
Niftakar

Karnival
Li tlibbes tifel
jew tifla xi lbies reliġjuż, anke jekk fi żmien il-karnival, hija aċċettata
tista’ tgħid minn kulħadd, imma li bniedem adult jilbes ilbies reliġjuż,
militari jew ġuridiku fi żmien il-karnival jew fi kwalunkwe żmien ieħor hija
ħaġa illegali. Minkejja l-liġi xorta nsibu lil min fir-renju tal-bluha jilbes
dan l-ilbies. Din is-sena rajt riklam ta’ ħanut Malti li fil-karnival ibiegħ
il-kostumi tal-adulti u fost il-kostumi kellu wkoll suttani għal min ried
jilbes ta’ saċerdot. Tiskanta kif hawn saċerdoti Maltin joqgħodu jmorru għand Gammarelli ta’ Ruma biex jordnaw
suttana! Minix ser nidħol fil-morali ta’ dil-ħaġa, kulħadd għandu dritt jaħseb
hu. Żġur li ħadd ma tkaża biċ-ċkejken Daniele f’Ruma, imma kieku minflok 19-il
xahar kellu 19-il sena l-istorja kienet tkun xort’ oħra.
Logħob bil-knisja
Minbarra l-ilbies
reliġjuż b’wegħda, f’ pajjiżna kien komuni l-logħob bil-knisja mit-tfal subien.
Kienu bosta dawk it-tfal li kien ikollhom l-altar jew il-knisja tagħhom fid-dar
u jibdlu u jżejnu u jarmaw daqs li kieku kien ikollhom l-ikbar bażilka. Kien
żmien ieħor fejn it-tfal ma kellhomx logħob ta’ teknoloġija li tieħdok il
bogħod mir-realtà imma kellhom logħob li jimita il-ħajja ta’ kuljum. Illum għad
hawn min għandu dan id-delizzju imma żgur mhux daqs qabel.
U aktar logħob

Ma rridx
ninftiehem li l-Knisja ma taċċettax kritika, anzi l-kritika u aktar u aktar l-awtokritika tista’ ssaħħaħ
il-Knisja ta’ Kristu imma hemm min jikkritika biex iweġġa’ u mhux għax
tabilħaqq iħobb id-dagħjsa ta’ Pietru. Il-kritika hija l-istess bħall-kostumi
tal-karinival, l-istess kostum jista jintlibes b’sens ta’ ammirazzjoni, bħal
fil-każ ta’ Daniele, il-Pontifex Minimus jew inkella b’sens ta’ disprezz minn persuna
kbira.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento