sabato 15 marzo 2014

Randan

Kulħadd jaf xi jfisser iż-żmien li għadha kemm bdiet il-Knisja Kattolika. Ir-randan huwa dak iż-żmien ta’ qabel l-Għid li fih insumu u niċċaħdu. Kemm għadu rilevanti llum dan iż-żmien? Kemm hawn min għadu josserva dak li qabel kien jiġi osservat minn kulħadd­­?

Ibieraħ u llum
Qabel il-Konċilju s-sawn kien obbligat tul ir-randan kollu. Illum is-sawn huwa obbligat fl-Erbgħa ta’ rmied u fil-Ġimgħa l-Kbira biss. Il-Knisja tobbliga li f’dawn il-jumejn niċċaħdu mill-ikel u ma nieklux laħam. Imma nerġa’ nistaqsi: illum x’ sens tagħmel li tgħid lil xi ħadd inaqqas mill-ikel jew ma jiekox laħam meta bosta minna jagħmlu d-dieta matul is-sena u ħafna oħrajn huma veġitarjani u ma jieklux laħam is-sena kollha u mhux f’ dawn il-jumejn biss. Jew inkella ma narahiex li tagħmel sens li f’dawn il-jiem ma tiekolx laħam imma tiekol il-ħut. Bosta minna jippreferu l-ħut mil-laħam u hawn ċertu ħut iktar rikk mil-laħam. L-għan ta’ dan kollu kien li dak li jkun jiċċaħħad minn xi ħaġa tajba, imma dan kien fi żmien li l-laħam ma kienx jasal fuq il-mejda tagħna kuljum bħalma jasal illum.

Jaqbel lilna
Jekk ngħidu lill-poplu ta’ xi pajjiż fejn hemm il-ġuħ biex isum inkunu qegħdin nagħmlu l-isbaħ farsa għax dawn bilkemm għandhom x’ jieklu u r-randan għalihom huwa twil 365 jum, imma aħna li ngħixu fil-lussu u fil-fsied nistgħu nnaqsu minn dak li nikkunsmaw,  jekk mhux bi skop reliġjuż ġieli nagħmuh minħabba saħħitna.
Hemm xorta oħra ta’ sawm li tajjeb nibdew nipprattikaw ruħna fih. Tajjeb li nippruvaw innaqqsu minn xi difetti li lkoll kemm aħna għandna minnhom, bħal tpaċpiċ żejjed, piki żejda, inkejja u tant oħrajn. Bit-tnaqqis ta’ dawn id-difetti nistgħu nikbru.

Tħejjijiet
Beda wkoll iż-żmien tal-preparamenti għall-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir. Tibda tara bosta żgħażagħ jersqu lejn il-knisja għax ikunu sejrin jieħdu sehem jew fil-pageant jew fil-purċissjoni. Ħasra li xi wħud minn dawn jidhru biss f’ dan iż-żmien u donnhom jistaħbew fix-xhur l-oħra tas-sena. Tajjeb li dawk li jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet iżommu f’moħħom li dawn huma rappreżentazzjonijiet reliġjużi, attivitajiet sagri, marbutin mal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu għalhekk bl-ebda mod ma nistgħu ndaħħlu piki, għira jew ġlied fihom. Ma ninsewx li l-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid il-Kbir ma għandhom x’ jaqsmu xejn mal-ħamest ijiem ta’ qabel jibda ir-randan (mhux għax fil-karnival għandu jkun hemm piki, għira jew ġlied).

Arti
Ma nistax ma nsemmix kemm preparamenti jibdew isiru għall-bosta wirjiet li jinfetħu lejn tmiem ir-randan, wirjiet li wħud minnhom jilħqu livell artistiku tassew għoli. Dawn il-wirjiet isiru mhux biss minn għaqdiet imma wkoll minn individwi. Illum sar impossibli li ddur il-wirjiet kollha li jsiru f’pajjiżna għax in-numru tagħhom huwa kbir ħafna tant li l-ħin ma jippermettix li żżurhom ilkoll kemm huma. Tajjeb li dawn il-wirjiet isibu aktar appoġġ mill-poplu Malti.

Għadna fil-bidu ta’ dan iż-żmien u propju għalhekk ridt li nikteb dan illum għax jekk ngħid dan kollu xahar ieħor ikun kważi għadda r-randan. Dawn il-jien għandhom mnejn iservuna ta’ ġid materajli apparti milli spiritwali, tnaqqis mill-ikel jagħmel tajjeb għal saħħitna, il-kontroll tad-difetti jista’ jevitalna l-inkwiet, tħejjija kemm fil-knejjes, fit-teatri kif ukoll fis-swali tal-wirjiet jistgħu jkunu mezz li jkabbru t-talenti tagħna.

Ir-randan fih anke gwadan materjali iva!


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 15 ta' Marzu 2014





Nessun commento:

Posta un commento