Fl-erbgħin jum jew ftit
aktar ta’ qabel it-tifkira tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù
Kristu, l-Knisja Kattolika tistedinna sabiex inħejju ruħna sewwa b’ talb,
penitenza u sawm għall-akbar festa tal-Knisja Kattolika. Imma kif bdiet
sewwasew din id-devozzjoni jew drawwa li llum hija parti mill-kalendarju
liturġiku? Huwa maħsub li l-ewwel nies li bdew jagħmlu xi forma ta’ penitenza
qabel l-Għid il-Kbir kienu l-irħieb tad-deżert. Oħrajn għamlu bħalhom u nħoloq
ir-randan. X’ inhuma dawn l-irħieb? Huma speċi ta’ patrijiet tal-klawsura–
eremiti jew le li matul is-snin sawru il-fenomenu tal-monakiżmu. Interessanti
naraw ftit l-istorja tal-monakiżmu.
Il-monakiżmu kien fenomenu f’ bosta reliġjonijiet.
Hemm dejjem il-problema tal-oriġini tal monakiżmu. Kemm tassew twieled għal
raġunijiet spiritwali? Huwa tassew espressjoni tal-Kristjaneżmu? Le għax l-irħieb insibuhom ukoll fil-Ġudajiżmu,
fil-Buddiżmu u f’reliġjonijiet Eġizzjani. Nafu li l-Lhud kellhom komunitajiet
ta’ Esseni, bħal dik ta’ Qumran. Hemm dawk li jgħidu li l-monakiżmu Kristjan huwa imitazzjoni ta’ monakiżmu ieħor aktar
antik. Imma fil-monakiżmu Kristjan hemm il-motiv, l-imitazzjoni ta’ Kristu,
ħaġa li ma tinstabx f’ monakiżmu ieħor u hija propju dil-ħaġa li tagħmel
il-monakiżmu Kristjan uniku. Kienet ix-xewqa ta’ dawn l-irħieb li jinitaw
l-erbgħin jum li Kristu għadda fid-deżert fit-talb u s-sawm li taw bidu
għar-Randan.
Wara
l-persekuzzjoni ta’ Dijoklezzjanu li bdiet fis-sena 303, kien l-Imperatur
Kostantinu li ta l-libertà tal-kult fis-sena 313. L-Imperatur Toedoro għażel
il-fidi ta’ Kristu bħala r-reliġjon uffiċjali tal-Imperu Ruman. Kien f’ dan
l-ambjent li twieled il-monakiżmu Kristjan bħala l-istmerrija jew il-ħarba mid-dinja
u l-mixja fuq il-passi ta’ Ġesù. Aħna nafu xi ħaġa dwar
il-patrijiet tad-deżert grazzi għall-kitba ta’ Atanasju li kiteb il-ħajja ta’
Sant’ Anton Abbati. Iżda minn din il-kitba insibu li Anton kien mar għand raħeb
ieħor fid-deżert, għalhekk huwa ma kienx l-ewwel raħeb. Xorta waħda, il-kitba
ta’ Atansaju hija fondamentali għall-monakiżmu Kristjan. Nafu li fil-bidu
ir-raħeb kien ifittex li jgħix waħdu fid-deżert, eremita, imma xi dixxipli
kienu jmorru jingħaqdu miegħu u b’ hekk kienet tinbena speċi ta’ belt, kienet
titwieled komunità. Nafu li l-ewwel monakiżmu Kristjan beda fl-Eġittu. Minbarra
l-ħajja ta’ Sant’ Anton Abbati ta’ Atanasju għandna wkoll miktuba il-ħajja
tar-raħeb Pawlu miktuba minn Ġilormu.
Il-monakiżmu Eġizzjan, ta’ stil eremitiku, huwa meqjuz
bħala l-benniena tal-monakiżmu Kristjan. Dan l-istil ta’ ħajja beda kull ma
jmur jinfirex u ftit wara nsibuh fil-Palestina. L-eremita kien oriġinarjament
imu rifittex li jgħix waħdu imma d-dixxipli tiegħu kienu jsegwuh u b’hekk
kienet tifforma komunità ta’ dixxipli madwaru. Ir-raħeb kien jissejjaħ Abba li
minnha ħadna l-kelma abbati (mhux l-abbati li jgħin il-quddiesa imma l-abbati
li jmexxi l-monasteru). Meta l-komunità kienet tikber ġmielha ġieli ġara li
l-Abba jitlaq sabiex jgħix ta’ eremit imma ġieli ġara li kienet tifforma komunità
oħra f’ xi post ieħor fid-deżert. Hekk insibu li dawn il-patrijiet tad-deżert
jew kienu jgħixu waħedhom bħala eremiti jew inkella f’ komunità, jew aħjar f’
dak li jissejjaħ monakiżmu ċenobitiku (mhux eremitiku). Sostanzjalment il-ħajja
tal-patrijiet tad-deżert hija dik ta’ solitudni sew fil-ħajja eremitika kif
ukoll f’ dik ċenobitika. Lejn l-aħħar snin ta’ ħajjet Anton insibu forma oħra
ta’ monakiżmu, dak imsejjaħ Lawrota. Dan huwa forma ta’ monakeżimu komunitarju
u mhux aktar eremitiku u li lanqas huwa ċenobitiku. Kien Paċinu l-ewwel li
waqqaf din it-tip ta’ ħajja reliġjuża. Il-monasteru kien imsejjaħ Lawrja. Il-kap kien
l-abbati u dan kien jaqsam lill-komunità fi gruppi ta’ għoxrin għoxrin u kull
grupp kellu dekan li jirrapreżentah quddiem l-abbati. Din il-forma
ta’ monakiżmu għadna nsibuha sal-lum fil-monasteri tal-irħieb Ċertosini u Kamaldolesi.
Il-monakiżmu kellu dejjem il-ħsieb li jimita kemm jista’
jkun lil Kristu imma fis-Sirja twieled stil biżarr ta’ monakiżmu minn Teodoru
ta’ Ciro. F’dan it-tip ta’ monakiżmu insibu li kien hemm raħeb li ddeċieda li
jgħix fuq kolonna, oħrajn kienu jgħixu f’ oqbra, insomma forma estrema kważi
kważi inumana.
Bażilju ta’ Ċesarea beda il-monakiżmu fl-Asja. Huwa kiteb
regola u sal-lum fid-dinja ortodossa l-uniku monakiżmu li jinstab huwa dak
imwaqqaf minn dan il-qaddis. Huwa jinsisti ħafna fuq il-ħajja komunitarja. Fl-Oċċident
insibu li fl-415, Ġwanni Cassiano waqqaf żewġ monasteri f’ Marsilja fi Franza,
wieħed għan-nisa u l-ieħor għall-irġiel. Cassiano għal xi żmien kien għex
fit-Terra Santa, propju f’ Betlem kif ukoll fl-Eġittu u għalhekk kien iltaqa’
ma bosta irħieb. Huwa ħa it-tradizzjoni u t-teoloġija tal-monasteri Orjentali
fl-Oċċident.
Imma bla dubju l-akbar
persunaġġ fejn jidħlu l-irħieb fl-ewropa huwa San Benedettu ta’ Norċja. Dwar
dan il-bniedem ftit li xejn nafu u hemm min jgħid li mhux vera kien jeżisti.
Il-Papa Gregorju l-Kbir fil-ktieb tiegħu ‘Libro
dei Dialoghi’, li kien jiġbor
il-ħajjiet ta’ qaddisin Taljani, kiteb il-ħajja ta’ San Benedettu. Il-ħajja ta’
dan il-qaddis kif miktuba minn dal-Papa tixbaħ ħafna l-ħajja ta’ San Anton
Abbati miktuba minn Atanasju. Insibu żewġ persuni bl-istess isem, Benedettu ta’
Aniome u Benedettu ta’ Norċja. Dak ta’ Aniome għex fil-bidu tas-seklu IX u
daħal f’ monasteru tal-Imperatur Karlu Manju. Studja ir-regoli ta’ bosta
monasteri u kiteb ktieb bl-isem Concordia
Regulorum. Meta Karlu Manju fis-sena 800 mar Ruma biex ikun inkurunat
Imperatur kien ħa miegħu kopja ta’ dan il-ktieb. F’ San Giovanni in Laterano
kien imwaqqaf monasteru u Karlu Manju irregala dan il-ktieb lilhom biex jimxu
ma’ dik ir-regola. L-irħieb adottaw din ir-regola. Meta l-Imperatur mar lura
Franza, ħa miegħu kopja tar-regola ta’ Benedetto ta’ Norċja. Oriġinarjament ir-regola
ta’ Benedetto ta’ Norċja inkitbet għall-monasteru ta’ Monte Cassino fl-Italja.
Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien
aktar bdew jinfetħu monasteri. Kull meta kien jinfetaħ monasteru kienet
tinkiteb regola għalih. Kienu jittieħdu partijiet minn xi regoli oħra imma qatt
ma kienet tkun l-istess regola għal żewġ monasteri differenti. Insibu regoli
ta’ San Kolombanu u ta’ San Martin ta’ Tours fost bosta oħrajn. Dawn iż-zewġ regoli
jixxiebħu ħafna bejniethom. Wara l-mewt ta’ Karlu Manju fis-sena 814, inħatar
Ludoviku bħala l-imperatur u dan ta ordni li kull monasteru fl-imperu kellu
jħaddan ir-regola ta’ San Benedettu ta’ Norċja. Issa minn Spanja sa l-Italja
il-monasteri kellhom l-istess regola u bdew jissejħu Benedittini. Meta
monasteru jissejjaħ benedittin ma jkunx ifisser li jkun imwaqqaf minn San
Benedettu imma jkun ifisser li jkollu r-regola ta’ dan il-qaddis.
Il-monakiżmu infirex
ukoll bis-saħħa ta’ San Kolombanu. Jingħad li l-kultura klassika Latina kienet
salvata mill-patrijiet Irlandiżi u Ngliżi. L-Irlanda kienet saret art
tal-monasteri. Minkejja li kien hemm l-isqfijiet, kien l-Abbati li jipprietka.
Ir-regola ta’ dawn l-irħieb kienet iebsa u fost oħrajn kellhom l-ordni
tal-Pellegrinaġġ. Il-Pellegrinaġġ ifisser li patri jħalli pajjiżu lejn xi
pajjiż ieħor, imur u hemmhekk iwaqqaf monasteru ieħor. Fost dawk li wettqu dan
il-Pellegrinaġġ u waqqfu xi monasteru fl-Ewropa insibu lil Kolobanu, Patrizju,
Gallo u Bonifaċju. Minbarra t-talb, is-sawm, u l-ħajja tal-monasteru, dawn
il-patrijiet kienu jikkuppjaw bosta kotba, kotba miktubin bl-idejn, kelma
kelma. Kienu jiktbu kotba ta’ spiritwalità, ta’ grammatika, ta’ storja u ta’
kull ġeneru ieħor. B’ hekk grazzi għal dawn il-manuskritti infirxet
il-letteratura fl-Ewropa. L-idea fondamentali sa mill-bidu kienet Ora et Labora, talb u xogħol.
Aktar monasteri bdew
jitwaqqfu u bħalma jiġri dejjem aktar ma jkollok truf aktar titbiegħed
mill-oriġinal. Twieldet l-idea li jibdew jiġu ċċelebrati l-quddies b’ suffraġju
għall-mejtin u kienet skartata l-idea tax-xogħol manwali. Insibu issa
l-benedettini bojod u l-Benedettini suwed. Bojod u suwed mhux fil-kulur
tal-ġilda imma fil-kulur tal-ilbies tagħhom. Sal-lum għadna nsibu dawn iż-żewġ
kuluri fl-ilbies tal-irħieb. L-irħieb li jilbsu l-abjad huma dawk li żammew
mar-regola stretta, ħafna drabi g]adhom iżommu l-klawsura, filwaqt li dawk li
jġorru l-abitu iswed huma dawk li rriformaw ir-regola u saru rħieb ta’ ħajja
attiva.
Dawk li żammew mar-regola
li jaħdmu l-art bdew kull ma jmur ikabbru t-teritorji tal-monasteri sakemm tant
kibbru l-għelieqi ta’ madwar il-monasteri li kellhom jinbnew il-grangi. Il-grangi
kienu bħal djar fit-truf tal-art tal-monasteru fejn fihom kienu jgħixu
il-frajiet u l-monaki matul il-ġimgħa. Nhar ta’ Sibt kienu jmorru lura lejn
il-monasteru biex il-jum tal-Ħadd jgħadduh flimkien u jerġgħu lejn il-granga
it-Tnejn filgħodu. Insibu wkoll monasteri fewdali fejn xi prinċep jew duka
jkollu biċċa art kbira u fiha jibni monasteru u jgħaddih lill-irħieb, imma
l-art tibqa’ dejjem tal-prinċep jew tad-duka. Ġiljan ta’ Aquatomja fis-sena 910
waqqaf monasteru fi Cluny ġewwa Franza bil-ħsieb li jirriforma l-monakiżmu.
Huwa għadda l-monasteru tiegħu f’ idejn il-Patrimonium
Sancti Petri, jew aħjar f’ idejn Ruma. Bosta monasteri oħra għamlu bħalu u
minn dak iż-żmien il-monasteri
waqgħu taħt il-Papa u mhux iżjed taħt il-prinċep jew id-duka.
Illum l-aktar monaċi
magħrufa minbarra l-bosta Benedittini huma l-Kamaldolesi, imwaqqfa minn San
Romuald madwar is-sena 1012, iċ-Ċertożini imwaqqfa minn San Bruno fl-1084 u
ċ-Ċisterċensi imwaqqfa minn San Robertu ta’ Molesme fl-1098. Dawn li semmejna
hawn huma kollha monasteri jew patrijiet tar-rit Latin u mhux ortodossi għax
fir-rit ortodoss hemm dinja oħra ta’ monasteri. Tajna ħarsa fuq fuq lejn il-monasteri
maskili għax hemm ukoll dawk femminili li minnhom insibu anke Malta, fosthom
il-Belt Valletta, Il-Birgu, l-Imdina u San Ġiljan. Monasteri maskili f’ Malta
ma nsibux.
Il-monasteru għadna
nsibuhom illum ukoll imferrxin madwar id-dinja, u ma humiex vojta. Insibu wkoll
xi Maltin f’ dawn il-monasteri, tassew li huma waħdiet, imma dejjem jibqgħu
Maltin. Kienu dawn l-irħieb li taw bidu għaż-żmien ta’ penitenza tar-randan,
kienet ix-xewqa li jkunu bħal Kristu li wasslithom biex iħallu kollox warajhom
u jinġabru f’ monasteru. Tiskanta kif illum, elfejn sena wara l-miġja ta’
Kristu għad hawn min jissaħħar warajh u jipprova jimitah f’ ħajja ta’
solitudni, skiet, talb u xogħol.
Fr. Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, Ġimgħa Mqaddsa 2010
Nessun commento:
Posta un commento