sabato 22 marzo 2014

Riħa ta’ nagħaġ

Jorge Mario Bergoglio għadu kemm għalaq  sena minn meta l-kulleġġ tal-kardinali għażlu biex imexxi l-Knisja ta’ Kristu. Trid jew ma tridx dlonk tinduna bil-bidla fl-istil tat-tmexxija u fil-kariżma ta’ dan il-Papa minn dawk tal-Papa ta’ qablu. Li tqabbel persuna ma’ oħra ma hijiex ħaġa tajba, aktar u aktar meta qegħdin nitkellmu dwar żewġ mexxejja tal-Knisja ta’ Kristu. Ma nistgħux ninjoraw li s-snin tal-Papa Ratzinger kienu snin li raw bidla kbira fid-dinja, bidla fil-mentalità li seħħet permezz tal-ħeffa fil-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni. Huwa ħallielna għadd ta’ kitbiet li għanew mhux biss lill-Knisja imma lill-umanità kollha. Il-Papa Franġisku għandu karattru differenti u qiegħed jiġbed is-simpatija ta’ bosta eluf li kienu tbegħdu mid-dgħajsa ta’ Pietru.

Diskors li jifhmu kulħadd
Dawk li joqgħodu fil-qalba ta’ Ruma jafu sewwa kemm żdied in-numru ta’ persuni li kull nhar ta’ Erbgħa jimlew Pjazza San Pietru fil-Vatikan sabiex jisimgħu l-udjenza tal-Papa. L-istess nistgħu ngħidu għall-Angelus ta’ nhar ta’ Ħadd. Forsi s-sigriet ta’ dan il-fenomenu huwa l-mod li bih jitkellem il-Papa. Huwa jagħżel li jitkellem b’ mod li jifhmuh it-teologi u jifhmuh ukoll dawk li bilkemm jafu jroddu s-salib. Allura b’ dan il-mod il-messaġġ jasal fejn għandu jasal mingħajr tfixkil. Ħaġa li n-nies saret tistenna kull nhar ta’ Ħadd hija l-awgurju tal-ikla t-tajba wara l-Angelus tal-Ħadd.

Diskorsi f’ waqthom
Bħala Kap tal-Knisja dan il-Papa qiegħed ikollu bosta okkażjonijiet fejn iwassal messaġġ mhux biss lill-fidili imma wkoll lis-saċerdoti li wara kollox huma l-ħaddiema diretti bejn il-Papa u l-Isqfijiet u l-poplu. Fost il-frażijiet famużi kien qalilna li aħna s-saċerdoti rridu jġorru fuqna r-riħa tan-nagħaġ (28/03/13). Frażi li biha ried ifisser li s-saċerdot għandu jkun ragħaj. Għandu jkun f’ nofs il-merħla. Ikolli nistqarr li din hija għadma li fiha ftit mhux ħażin x’ wieħed imexmex. Is-saċerdot ma għandux joħlom bil-karriera, ma għandux jaspira żżejjed. L-ewwel u qabel kollox għandu jżomm f’moħħu li huwa għażel triq li tfisser qadi u mhux triq li fiha jkun moqdi.

Awtokritika
Ma nixtieqx ninftiehem ħażin jew ikun hawn xi ħadd jaħseb li rrid inwassal xi messaġġ moħbi. Kieku rrid inwassal messaġġ lil xi persuna ma ninqediex b’ post pubbliku bħalma huwa ġurnal. Irrid biss naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet. Irrid nagħmel ftit kritika lili nnifsi għax l-awtokritika tagħmel il-ġid. U nistaqsi kemm jien l-ewwel wieħed qiegħed immur f’ nofs il-merħla u kemm tassew qiegħed inġorr fuqi r-riħa tan-nagħaġ. X’ qiegħed nagħmel fil-ġurnata? Inqaddes u ngħid: Ġewwa l-ġurnata, jew qed nipprova nkun ta’ servizz lil min għandu bżonn? Xi wħud minna donnhom li l-għeluq tal-konfessjonarju jagħmlilna ħażin, jew forsi nbatu bil-klastrofobja. Imma lil bosta minna l-għeluq tal-ajruplani ma jagħmlilniex deni.

Min-naħa l-oħra
Il-munita fiha żewġt uċuħ u għalhekk ma nistgħux nieqfu fuq naħa minnhom biss. Fuq in-naħa l-oħra tal-munita hemm il-poplu. Kemm għadu jirrikorri l-poplu lejn is-saċerdot? Kemm huma dawk li ma jersuqx lejn il-Knisja ħlief għal xi festa? Jekk ikkritikajt lir-rgħajja nkun qed nonqos jekk ma nsemmix lin-nagħaġ. Nafu li hawn bosta li fost is-sena ma tarahomx b’ nemes fil-knisja imma meta tasal il-festa jew il-Ġimgħa l-Kbira tarahom fuq quddiem donnhom imwejjed tal-qubbajd. Mhux sew lanqas dan.

Ejjew nerġgħu niftakru fil-kliem tal-Papa. Biex is-saċerdot ikollu rieħa ta’ nagħaġ irid jersaq lejnhom imma jrid isib nagħaġ li jħalluh jersaq lejhom. Għandna bżonn xulxin.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 22 ta' Marzu 2014







Nessun commento:

Posta un commento