Is-sinjal tas-salib huwa s-sinjal Nisrani l-aktar magħruf. Għall-Insara huwa
s-simbolu li jfakkar fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien mill-imwiet li
ssegwi. Għar-Rumani kien il-mezz li bih tingħata l-piena kapitali. San Pawl
jgħidilna li s-salib kien “skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani” (1 Kor 1,
23) imma għan-Nisrani huwa fidwa. Illum is-salib bil-ġisem ta’ Ġesù imsallab
fuqu jissejjaħ kurċifiss u nsibu r-rapreżentazzjoni tiegħu mhux biss fil-knejjes
imma f’mużewijiet, palazzi u fi djar privati. Bosta artisti ta’ fama kbira
ħallewlna din ir-rapreżentazzjoni ta’ Kristu fuq is-salib. Illum il-kurċifiss
huwa s-simbolu magħruf tal-Kristjanità. Insibu wkoll kurrent kontra
il-kurċifiss f’postijiet pubbliċi. Tajjeb inkunu nafu li l-qima lejn il-kurċifiss ma kinitx
teżisti mill-bidu tal-kristjaneżmu.
Bidu
Jekk irridu nistudjaw l-ewwel żminijiet tal-kristjaeżmu rridu ninżlu
fil-katakombi ta’ Ruma. Hemmhekk insibu sinjali ta’ slaleb minquxin fil-ġebel
jew impittra mal-ħajt, imma akatrx li din il-ħaġa hija rarità għaliex aktar
insibu simboli oħra milli slaleb bħalma huma il-ħuta li diġà semmejna, il-ħobż
u l-ankra. Wara d-digriet tal-Imperatur Kostantinu, li ta l-libertà lill-kult
Nisrani, bdejna nsibu slaleb fuq il-lapidi tal-oqbra maġenb l-isem tal-midfun.
Ovvajment is-salib kien isir biss jekk il-mejjet ikun Nisrani. Insibu tliet
tipi ta’ slaleb, forma ta’ T, is-salib Latin
u s-salib Grieg +. Issa is-salib sar
is-sinjal universali tal-Knisja u bdejna insibuh fl-ewwel knejjes. Qegħdin
nitkellmu dwar slaleb u mhux dwar kurċifissi. Bdejna nsibu slaleb fil-mużajċi
tal-apsidi tal-bażiliċi – slaleb imżejnin b’ħaġar prezzjuż sabiex jindika li
s-salib huwa t-tron tas-Sultan tad-dinja. Waħda mill-ewwel knejjes li kellha
salib ta’ dan it-tip hija l-knisja ta’ Santa Prudenzjana f’Ruma. Eżempju ieħor ta’ dan it-tip ta’ salib
insibuh fil mawsolew ta’ Galla Placida ġewwa Ravenna.
Kurċifiss
Sa issa l-ebda salib ma kien juri lil Kristu msallab fuqu. L-ewwel darba li
kien muri Kristu msallab kien fis-seklu V. Fil-bieb tal-bażilika ta’ Santa
Sabina fuq il għolja tal-Aventino ġewwa Ruma – dik li llum hija l-Knisja
tal-kurja ġenerali tal-Ordni tal-Predikatari (id-Dumnikani), insibu panew
skulturat bi Kristu msallab. Huwa l-ewwel eżempju ta’ din it tip ta’
ikonografija Kristjana. Lil Kristu insibuh b’idejh miftuħin iżda warajh ma
hemmx is-salib.
Fl-arti
Ma nistgħux nitkellmu fuq il-Kristjaneżmu jekk ma nsemmux l-Italja. Irridu
jew ma rridux bilfors min hemm irridu nitilqu biex nitkellmu dwar l-arti
Kristjana. Jekk il-fidi Nisranija bdiet fir-raħal ta’ Nazzaret, l-arti
Nisranija bdiet fil-belt ta’ Ruma u nxterdet malajr fl-ibliet qrib. Qrib
is-sena 1000 bdejna nsibu bosta kurċifissi mpittrin fuq l-injam u mdendlin
fil-knejjes. Xi katidrali kienu jiġu mogħtija slaleb tal-fidda mill-isfijiet
tagħhom. Tajjeb insemmu xi eżempji minn dawn.
L-isqof Aribertu ta’ Milan kien ta salib tal-fidda lid-Duomo ta’ din
il-belt fl-1018 u l-Isqof Iljun offra salib tal-fidda lid-Duomo ta’ Vercelli
aktarx fl-1026. Mhux isqfijiet biss kienu jagħmlu offerti bħal dawn. Il-badessa
Raingarda kienet tat is-salib tal-fidda tagħha lill-katidral ta’ Pavia madwar
is-sena 996.
Wasal imbgħad iż-żmien fejn bdew jitpittru bosta kurċifissi u nistgħu
ngħidu li l-Italja hija mimlija b’dawn il-kurċifissi mpittrin fuq l injam. Xi
wħud minnhom huma xogħol ta’ artisti magħrufin.
Aktarx wieħed mill-aktar kurċifissi magħrufin ta’ dan it-tip huwa dak li
nsibu fil-Bażilika ta’ San Duminku ġewwa Bologna. Dan huwa xogħol ta’ Giunta
Pisano. Huwa xogħol li tpitter bejn l-1250 u l-1254 u llum għadu jinstab
fl-istess bażilika. Fuq il-passi ta’ Pisano imxew artisti oħrajn sabiex ħolqu
kurċifissi fuq l-istess linja, xejn inqas famużi minn dak ta’ Bologna. Madwar is-sena 1275, Cimabue pitter kurċifiss
simili għall-knisja tas-Salib Imqaddes ġewwa Firenze. Illum il-kurċifiss ta’
Cimabue jinstab fil-mużew ta’ Santa Croce ġewwa l-istess belt. L-istess artist
pitter kopja tal-kurċifiss ta’ Pisano għall-knisja ta’ San Duminku ta’ Arezzo bejn l-1268 u l-1271. Lejn tmiem
is-seklu tlettax, Giotto pitter il-kurċifiss li nsibu fil-Knisja ta’ Santa
Maria Novella f’Firenze. Din il-knisja hija knisja oħra tad-Dumnikani, dan
ifisser kemm dawn il-patrijiet kienu devoti ta’ din ix-xbieha u kemm ħadmu biex
ixerdu l-kult lejn il-Kurċifiss.
Artisti
Minn issa ’l quddiem nistgħu nibdew insemmu lista ta’ artisti li pittru
l-kurċifiss, imma nsemmu biss dawk l-aktar famużi. Bejn l-1304 u l-1306, Giotto
pitter il-kappella mgħarufa bħala Cappella degli Scrovegni, ġewwa Padova u fost
pittura oħra nsibu l-Kristu msallab. Il-beatu Angelico wkoll ħallielna xbiehat
ta’ Kristu fuq is-salib. Fil-mużew San Marco ta’ Firenza dan id-Dumnikan għandu
l-pittura tal-kurċifiss u pittura oħra ta’ Kristu fuq is-salib qiegħed jiġi
minfud bil-lanza, li saru bejn l-1337 u l-1346. Fis-sekli ħmistax u sittax
insibu bosta artisti minn madwar l-Ewropa li ħadmu fuq din ix-xena u ħallewlna
opri kbar li juru l-kurċifiss. Mathias Grünewald, Paolo Uccello, Maestro von Sigmaringen, Quentin Massys, Andrea
Mantegna, Rembrandt, Robert Campin, Van Eyck, Hans Pleydenwurff, Johann Koerbecke, Hans von Tübingen, Albrecht
Dürer, Albrecht Altdorfer, Mathias
Grünewald, Francesco del Cossa, Luca Signorelli u oħrajn.
Aktar tard komplejna ngawdu opri oħrajn dwar din ix-xena bħal Kristu fuq
is-salib ta’ Francisco de Goya tas-sena 1780 u li llum insibuha ġewwa l-mużew
del Prado f’Madrid. Opra famuża ta’ żmienna hija l-kurċifiss ta’ Salvador Dali
tal-1951 u li tinsab fil-gallerija tal-arti fi Glasgow.
Kurċifissi magħrufa
Ma nistgħux nitkellmu dwar il-kurċifissi u ma nsemmux is-salib magħruf
bħala ta’ San Damjan. Dan il-kurċifiss li nsibu ġewwa l-knisja ta’ Santa Kjara
f’Assisi huwa dak il-kurċifiss li quddiemu kien qiegħed jitlob San Franġisk
meta semgħu jgħidlu biex jibni mill-ġdid il-Knisja. Huwa salib li l-istil
tiegħu kien komuni ħafna ġewwa l-Umbrija fis-seklu XII. Il-kurċifiss li llum
insibu fil-knisja ta’ San Damjan f’Assisi huwa replika ta’ dan il-kurċifiss
tant għażiż mal-Franġiskani. Tajjeb li insemmu wkoll kurċifiss ieħor li għandu
rabta ma’ qaddis kbir ieħor. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Domenico Maggiore
fil-belt ta’ Napli nsibu l-kappella tal-Kuċifiss. Il-kurċifiss li hemm fiha llum
huwa riproduzzjoni tal-kurċifiss antik tas-seklu XIII li skont it-tradizzjoni
jingħad li waqt li San Tumas ta’ Akwinu kien qiegħed jitlob quddiemu tkellem u
qallu: Tumas, ktibt tajjeb ħafna dwari. Xi trid nagħtik? Il-qaddis dlonk
wieġbu: Xejn ħliefek, Mulej!
Kurċifissi skolpiti
Semmejna hawnhekk kurċifissi mpittrin u għalhekk jixraq nagħtu ħarsa lejn
xi kurċifissi skolpiti li huma famużi. Fil-knisja tas-Salib Imqaddes ġewwa
Firenze nsibu l-kurċifiss imnaqqax fl-injam maħdum minn Donatello. Aktarx li
nħadem bejn l-1406 u l-1408. Ġewwa l-istess belt, fil-Knisja ta’ Santa Maria
Novella nsibu kurċifiss tal-injam minqux bejn l-1410 u l-1415 minn Brunelleschi.
Ta’ min jgħid li din hija l-opra waħdanija ta’ dan l-artit li nafu biha li hija
minquxha fl-injam. Nerġgħu nsemmu lil Donatello. Bejn l-1444 u l-1447 dan
l-artist għamel il-kurċifiss ta’ fuq l-altar maġġur li hemm fil-bażilika ta’
Sant’ Antnin ġewwa Padova. Dan huwa xogħol fil-bronż. Miżmum fis-sagristija
tal-Bażilka tal-Ispirtu s-Santu mill-ġdid f’Firenze nsibu kurċifiss tal-injam
maħdum mimm Michelangelo Buonarroti li sar għall-ħabta tal-1493. Dan huwa
xogħol rari għax dan l-artist kien jippreferi jiskolpi l-irħam milli l-injam.
Xogħol ieħor ta’ dan l-artist kbir huwa l-kurċifiss imsejjaħ ta’ Tiglio. Dan
huwa kurċifiss żgħir tal-injam għad-devozzjoni privata. Illum jinstab
fl-ambaxxata Taljana għas-Santa Sede f’Ruma sewwa sew fil-kamra tad-deputati.
F'pajjiżna
Minkejja li l-parti l-kbira ta’ dawn il-kurċifissi li semmejna jnsabu
l-Italja, ma jfissirx li ma nsibux kurċifissi oħrajn magħrufin u devoti. Ma
hemmx għalfejn immorru bogħod minn xtutna, f’Malta għandna l-kurċifiss ta’
Ġieżu. Dan huwa xogħol fl-injam attribwit lil Frate Umile minn Palermo u li
nġieb Malta għall-ħabta tal-1630. Sa minn dak iż-żmien dan il-kurċifiss qajjem
devozzjoni kbira lejh, liema devozzjoni għadha teżisti sal-lum. Dan
il-kurċifiss nistgħu ngħidu li huwa l-kurċifiss l-aktar magħruf f’art
twelidna. Ma nistgħux inħallu barra il-bosta kurċifissi tal-Vara l-kbira ta’ xi
wħud mill-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, liema kurċifissi huma tabilħaqq
devozzjonali.
Dak li kien saħta, dak li kien bluha, dak li kien tkexkix, dak li kien
mistmerr illum sar simbolu mill-aktar mifrux madwar id-dinja kollha. Salib,
sempliċi salib li kien il-ħsieb ta’ bosta opri tal-arti mill-aqwa artisti
mondjali. Kristu msammar ma’ salib sar is-simbolu tas-salvazzjoni rigward
il-fidi u sar tema popolari u devozzjonali fejn tidħol l-arti. Mhux ta’ b’xejn
l-akbar artisti inkludew il-kurċifiss fix-xogħol tagħhom.
Fr. Reno Muscat OP
dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon fil-Ġimgħa Mqaddsa 2012
Nessun commento:
Posta un commento