venerdì 28 febbraio 2020

Id-29 ta’ Frar


Is-sena li qegħdin fiha hija sena b’jum itwal minn dik li għaddiet jew minn dik li ġejja. Is-sena 2020 hija sena hekk imsejħa bisestili, sena li minflok 365 jum fiha 366. Nemmen li bosta minna jafu għalfejn isseħħ din il-ħaġa kull erba’ snin, imma għal min forsi ma jafx ngħid biss li s-sena, jiġifieri dawra sħiħa tad-dinja max-xemx, tieħu 365 jum u bejn wieħed u ieħor sitt siegħat. Dawk is-sitt sigħat ta’ kull sena jinġabru f’ ġurnata sħiħa kull erba’ snin u tiżdied ġurnata mal-iqsar xahar, sewwasew bħal-lum, id-29 ta’ Frar.

Kif inkunu nafu?
Biex wieħed ikun jaf jekk sena partikolari kinitx, jew hix se tkun bisestili jew le kull ma għandu jagħmel hu li jiddividi s-sena bin-numru erbgħa. Jekk dan jidħol sewwa fin-numru tas-sena allura dik is-sena tkun bisestili. Jekk nieħdu s-sena 2020 u niddividuha b’4 ikollna riżultat ta’ 505 eżatt. Mela din is-sena hija bisestili. Imma hemm eċċezzjoni għal din ir-regola. Kull mitt sena naqbżu sena bisestili. L-ewwel sena ta’ ċentinarju ma tkunx bisestili sakemm l-annu ma jkunx jiddividi ruħu b’400. Meta s-sena tal-bidu taċ-ċentianrju tkun tiddividi ruħha b’400 allura dik is-sena wkoll tkun bisestili. Is-sena 2000, il-bidu ta’ dan iċ-ċentinarju u millenju kienet sena bisestili għaliex 2000 diviżi b’400 jiġu 5 imma  mitt sena qabel, l-1900 minkejja li huwa numru li jista’ jiġi diviż eżatt b’4 u jagħtina riżultat ta’ 475, jekk tiddividih b’400 r-riżultat ma jkunx numru sħiħ imma 4.75. Forsi ftit imħawda l-biċċa imma din hija r-regola ta’ kif tkun taf jekk sena hix ser tkun bisestili jew le.

Kull qaddis jgħin
Ħafna mill-antenati tagħna kienu jassoċjaw bosta jiem tas-sena ma’ xi qaddis jew ieħor. Id-29 ta’ Frar għandu wkoll il-qaddis, anzi qaddisin li jiġu ċċelebrati fih. Ħalli naraw naqra min huma u ngħidu xi ħaġa fuqhom ukoll.

San Ilarju kien is-46 Papa. Huwa twieled ġewwa l-gżira ta’ Sardegna u sar Papa fid-19 ta’ Novembru tas-sena 461. Huwa laqqa’ sinodu ġewwa Ruma u kiteb bosta kitbiet dwar il-primat tal-Isqof ta’ Ruma. Huwa miet nhar id-29 ta’ Frar tas-sena 468. Tajjeb ngħidu li f’dak iż-żmien il-kalendarju li kien jintuża ma kienx dak li jintuża llum, allura l-jum tal-mewt ta’ dan il-Papa rridu ngħidu li taħbat mad-29 ta’ Frar tal-lum. San  Osvaldo ta’ Worcester twieled fl-Ingilterra minn ġenituri Daniżi. Huwa sar saċerdot u laħaq kanonku, daħal f’monasteru fejn daħħal f’bosta monasteri ir-regola ta’ San Benedettu, sakemm intgħażel bħala Arċisqof ta’ York u ta’ Worcester fis-sena 972.  Huwa miet b’fama ta’ qdusija fid-29 ta’ Frar tas-sena 992. Santu Wistin Chapdelaine kien saċerdot Franċiż imwieled fl-1814. Huwa mar fiċ-Ċina bħala missjunarju u hemmhekk ikkonverta bosta Ċiniżi għall-Kristjaneżmu. Kien maqbud u mitfugħ il-ħabs, itterturat u maqtul fid-29 ta’ Frar tas-sena 1856 ġewwa Sy-Lin-Hien. Il-Beata Antonia ta’ Firenze iżżewġet meta kienet għadha żgħira. Kellha tifel imma ma damitx wisq ma romlot. Daħlet mas-sorijiet tal-klawsura u kienet għal aktar minn darba Badessa. Hija mietet fid-29 ta’ Frar tas-sena 1472. Ġisimha għadu intatt u jinstab midfun f’monasteru fl-Aquila.
Forsi jkun hawn min jistaqsi jekk il-festa ta’ dawn il-qaddsin issirx darba kull erba’ snin. Meta s-sena ma tkunx bisestili l-festa tagħhom tkun iċċelebrata jum qabel.

Fl-istorja
F’dan il-jum seħħew ukoll xi ġrajjiet li tniżżlu fl-istorja. Fost oħrajn fl-1940 l-attriċi  Hattie McDaniel rebħet il-premju Oscar. Din kienet l-ewwel attriċi sewda li rebħet dan il-premju għall-parti li ħadmet bħala Mammy fil-film “Gone with the wind”. Dakinhar ukoll il-Fillandja bdiet it-taħdidiet għall-paċi mal-Unjoni Sovjetika.  Fl-1944 il-ġżejjer hekk imsjeħa tal-Ammiraljat, fl-Oċean Paċifiku ġew invaduti mill-Istati Uniti. Fl-1960 bħal dan il-jum kien seħħ terrimot qawwi fil-Marokk li qatel terz tal-popolazzjoni tal-belt ta’ Agadir. Aktar qrib tagħna naraw li fis-sena 2004 ġewwa Ħaiti kienet saret rivoluzjoni li ġegħlet lill-President Jean-Bertrand Aristide iħalli l-pajjiż.

Dawn huma ftit mill-ġrajjiet li seħħew nhar id-29 ta’ Frar. Hemm nies famużi li twieldu f’ dan il-jum, hemm oħrajn li ħallew din id-dinja bħal-lum ukoll. Dawk li twieldu bħal-lum hemm minnhom li jiċċelebraw għeluq sninhom jum qabel u hemm oħrajn li jiċċelebrawh fl-ewwel ta’ Marzu. Hija għażla ta’ dak li jkun jekk jiċċelebrax jum qabel jew jekk jistenniex li jibda Marzu. Fost il-personalitajiet Maltin li twieldu f’dan il-jum insibu lil Carmel Busuttil il-Bużu, l-ex player internazzjonali. Din is-sena dawn se jkunu jistgħu jiċċelebraw għeluq sninhom fil-jum propju.

Jum li jiġi biss darba kull erba’ snin, huwa jum speċjali u interessanti ħafna

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon - 29 ta' Frar 2020


Nessun commento:

Posta un commento