venerdì 21 febbraio 2020

Idur mad-Dinja


Spiss fil-kitbiet tiegħi noħodkom f’xi post interessanti, li aktarx inkun żort iżda llum il-ħsieb tiegħi waqa’ fuq post li ħadd minnha ma mar fih. Illum ħlomt bil-qamar!

Nitfa tagħrif
Hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq il-qamar imma jien la jiena astronawta u lanqas nifhem fix-xjenza allura se nwassal dak li fittixt dwaru u li kien ta’ interess għalija u nispera li jkun għalikom ukoll. Il-qamar huwa maħsub li ilu jeżisti madwar 4 biljun sena u nofs, jew ftit wara li kienet inħolqot id-dinja. Aktarx li dan ifforma minn blata li tfarrket f’ħabta bejn id-dinja tagħna u pjaneta oħra bl-isem ta’ Theia. Huwa jinsab tliet mija u erbgħa u tmenin elf u erba’ mitt kilometru bogħod mid-dinja tagħna. Biex vettura spazjali tasal fuq il-qamar trid bosta sigħat u jiddependi jekk il-vettura jkolliex nies fiha jew le. Vettura spazjali bin-nies tista’ tasal fuq il-qamar bejn wieħed u ieħor fi tlett ijiem filwaqt li vettura bla bnedmin fuqha tista’ tasal f’inqas minn nofstanhar. Il-qamar tad-dinja tagħna huwa wieħed mill-bosta qmura li nsibu fis-sistema solari imma huwa l-akbar wieħed li jeżisti.

Marbut mal-imħabba
Il-qamar donnu għandu rabta speċjali mal-maħbubin, bħal donnu sinonimu mal-imħabba. Dan għandu mnejn intrabat mal-maħbubin għax dawn aktarx jiltaqgħu meta hu jkun jidher mid-dinja. U ha ngħiduha kif inhi, mixja għad-dawl tal-qamar hija meravilja. Tant hu hekk li anke l-miżżewġin friski jgħidu li fl-ewwel żmien ikun fuq qamar il-għasel. Din ta’ qamar il-għasel ma hijiex xi ħaġa tal-Maltin biss għax l-Ingliżi jsejħulu honeymoon, kelma li daħlet fostna u keċċiet il barra il-kelma Maltija, u t-Taljani wkoll isejħulu luna di miele. L-Ispanjoli jsejħulu Luna de miel u l-Franċiżi Lune de miel. Mela qed naraw li l-qamar huwa marbut mal-imħabba mhux f’pajjiżna biss.

Mal-kant
Il-qamar insibuh ukoll imsemmi f’bosta kanzunetti. L-ewwel ma tiġi f’moħħi hija dik Taljana ta’ Gianni Togni li propju ġġib l-isem “Luna”. Mużika mill-isbaħ hija dik li jisimha “Moonlight seranade” filwaqt li niftakar f’żgħożiti u fid-diska ta’ Mike Oldfield “Moonlight shadow”. Ftakart kemm konna nisfnuha fis-snin tmenin. Niftakar ukoll il-kliem tad-diska “That’s amore” li jgħid li “when the moon hits your eyes like a big big surprise that’s amore”. Inkun qed nonqos jekk hawnehkk ma nsemmix diska Maltija li titratta l-qamar għalkemm ma għandha x’taqsam xejn mal-imħabba jew il-maħbubin. Qed nirreferi għad-diska ċajtiera ta’ Charles Clews bl-isem “Sparaw għall-Qamar”. Kemm kienet popolari fi tfulti dik id-diska. Illum il-kantant tagħha miet u kważi mietet ukoll il-kanzunetta bil-Malti…. sfortunatament.

Fi kliemna
Meta nitkellmu ġieli nużaw il-qamar biex infissru dak li nkunu rridu ngħidu. Ġieli nirreferi għal xi persuna bħala “qamar” għax ma tkunx tista’ toqgħod fuqha. Dan minħabba li l-attitudni ta’ bniedem bħal dan tvarja spiss sewwasew kif ivarja l-qamar, daqqa kwinta u daqqa jidher biċċa biss minnu. Il-qamar ukoll jiġi assoċjat ma’ dawk li jbatu bl-epilessija. Illum ma tantx għadna nisimgħha imma qabel għal dawn in-nies kienet tintuża l-frażi li “jbatu b’tal-qamar”. Imbagħad meta wieħed ikun irid jindika xi forma ta’ tpattija jew ta’ nkwiet li jkun ser jidħol fih insibu l-idjoma;  “il-qamar fil-bir”.  Meta wieħed ikun mifxul ngħidu li qisu “qiegħed fuq il-qamar” u meta wieħed ikun xi ftit stramb ġieli nsejħulu bħala wieħed li waqa’ mill-qamar.

Simboli
Il-qamar insibuh ukoll fl-araldika. Wieħed mill-Granmastri li mexxew pajjiżna kellu l-arma ta’ kunjomu turi ħames nofs qmura. Dan kien Emanuel  Pinto de Fonseca, Portuġiż li mexxa l-Ordni bejn l-1741 sal-1773. Billi dan il-Granmastru kien ta ismu lir-raħal ta’ Ħal Qormi, il-kunsill lokali ta’ din il-lokalità għandha l-arma b’dawn il-ħames nofs qmura wkoll. Dawn l-istess ħames nofs qmura jidhru wkoll fl-arma tal-Università ta’ Malta. Fuq l-arma tal-kunjom Ellul insibu wkoll in-nofs qamar. Aktarx li dan il-kunjom ġej mill-Għarbi Hilal li tfisser nofs qamar. In-nofs qamar jidher ukoll fuq l-arem tal-familji Inglott, Sultana u Laiviera. In-nofs qamar jirrapreżenta wkoll is-simbolu tal-fidi Musulmana sewwasew kif l-istilla ta’ David tirrapreżenta lil-Lhud u s-salib jirrapreżenta lill-Insara.  Insibu bosta bnadar ta’ stati li fihom jidher in-nofs qamar. Fost l-aktar popolari  hemm il-bnadar tal-Alġerija, l-Ażerbajġan, il-Bangladesh, il-Burunei, tal-Libja, tat-Tuneżija, tat-Turkija, tal-Pakistan u ta’ Singapore. Dawn ma humiex l-uniċi bnadar bin-nofs qamar, anzi huma inqas minn nofshom.
Illum dorna dawra mal-qamar. Hemm ħafna aktar xi ngħidu dwaru.

Illejla jekk tħares il fuq lejn is-sema tkun tista’ tgħid li minkejja li huwa daqstant bogħod minna, xorta nħossuh qrib tagħna għax insemmuh spiss fil-ħajja tagħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Frar 2020







Nessun commento:

Posta un commento