Konna nafu li bejn il-15 u l-20 ta’ Marzu kellu jibda l-konklavi biex
jintgħażel is-suċċessur tal-Papa Benedettu XVI li ta’ dimissjoni tiegħu
ix-xahar ta’ qabel. Konna nafu wkoll li kien ħareġ dokument li jgħid li l-konklavi
seta’ jibda qabel. Bosta ħasbu li kellu jibda fil-5 tax-xahar imma kien
impossibli li jibda għax xi wħud mill-kardinali kellhom jaslu Ruma fil-11 ta’
Marzu. Il-Ġimgħa 8 tax-xahar tħabbar li l-konklavi kellu jibda it-Tlieta ta’
wara, fit-12 ta’ Marzu.
Dan kollu jsir il bogħad mill-għajnejn tad-dinja. Il-konklavi hija
istutuzzjoni antikissima li sa minn elf sena ilu tassigura l-għażla tal-Isqof
ta’ Ruma u Kap tal-Knisja Kattolika. Ritwal antik jakkumpanja t-tħejjija
tal-Kappella Sistina. Mastrudaxxi u ħaddiema oħra jibnu pjattaforma tal-injam
fl-art kollha tal-kappella. Dan huwa simbolu li l-kardinali waqt il-konklavi
għandhom jinqatgħu mill-ħwejjeġ tad-dinja u jaħsbu u jaġixxu biss kont
l-ispirtu. Jiġi mwaqqaf il-fuklar f’
rokna tal-kappella, l-istess wieħed tal-konklavi tas-sena 1939, biċ-ċumnija tiegħu tagħti għall-barra. F’ dan il-fuklar jiġu maħruqin il-voti u
n-notamenti tal-elezzjoni. Fuq barra tal-kappella titwaqqaf iċ-ċumnija
tal-fukar b’ mod li tkun tidher sewwa mill-pjazza tal-vatikan. Jekk minn
diċ-ċumnija toħroġ daħna sewda jkun ifisser li l-Papa jkun għadu ma ntagħżilx,
jekk tkun bajda jfisser li d-dinja jkollha suċċessur ġdid ta’ Pietru.


Madwar siegħa wara infetħet il-loġġa prinċipali u minnha ħareġ il-Kardinal
Protodjaknu Jean-Louis Pierre Tauran sabiex iwassal l-aħbar li l-Knisja għandha
Papa u jgħati wkoll ismu u x’ isem se jieħu. Waqa’ skiet kbir. Għexieren kbar
ta’ eluf ta’ nies u kien hemm skiet taqtgħu b’ sikkina. Dak li smajna aħna li
konna fil-pjazza semgħetu d-dinja kollha. Mat-tħabbir tal-isem Ġorġ Marju
Bergoglio donnu s-skiet kompla jikber. Min hu? Min hu midħla tal-kurja Rumana
bla dubju kien sema’ bih. Membru fil-Kongrgazzjoni għall-Kult Divin u
d-Dixxiplina tas-Sagramenti, membru fil-kongragazzjoni għall-Kleru u
fil-Kongragazzjoni tal-Ħajja Kkonsagrata, membru fil-Kunsill Pontifiċju
għall-Familja u membru fil-Kunsill Post Sinodali. Imma l-poplu li mhux midħla
ta’ dawn il-kunsilli u kongregazzjonijiet għandu mnejn qatt ma kien sema’ bih.
Huwa twieled fis-17 ta’ Diċembru, 1936 ġewwa l-Kapitali Arġentina, Buenos
Aires minn familja ta’ nisel Taljan. Studja fl università ta’ Buenos Aires u
fl-1958 ingħaqad mal-Kumpanija ta’ Ġesù, il-Ġiżwiti. Għadda xi snin fiċ-Ċili u
wara reġa lura lejn art twelidu. Kien ordnat saċerdot fit 13 ta’ Diċembru,
1969. Bejn l-1973 u l-1979 kien il-Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Argentina. Il-Papa
Ġwanni Pawlu II ħatru isqof awżiljarju ta’ Buenos Aires fl-10 ta’ Mejju, 1992.
Kien ikkonsagrat isqof fis-27 ta’ Ġunju tal-istess sena. Fit-28 ta’ Frar, 1998
sar Arċisqof ta’ Buenos Aires. Fil-Konċistorju tal-21 ta’ Frar, 2001 Bergoglio
inħoloq Kardinal.
L-isem Franġisku wkoll kien sorpriża.
Ftit minuti wara t-taħbira, deher fil-loġġa tal-Bażilika. Mill-ewwel kliem
tiegħu seraq is-simpatija tal-Insara u tad-dinja kollha. Beda billi awgura
il-lejl it-tajjeb. Fl-ewwel dehra tiegħu bħala Papa ta x’ wieħed jifhem li huwa
Papa ragħaj. Lanqas kienu għaddew 12-il siegħa mill-għażla tiegħu li ma marx
jitlob fil-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore, ġewwa Ruma stess. Il-Ħadd, 16 ta’
Marzu il-Papa qaddes fil-parroċċa ta’ Sant Anna fil-Belt tal-Vatikan. F’ nofsinhar
għamel l-ewwel Angelus tiegħu. Huwa stmat li madwar 300,000 persuna kienu
preżenti għal dan l-Angelus. Qatt ma kont sibt ruħi f’ folla hekk kbira. Dejjem
hemm l-ewwel darba!
Kien jonqos il-quddiesa tal-bidu
tal-pontifikat. Intgħażel jum San Ġużepp, 19 ta’ Marzu. Ħrigt mill-kunvent
fil-5.00 am. Żammewni l-puluzija fi Piazza Risorgimento. Ridt immur in-naħa
l-oħra tal-Vatikan. Via della Conciliazione magħluqa, Borgo Santo Spirito
magħluq. Imma waħħalt f’ moħħi li min hemm jew minn hawn nasal fejn il-palazz
tas-Sant Uffizzio fejn kont miftiehem ma’ Malti ieħor. Mixja li soltu nagħmilha
f’10 minuti ħadilti madwar nofs siegħa biex nagħmilha! Imma wasalt.
Fis-6.30 infetħet il-pjazza għan-nies.
Ftit ftit bdiet tintela l-pjazza u t-triq ta’ quddiemha. Sa siegħa wara
kullimkien kien mimli. Dakinhar kienu qegħdn jistennew folla ta’ madar miljun
ruħ. Fid-9.00 il-Papa deher ħiereġ fuq il-Jeep bajda biex idur mal-folla
miġbura. Fid-9.30 bdiet il-quddiesa biċ-ċerimonja tal-għoti tal-palju u
ċ-ċurkett.
Mal-11.30 il-quddiesa intemmet u mal-Ite Missa Est intemmet ukoll din
l-avventura li għexna fil-konklavi u fil-bidu tal-pontifikat tal-Papa Franġisku
– l-ewwel Papa Sud Amerikan, l-ewwel Papa Ġiżwita, il-266 suċċessur ta’ Pietru.
Fr Reno Muscat OP
dan l-artiklu deher f' Xandar il-Kelma April 2013
Nessun commento:
Posta un commento