ tikkura dak li l-ebda mediċina ma tista’ tikkura. Nippruvaw niġbdu naqra l-hand break tgħid?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f''In-Nazzjon - 14 ta' Marzu 2020


Nessun commento:

Posta un commento